Wayne Flask

Author Translator Music Writer Public Annoyance

21/11/2015
by Der Heckler
Comments

Minn Skalin għal ieħor (kemmxejn konfuż)

Sur Sindku,

Nirreferi għall-artiklu li deher illum fuq timesofmalta.com fejn qed tgħid li inti għandek ftehim ma’ Sadeen sabiex, jekk jitwettaq il-proġett tal-Università fuq l-art taż-Żonqor, Sadeen jibnu uffiċċju ġdid għall-kunsill lokali tar-raħal.

Billi ninsab xi ftit jew wisq konfuż, se nagħmillek dawn il-mistoqsijiet fil-pubbliku u nittama li tweġibhom kif kont weġibt xi mistoqsijiet oħrajn tiegħi dan is-sajf.

  1. Kemm-il darba ltqajt ma’ Sadeen u kemm ilu li sar dan il-ftehim dwar il-bini ta’ uffiċċji ġodda għall-Kunsill? Meta kont heddidtni b’azzjoni fil-qorti wara li jien staqsejtek għandekx interess personali fil-bini tal-Università (Ġunju ta’ din is-sena), dan il-ftehim ma’ Sadeen kien diġà nħema?
  2. Taħseb li hemm tassew bżonn iddawwar ġnien f’uffiċċju għall-Kunsill, meta tikkunsidra l-ammont ta’ blokok li qed jinbnew f’Wied il-Għajn (u inti stess tgħid li inti kontra li jibqa’ jsir ċertu tip ta’ żvilupp) li jistgħu jservu bħala uffiċċji?
  3. Jekk inti qed taqbeż għall-ispazji pubbliċi f’Wied il-Għajn, kif qed tipproponi li tieħu parti minn ġnien pubbliku għall-użu tal-kunsill (fejn tifhem li avolja huwa bini pubbliku, ma jistax jintuża bl-istess mod li jintuża l-ġnien)? Għandi nifhem li konxju mill-fatt li minbarra l-art taż-Żonqor, ir-residenti se jitilfu parti oħra mill-art pubblika li jgawdu minnha – telfa ta’ żewġ biċċiet ta’ spazju miftuħ bil-prezz ta’ wieħed.
  4. Kemm ilek li ħsibt fl-idea li tibni uffiċċju fi ġnien?
  5. L-uffiċċju l-ġdid huwa interess tiegħek*, jew għandek l-appoġġ tal-membri kollha tal-kunsill dwar din il-kwistjoni, li jagħmel minn dan interess inekwivokabbli tal-kunsill kollu? Fil-każ li m’għandikx il-kunsens tal-kunsill kollu, nistgħu ngħidu li din hija xewqa tiegħek u mhux eżiġenza urġenti li qed tfixkel serjament l-operat tal-kunsill u l-kunsilliera mmexxija minnek?
  6. X’forma ta’ konsultazzjoni saret mar-residenti ta’ Wied il-Għajn dwar il-bini ta’ uffiċċju fil-ġnien? Għandek l-appoġġ tal-maġġoranza tar-residenti biex tieħu ġnien u tagħmlu uffiċċju?
  7. Il-Kunsill qatt ikkunsidra jirrestawra u juża waħda mill-ħafna proprjetajiet mitluqa fi Triq Sant’Anna bħala uffiċċju?
  8. L-Uffiċċju tal-Prim Ministru, bħala sponsor tal-proġett ta’ università fuq art ODZ, tak il-kunsens tiegħu għal dan il-ftehim?

Nirringrazzjak bil-lest.

 

Wayne

21/11/15

*ħa naraw hux ġejja theddida oħra ta’ libell did-darba…

13/11/2015
by Der Heckler
Comments

Il-Ħames Kotba li Ġejjin ta’ Gerard James Borg

fileWara s-suċċessi spettakolari (spettakolużi) ta’ Sliema Wives u Madliena Married Men ta’ Gerard James Borg, jingħad li dawn ser ikunu l-ħames kotba li jmiss tal-istess awtur, li jsegwu bejn wieħed u ieħor l-istess linja.

 

1. Buġibba Bulgarian Bodybuilders

Storja li tinvolvi żewġ bodybuilders Bulgari f’Buġibba li jiġġennu fuq mara Ingliża alkolizzata ta’ 65 sena waqt karaoke.

2. Paceville Pregnant Policewomen

Wara xi tnax-il transfer, l-Ispettur Camenzuli jsolvi l-każijiet ta’ tqala suspettużi li xxokkjaw Korp tal-Pulizija sħiħ.

