Thursday, March 27, 2008

In-Nostalġiku

Għalaq il-bieb l-aħmar warajh, irranġa ftit il-ġlekk li kien liebes biex it-tarf ma jidhirx imberfel minn wara. Lanqas laħaq għalaq il-bieb kollu, li ma tfaċċatx it-Taljana (li ma kienet Taljana xejn, iżda kellha laqam minħabba isimha) u talbitu jġibilha xi ħaġa xi tgiddem waqt il-brejk, wara r-ross bit-tonn taż-żejt li kienet tiekol kuljum preċett.

Qabad bil-mod il-pass lejn il-post tas-soltu. Waħdu, solitarju flimkien ma ħsibijietu. Saru s-siegħa neqsin kwart, għadu bil-ġuħ minkejja li niżżel żewġ panini ħfief.

L-irxiex tax-xita ħalla it-triq imxarrba. Il-karozzi li bdew għaddejjin bdew itajru l-ilma. Kellu joqgħod attent li ma jixxarrabx, li ma jkunx hemm xi bodbod għaddej isuq bl-addoċċ u jaħslu. Għax kieku kienet tkun tmiem il-ġurnata, kien jarma jidgħi bla ma jieqaf u jkollu jinżel id-dar ibiddel.

Raġel xiħ kien għaddej isuq, u naqqas eżatt qabel ma għadda minn ġo ħofra kbira miżgħuda bl-ilma kannella. Ix-xiħ donnu staħa minnu, għolla idejh biex jiskuża ruħu, u saq 'l hemm. Dak ma weġibx, baqa miexi cool mingħajr ma ħass il-bżonn li jgħid jew jagħmel xejn.

Għolla rasu, u ħares fuq il-lemin tiegħu. Kien hemm il-ġnien tas-soltu, bil-bankijiet ħodor, ta' l-injam, skomdi donnhom tal-ġebel. Lanqas tista sserraħ dahrek magħhom għax l-għasafar imdorrijin iserrħu l-istonku tagħhom fuqhom.

Fit-tundjatura ta' nofs il-ġnien ra għaxra minn nies. Jew deherlu li rahom, ħa ngħidu hekk. Tfajla twila, bjonda, kwieta immens, bilqiegħda ħdejn ħabiba tagħha b'xagħarha kannella, twil u lixx, waħda minn dawk li ma jiqfux iparlaw. Bilqiegħda ma' l-art ra lil sieħbu jaħtaf chicken fillet. Ieħor bil-flixkun ta' l-ilma f'idejh, jimxi qisu għandu arblu marbut mal-warrani, jitnellaħ b'kulħadd. L-Awstraljan jitkellem dwar muturi. Mara oħra, madwar tletin sena, u oħra bjonda, jitkellmu dwar dieta u qliezet li reġgħu bdew jiġuhom. Waħda minnhom kellha aċċent Ingliż daqsxejn falz, li kienet tużah biex tkellem lil xi ħadd ħażin.

Kien hemm tfajl' oħra fuq bank, tgħid u ma tiqafx, tipprova torganiżża ikla llum, oħra l-ġimgħa d-dieħla, u forsi ikla oħra xi jumejn wara mal-ħbieb ta' żewġha.

Fuq bank minnhom deherlu li ra lilu nnifsu, kuntent u daħkan, jiċċaċra ma' kull ħaġa li jgħidu l-oħrajn. U xi kultant iqum jitbellaħ ma' sieħbu tal-flixkun ta' l-ilma.

Imbagħad sparixxew ilkoll.

Kollox tmermer f'ħakka t'għajn. In-nies imdawrin ma' dawk l-erba bankijiet ma baqgħux jitfaċċaw. Fiż-żmien kienu saħansitra jqattgħu biex ikollhom post kenni taħt waħda mill-palmi. Darba kollha kemm huma kienu kienu ħbieb, lesti biex jgħinu lil xulxin.

Iżda l-għaxar persuna bidlet kollox. L-għaxar persuna qalbet id-dinja ta' taħt fuq. L-għaxar persuna ħaditlu d-daħka, kważi għal kollox. Iżda hu baqa' jaraha quddiemu, id-daħka tagħha, kliemha. Imma dak il-ħsieb ma kienx idum wisq. Kien jiftakar f'għemilha u fil-ħars ikrah li kienet tagħti għalxejn. U malajr jgħaddilu.

* * *
Qasam it-triq u xtara li kellu bżonn jixtri. Ħabat ser jimxi lura, iżda ftakar li t-Taljana riedet xi ħaġa x'tiekol ukoll. U ma seta jiġi f'rasu xejn għajr it-Twix, deżerta li kien imdorri jaqsam max- xiħadd ieħor tas-soltu, f'dak il-Marzu xemxi u ħelu ta' ħafna snin qabel.

Thursday, March 20, 2008

L-Aħħar Versett

Qed inħares lejkom, għedewwa u ħbieb tiegħi mitlufin fil-ġemgħa li hemm quddiemi. Qed nagħraf wiċċkom, qed niftakar fir-riħa tagħkom, f'moħħi qed jidwi l-ħoss ta' kliemkom, l-aċċenti u l-pronunċja, qed narakom mill-bogħod iżda qed inħares fiss f'għajnejkom u nara ċ-ċaqliq tal-linji ċkejkna fuq moħħkom.

Xi wħud minnkom qed ixejru. Qed inxejjer lura għax għallmuni nkun edukat. M'inix f'burdata. Għadni wisq imħasseb inħares lejkom.

