Bin-nejk in-nejk, għaddew ħames snin.

Dalgħodu wasalt tard. Qiegħed f'uffiċċju akbar u aktar arjuż iżda dejjem f'Ta' Xbiex. Kelli argument ħafif ma' Pulizija għax kont membru ribelluż tal-Ġemgħa; daqqejt il-horn.
Is-sistema awtomatika, qalli dak. Kieku ġieni l-kuraġġ kont ngħidlu
darb'oħra, inġibu erba robots u norbtulhom imħadda ma' żaqqhom biex jiġu jixbħuk. Iżda għedtlu biss,
Skużani, bonġu. Kemm jien bla bajd.
Kwarta wara qiegħed biss kilometru 'il bogħod. Fil-kċina ta' kull filgħodu. Hemm kollega qed ilesti sittax-il kafe għal fuq gabarre li jesgħa tnax. It-traġedja hija kważi ċerta.
Il-kafe iswed tiegħi, mimli sa tliet kwarti tal-magg b'waħda zokkor fih, qed iterter fuq il-bank il-kbir. Sieħbi qed jispjegali kif mar fl-eżami tal-liġi ta' l-assigurazzjoni. Il-microwave qed idur u jrejjaħ.
Irejjaħ bl-ikrah. Hemm tazza ħalib sħiħa li għandha minuta ddur fuqha nnifisha, ma' kull punt ta' grad li tisħon tarmi riħa li tifga' kull m'hemm. Sieħbi kellu ħarsa ta' wieħed li xtaq jiskuża ruħu minħabba l-indulġenzi ta' xi ħadd fid-dipartiment tiegħu.
Għalaqt it-toqob ta' mnieħri u ħtaft il-magg, għamilt pass meqjus lejn il-bieb u ħrabt minn dik ir-riħa taqsam. Ta' min nibgħat dik l-email, dalgħodu, b'talba ċkejkna u rħisa li se ssalvani mill-irwejjaħ ta' ħalib mgħolli, gamumilla, fusilli bis-salamun li sajret Rosie ta' l-A1, u
pot noodles.
L-għadu etern tiegħi, il-
pot noodles. Hemm xi kaxxa x'imkien fl-uffiċċju li minnha jieklu kuljum ħmistax-il ruħ, parti minn dieta stramba għaġin qasir u pallidu mgħarraq fl-ilma, maħsuba min-
nutritionist ta' Pavarotti li qabel is-sajf beħsiebha ġġibek irqaq minn stekkin. Kultant, għall-gost, hemm min iqatta' xi ftit zunnarija jew faqqiegħ. Saħansitra
ketchup.
Iva, illum nibgħatha dik l-email. Fil-lift qed nippjana l-kitba:
"Dear Mr Dalai LamaHope this email finds you well.
I forgot to mention in yesterday's email a minor point concerning the circulation of air in the common areas. Could we have an extractor in the kitchen area to ease a substantial chunk of the problem?
Many thanks in advance,
Wayne"
Ġbart ilsieni lura f'ħalqi. Iżda lanqas ilħaqt għamilt il-magg ma' ħalqi li ma nismax ħoss ta' brejk qawwi ġej mit-tielet sular. Kien donnu l-vann tal-Bafflu, iżda dan ma kellux bżonn żejt biex ma jagħmilx ħoss.
L-imgħallem kien qed jibgħatni nieħdu.