3. Kappara Colourblind Carnivores

Esperiment “horror” (bħall-oħrajn) fejn adolexxenti mill-Kappara jattakkaw u jieklu lil kull min jgħaddi minn taħt il-flyover.

4. Portomaso Property Agents

L-awtur jirritorna fid-dinja familjari ta’ nies tal-flus promiskwi, din id-darba ambjentat f’seminar organizzat minn Paul Vincenti.

5. Swieqi Sordid Stories

Vigilante mis-Swieqi jkollu relazzjoni passjonali ma’ omm it-tifel li kien għadu kif ġablu l-karozza żibel waqt lejla ta’ Halloween.

 

14/10/2015
by Der Heckler
Comments

L-Istatistika Mhux Opinjoni, Iżda…

Ftit statistika wara l-għeluq tal-grupp ta’ (non)kwalifikazzjoni għal Euro 2016.

Pajjiżi Żgħar:

Iżlanda, 20 punt (żgħar skont liem kriterju? Jekk nieħdu l-popolazzjoni, l-uniku ħaġa li l-Iżlanda għandha inqas minna, l-Indja għandha tkun superpotenza tal-football).

Ċipru, 12-il punt (Ditto) – goals kontra 17.

Gżejjer Faroe, 6 punti – ebda superpotenza fil-grupp (goals kontra 17, ġabu punti daqs il-Greċja).

Liechtenstein, 5 punti – goals kontra 26, ebda superpotenza fil-grupp. Skurjaw goal inqas minn Malta, tilfu 7-0 mar-Russja, marret agħar minnha l-Moldavja (li qabel Ghedin konna nitilfu magħha f’darna).

Lussemburgu, 4 punti – fil-grupp ta’ Spanja, goals kontra 27. Tilfu ma’ Spanja 4-0 għal darbtejn.

Malta, 2 punti – goals kontra 16, l-inqas fost il-pajjiżi ż-żgħar. Fil-grupp magħna l-Italja u semi-potenzi bħall-Kroazja u n-Norveġja. L-agħar riżultat ta’ Malta huwa 3-0 man-Norveġja.

San Marino, punt 1 – goals kontra 36.

Andorra, 0 punti – goals kontra 36.

Ġibiltà, 0 punti – goals kontra 56.

Opinjoni bbażata fuq l-istatistika:

Alfred Effiong: ikanta l-Innu Malti aħjar mis-"70% li ma jafuhx" skont kif qal xi patrijott.

Alfred Effiong: ikanta l-Innu Malti aħjar mis-“70% li ma jafuhx” skont kif qal xi patrijott.

Fil-maġġoranza l-kbira tal-logħob it-tattika ta’ Ghedin, li tant qed jiġi kkritikat minħabba n-nuqqas ta’ logħob offensiv (3 goals skorjati) hija dik li żżomm lil Malta fil-logħba sal-aħħar minuti. Ma ġewx tidrisiet, l-erbgħat u s-sittiet li kulħadd stenna, u jekk ix-xogħol difensiv ta’ Ghedin jibqa’ sejjer hekk, għamilna l-ewwel pass biex nitjiebu. Filfatt, dan huwa punt importanti: ma nistgħux nippretendu li nitilqu niġru mill-ewwel wara żewġ logħbiet tajbin biss. Ta’ min isemmi xi ħaġa li l-istatistika qajla se tindika: il-grinta li għandhom il-Maltin f’nofs il-ground. Ħaġa oħra pożittiva minkejja l-40 goal statistiku tiegħu (u l-lasta li għadha tterter wara l-goal mal-Azerbaijan), Michael Mifsud m’għadux intokkabbli; Alfred Effiong huwa aktar minn alternattiva valida u spiss tarah jissielet fuq il-blalen għoljin ma’ difensuri ta’ daqs mostruż bħal tal-Kroazja. Jew Chiellini.

Kieku nagħżel top 11 ta’ players li lgħabna kontrihom, ikun hemm nies bħal Buffon, Chiellini, Bonucci, Modric, Kovacic, Perisic, Pellè… nies li jilagħbu fl-aqwa kampjonati tal-Ewropa. Mhux nejk.