Saħħa, għadu tiegħi li issa qed nitkellmu wiċċ imb'wiċċ, kważi nħarsu f'għajnejn xulxin minkejja ċ-ċajta ħarxa li għamiltli. Qed nixorbu flimkien avolja m'ilux konna qbilna li x-xorb iġib il-kliem fieragħ.

Inti pont dgħajjef li ħraqt waqt l-għadab bajdani li bdejt inħoss.

L-għadab bajdani agħar minn dak aħmar. L-għadab aħmar huwa enerġija, saħħa, vjolenza, tisbit. L-għadab abjad ma jidhirx minn barra. Ikun fuq ġewwa. Ma joħroġx, jibqa ġo fik, u jaf idum hemm sal-Griżma ta' l-Isqof. Hawn min miet bih fl-istonku.

Il-qilla tiegħu marritli meta rajt ruħek, griża, ċassa, bla saħħa, irħisa tant li tixtrieha minn fuq eBay u lanqas iżommulek tal-posta. Mhux ser nibqa' neħodha miegħek. M'għandix għalfejn, u int ħaqqek aħjar.

* * *
Fiċ-ċpar stramb ta' Marzu Malti qed nisimgħek tmeċlaq f'hot dog f'widinti tax-xellug. B'tal-lemin qed nisma' ġrajja żgħira u mhux daqshekk relevanti. Fl-aħħar ċarratt ftit ħalqi u qbadt it-triq lejn dari.

It-tmeċliq idejjaqni. Id-daħk fil-vojt bdejt naċċettah. Illum sirt bħalek, inġorru miegħek.

Tuesday, March 11, 2008

Burraxka Niexfa

Le, ħuti, jien m'inix bħalkom.

Ma nqattax il-Ħadd waranofsinhar imkeffef f'bandiera sewda bil-bord isfar, disinn daqsxejn antik, indoqq il-ħorn ma kull kelma li jgħid il-mexxej. Ma kontx ser inċapċap għax il-mexxej akkuża lil xi ħadd korrott. Kont nisbel, iva, iżda nifraħ le. U lanqas kelli ħsieb nagħmel ħsara fil-clutch tal-karozza waqt carcades.

Jien il-vavati nħallihom għall-Karnival. U lanqas hawn wisq x'tiċċelebra, jekk toqgħod tinnota kollox.

Kummidjanti jkun hawn ħafna anke fl-elezzjoni. Minn Lou Bondi, bniedem lagħqi li l-awtoritajiet Ċiniżi ser jużaw ilsienu għall-hundred meters fl-Olimpijadi li ġejjin. Kompli b'Charlon Gouder, verżjoni ħażina ta' Le Iene tiġri wara Gonzi għal risposta fuq xi ħaġa li wieġeb diġa.

U galoppini, mijiet u eluf fuq kull naħa. Tant qażżew kull m'hawn dis-sena li xi ħadd ried jeħodha ma' Harry Vassallo u jumejn qabel l-elezzjoni ried jitfgħu l-ħabs. Flok membru żagħżugħ ta' l-Unjoni Ewropea b'futur kbir quddiemu, dak il-jum pajjiżna kien qisu Moldavja fil-Mediterran. Il-ġurnalisti indipendenti, li jiddejqu bil-bżar taħt imneħirhom, sabu ma' wiċċhom libelli u theddid. U oħrajn inqas indipendenti li għaddew ħin kbir quddiem il-blogs tan-nies jinbħu lejn kull min ma jaqbilx magħhom.

Kandidat li ser jiżviluppa diskoteka fuq sit Natura 2000 sar ġurnalist. Għada jista' ikun li jinħatar ministru.

Magni tal-propaganda jaħdmu bla waqfien fuq imħuħ dgħajfa li jsegwu twemmin l-ġenituri tagħhom.

Il-MEPA, li kienet fuq ilsien kulħadd għall-ħames snin li għaddew, kienet patata tagħli f'ħoġor il-gvern u l-mira favorita ta' kull min kellu xi kritika lejn il-gvern. U ma ttihomx tort, tafux.

Iżda minkejja dak l-agħa kollu ta' kampanja twila u maħmuġa ma nbidel xejn. Għadna bl-istess mentalita' f'dan il-pajjiż. Għadna noħonqu d-dritt lil partiti iżgħar sabiex tassew jirrapreżentaw lil min jivvutalhom fil-parlament. Għadna bil-mentalita li l-attakki personali jissarrfu f'voti. Għadna nemmnu li l-mexxej ta' partit jista' ikun anġlu jew dimonju. Għadna nemmnu li l-korruzzjoni hija dnub gravi iżda mhux gravi sa barra. Għadna nemmnu li l-kaċċaturi jistgħu jżommu lill-klassi politika ostaġġ tagħhom. U għanda nemmnu li f'isem id-demokrazija, m'għandna nagħmlu xejn sabiex inwaqqfu lill-faxxisti milli jistabilixxu rwieħhom f'dan il-pajjiż.

Iddispjaċietni żgur l-aħbar tar-riżenja li offra Harry Vassallo. Ser tkun stramba, l-Alternattiva Demokratika mingħajr wieħed mill-fundaturi tagħha. Lit-tielet partit, nixtieqlu jkompli fil-battalja tiegħu għal post fil-Parlament. Xi darba taslu, tafux.

Blog Counter