Monday, May 26, 2008

Lil John Terry

Nifhmek, jiddispjaċik.

Jien niddejjaq nitlef il-penalties fil-5-a-side ta' nhar ta' Tnejn, tlift wieħed xi sentejn ilu u qatt ma tħajjart nagħmel wiċċi biex nixxutjah jien minn dakinhar.

Naturalment, jekk qed titħallas il-belli liri li taqilgħu int u l-kollegi tal-futbol Ingliż, u fuq dahrek qed issostni t-tamiet ta' eluf ta' nies mhux biss f'Londra iżda fid-dinja kollha - trid u ma tridx, dak il-penalty huwa responsabbilta' li jkollok tpoġġi fuq dahrek.

U dik il-faxxa li għandek marbuta ma' idejk, cap'n, titqal b'piż ieħor.

Jien inżomm ma' l-Arsenal. Is-snobs ta' Chelsea, tal-punent ta' Londra, ma tantx inniżżilhom. Bħal ma nniżżilx lil dawk ta' Manchester, tal-United prinċipalment, is-City inżomm magħhom fi żmien id-derby biss. Iżda dik il-finali rajtha xorta, bħala spettatur mhux daqshekk interessat, anke għax kulma seta jikkompeti kien CSI fuq l-Italia 1, u dak xi darba nistgħu nġibuh DVD.

Ma ħadtx gost nara lil Ferdinand jerfa' it-tazza. Suppost kellek terfagħha int, għallinqas skond dawk li jemmnu fil-ġustizzja. Dik iż-żelqa ma kellekx xi tridha, jew aħjar, ix-xitan reġa deffes denbu fl-aktar mument li fih seta baqa d-dar quddiem it-TV bħalma konna aħna lkoll.

Iddispjaċieni, nara lis-sinjorina Ronaldo bit-tazza f'idha, wara logħba mimsusa b'dribblings arroganti, waqgħat fil-vojt li anqas Maggie tas-Simpsons m'hi kapaċi taqa', u penalty mogħti bl-istess pass ta' xwejjaħ qed jissara biex jitla' fuq karozza tal-linja Maltija, dawk bl-istaffa għolja.

Nifhmek, jiddispjaċik.

Jibqa' il-fatt li fl-Ingilterra, players tal-grinta ta' Terry ftit ser issib. U mhux fl-Ingilterra biss. Meta nsemmi lil Terry qed inpoġġieħ fil-keffa ta' nies li jagħtu kollox għall-klabb tagħhom, għas-supporters, u li għal ebda raġuni m'huma ser jitilqu biex jilagħbu x'imkien ieħor. Il-keffa ta' Maldini, Totti, Franco Baresi, Tony Adams, Gerrard, nistgħu ngħidu Del Piero wkoll.

U daqs kemm tħassart lilek, JT, tħassart lil Avram Grant.

Fi żmien li kienu jilagħbu Van Basten u Rijkaard, coach li jiġi t-tieni fil-kampjonat u f'żewġ tazzi oħra ma kienx jitkeċċa fl-aħħar tas-sena. Anzi kienu jiċċelebraw. Sacchi kien se jwaqqagħna għan-nejk dak iż-żmien u Berlusconi żammu xorta - u ġiet xita ta' tazzi.

Illum le. Kollox mill-ħaġra għat-tajn. Mourinho jitkeċċa wara xahar u nofs minn staġun ġdida. Jidħol floki coach Lhudi ħabib ta' president Russu, bla esperjenza ta' xejn iwassal team għall-finali tac-Champions League u kważi jirbaħha. Jasal it-tieni fil-kampjonat u jibqgħu jissaraw mal-Manchester United sa l-aħħar logħba. Minn dalgħodu, Avram Grant qed jirreġistra l-ETC.

Mancini, coach antipatku u arroganti, li rebbaħ league (tnejn) lill-Inter wara nuqqas ta' kważi tmintax-il sena (minn żmien Klinsmann). Dil-ġimgħa hemm imnejn jitlef xogħlu. U oħrajn taħt pressjoni kbira: Rijkaard. Schuster rebaħ league iżda ħadd ma jridu.

Ms Ronaldo sadattant qed tħares lejn ħamsin miljun ewro biex titlaq il-Manchester United u tmur mar-Real Madrid. L-Inter iridu jixtru lil kulħadd. Il-Milan iridu lil Ronaldinho u ma jafux x'se jagħmlu bih. Hleb irid jitlaq b'xejn mit-team li għamlu nies.

U le. Tuni lura l-football taż-żmien. Tuni l-goals ta' Massaro u l-akrobaziji ta' Van Basten f'Goteborg. Tuni lil Careca u Maradona, lil Aldair u Sebino Nela, lil Seaman, Dixon, Adams, Bould u Winterburn. Is-saves ta' Schmeichel u d-Danimarka li tirbaħ il-kampjonati ewropej.

Illum we got Cesc Fabregas u kif qal Gonzi (Adidas??) Impossible is Nothing. Imbagħad Take it to the Next Level.

Qażżiżtu kull m'hawn.

Saturday, May 24, 2008

Dalwaqt

"Qed tibda tħossok xi ftit għajjien?"

Kellu raġun. Is-sala li kont fiha, bajda karti, kienet qed tibda tiddallam bil-mod, u mixħut fuq is-sodda kif kont b'wiċċi 'l fuq, kelli għajnejja miftuħin beraħ. Bdejt inħosshom jingħalqu. Ma kellix saħħa niġġieled mal-loppju.

"Issa, iva" weġibtu. "Narakom għal xi s-siegħa, l-aħwa..."

U ġie kollox dlam ċappa.

* * *
Għadni sa llum ma nafx fuqhiex ser nikteb. U ġraw ħafna ħwejjeġ. Terremot fiċ-Ċina. It-Taljani tilfu showgirl kbira, Annamaria Franzoni, li spiċċat il-ħabs (wara ħafna logħob). Ġejjin l-Olimpiadi u se jkun hemm Pistorius. Ġej il-Euro 2008 u mhux se jkun hemm l-Ingliżi. L-Inter rebħu league, Ronaldo reġa tqażżeż biex ta biċċa penalty u Terry żelaq meta l-aktar kellu bżonn jibqa fuq żewġ saqajn.

Ġie l-Eurovision u ma kienx hemm Malta.

Eh, bilħaqq, il-Eurovision. Minn dakinhar li ġab punt wieħed biss Faniello, ma rġajniex tfaċċajna 'l hemm fuq. Grace Borg probabbli għadha ma waqfitx titbissem. U dan Robert Abela, li jixbaħ ħafna lil David Bowie iżda jifhem fil-mużika daqs kemm jien nifhem fl-ornitoloġija, għadu ma jafx x'laqtu.

Għalissa, mhux ser ninfexx fi kritika la tal-bord tal-Maltasong, la tal-kantanta (li qas kellha ċans tagħmel xi ħaġa ħażina) u lanqas ta' dawk kollha li ibda minn Montesin, kompli fil-kru ta' Xarabank, u spiċċa f'tax-xagħar u tad-dwiefer, sena wara sena qed jitfaċċaw bħala "l-kontinġent Malti".

Kif jgħid Beppe Grillo, vaffanculo.

Dalwaqt tisimgħu mingħandi. Kemmxejn aktar edukat minn Beppe, iżda beħsiebni naqta xi ftit jien ukoll. Issa wasal iż-żmien.

Blog Counter