Li tgħid li ddaħħal attakkant ieħor kontra l-Kroati (4-3-3, tul u teknika) u kapaċi ġġib draw hija naivete tattika. Malli tinkixef ituk ieħor, it-tim jitlef il-moral, u jdabbar erbgħa. Fil-football, l-ewwel id-difiża. Eventwalment it-titijb li wera Effiong fuq quddiem jaf isarraf f’aktar punti.

Imma, bil-mod.

15/07/2015
by Der Heckler
Comments

Il-Ħamsa u Nofs

Din hi l-ġrajja ta’ John Borg magħruf aħjar bħala l-Ħamsa u Nofs. Il-Ħamsa u Nofs kien bniedem twajjeb – insomma, sempliċiment kien alright, imma qatt ma dejjaq lil ħadd miskin – insomma lill-Ħamsa u Nofs ħadd ma kien jafu sew. Continue Reading →

20/06/2015
by Der Heckler
Comments

Minn Skalin għal ieħor – ittra miftuħa lis-Sindku Mario Calleja

“Nofs dawk li marru jipprotestaw lanqas jafu fejn hu ż-Żonqor…” – kliem Mario Calleja, li ħarab mill-gaġġa tal-paguni li kien ikun hemm taħt il-knisja u sar sindku ta’ Wied il-Għajn, diżgrazzjatament għar-raħal li trabbejt fih. Ma nafx minn fejn ġabha l-istatistika, għalkemm dan l-aħħar bejn surveys u firem qed narah jinteressa ftit ruħu fin-numri.

Għall-informazzjoni tas-sindku, jien kont wieħed minn dawk li marru jipprotestaw kontra l-università li se tinbena kontra l-liġijiet tal-ippjanar fuq art agrikola. Għall-informazzjoni tiegħek, Sur Sindku, jien trabbejt Wied il-Għajn u jidher li għandi r-raħal għal qalbi iktar minnek (qatt ma kont inbigħ ħobż iżda).

11535804_10153487161654416_5249549901652106615_nInħoss li l-attitudni tiegħek hija stupida, din li tipprova tkeffen lil kulħadd fi ġlieda ta’ aħna kontra huma, minflok tagħmel ħiltek biex l-università tinbena f’Wied il-Għajn mingħajr ma tgħarraq waħda mill-isbaħ veduti u żoni ta’ paċi fir-raħal. Suppost qed tagħmel ħiltek biex tiddefendi l-valur tal-proprjetà tal-Iskalini li tant tgħid li tħobb, biex tiddefendi l-kwiet li jgawdu r-residenti, biex Wied il-Għajn ma jegħriqx fit-traffiku, u biex kulħadd ikun jista’ jgawdi l-ġmiel ta’ żona kostali li hemm iż-Żonqor. X’se tgħid lil min għereq l-għaraq tad-demm u ssallab mal-banek biex jixtri post iż-Żonqor u jgħix fil-kwiet? “Sorry, imma jien ma jinteressanix mill-paċi u l-kwiet?” Sparat titla’ meta toħroġ għall-elezzjoni ġenerali… (EDIT – elezzjoni ġenerali li tikkontesta fuq iż-Żurrieq u mhux fuq it-tielet distrett, biex tara kemm jieklok biex tirrappreżentahom lill-Iskalini…)

Madankollu l-interess tiegħek f’dan il-proġett iħallili ftit dubji dwar l-operat tiegħek, inti li ħlief tparla fuq tisbiħ ma tagħmilx, iżda mostru bħal dak fl-għelieqi lest tilqgħu b’idejk miftuħin. Dan wara li l-Kap Eżekuttiv tal-MEPA mar jiddefendi studju/rapport bażwi li lanqas biss jikkunsidra l-impatt fuq l-ambjent, fuq il-biedja u fuq ir-residenti. X’garanzija hemm li wara l-kampus ma jinbeniex supermarket, u iktar appartamenti li m’hemmx bżonn? Lest titfa’ ismek bħala garanzija li ma jsirx dan li qed ngħid jien?

Kieku inti sindku serju topponi dan il-proġett u tissuġġerixxi programm ta’ biedja, iffinanzjat mill-UE, li jerġa’ jagħti l-ħajja lil din l-industrija li qed tmut, mhux ittaptap fuq dahar proġett fejn il-konkos jeqred il-ħamrija.

Iżda nsejt, il-pagun jippreferi jidher milli jirraġuna.

Wayne Flask
20/6/2015

PS inti personalment tiggwadanja xi ħaġa mill-bini tal-Università? Il-mistoqsija oħt il-għerf, u tajjeb li nistaqsi.