Thursday, February 28, 2008

Solidarnosc

Gżira żgħira b'komunita ta' madwar 400,000 ruħ, nofshom bloggers, qed tiffaċċja ż-żmien ta' l-elezzjoni. Ħafna xogħol waqaf milli jsir għax fit-tmienja ta' Marzu jrid ikun hemm xogħol ieħor lest. Kulħadd għandu l-politika fuq fommu u xi wħud itellgħu xi semm mill-istonku waqt xi dibattitu mal-kollegi tax-xogħol. Reġgħu tfaċċaw dawk il-kelmiet tqal li konna ilna ma ngħidu, bħal trasparenza, edukazzjoni, accountability, survey, exit poll, distretti, kandidati, koalizzjoni. Id-dizzjunarju tiegħi ħarab mill-ixkaffa fejn kont qed inżommu, rabba s-saqajn matul il-lejl u lebbet lejn is-suwiċidju għax tant domt niftaħ u ndawwar fih għal dawn il-kelmiet li sar jibża minni.

Nies li ilhom jgħixu Londra għal xi ftit taż-żmien, minn meta kellna l-passaport komunitarju, ġejjin lura sabiex jivvutaw. Imbagħad jaħarbu lura biex jaqraw il-Guardian sakemm jasal it-tube u janaliżżaw għalfejn l-EMI m'għadhiex l-aqwa label tal-mużika. U l-billboards li kienu qed ifottulna l-pajżaġġ (kif qal darba Jeremy Bossevain) faqqsu b'wegħdiet riċiklati ta' utopja Maltija li qatt m'hu ser nilħqu.

Il-blogs. Jien naħseb li hawn biżżejjed informazzjoni dwar l-elezzjoni hawn Malta. Kulħadd għandu blog issa u jista' jispara minn qaddu (shoot from the hip! Chortle!) fuq min jixtieq huwa. U xtaqt nibqa' totalment sieket dwar l-aspett politiku ta' din l-elezzjoni, anke għax ma jinteressanix u ma rridx nidħol fil-lista ta' bloggers li ċċapsu bil-politika. U ladarba qed nikteb dan kollu, solidarjeta ma' Jacques li kellu jkun id-derby bejn Juve u Torino biex inqala minn mal-buttuna moderate comments minħabba d-dibattitu kontinwu li għaddej fuq il-blog tiegħu. (qed tara Jacques, imn'alla nikteb bil-Malti għax mhux kulħadd kapaċi jwieġeb mingħajr l-għajnuna ta' xi ħadd qrib).

Tgħażżint ftit minn dan il-blog, matul Frar, veru. Iżda mhux għax qed naħdem għal xi kandidat. Xejn minn dan. Kont qed infittex ftit il-muża biex inħarbex xi ħaġa dwar il-Festival tat-Transesswalita li sar f'Għawdex fil-bidu ta' Frar, xi nies jirreferu għalih bħala karnival tan-Nadur. Il-muża ħarbet.

Ridt nikteb xi ħaġa dwar logħba futbol iebsa ħafna fejn ħassejt li qalbi riedet toħroġ minn postha sforz dak il-ġiri kollu u l-ħin kemm kemm stramb li fih kont qed nagħmel dik l-attivita. Ridt nikteb xi ħaġa dwar Obama u Hillary iżda nibża' li nwaqqa' seħta fuq id-dinja kollha u l-president li jmiss ikun jismu McCain. Ridt nikteb xi ħaġa dwar Sanremo, jew il-festival tal-Maltasong. Iżda ma kelli ħajra nsegwi la lil wieħed, u wisq anqas l-ieħor.

F'nofs dan l-istorbju kollu hemm traġedji kbar u żgħar li kollna kemm aħna qed ngħixu bil-mod tagħna.

Hemm tfajla ta' ħmistax li qatlet lil ommha.

Hemm raġel ta' wieħed u sittin sena li beka l-aħħar bikja ma' sħabu tax-xogħol fl-aħħar ġurnata bħala ħaddiem, wara l-aħħar ħobża. Għax x'ħin daħal lura f'postu sab kejk u festin żgħir.

Hemm mara li tilfet it-tarbija tagħha għat-tieni darba f'sentejn.

Hemm tfajla u ġuvni li spiċċaw storja twila tmien snin għax hu nduna li spiċċatlu l-pinna u ma jridx ikompli jikteb aktar kapitli. U ħalla warajh folji b'ħafna linji vojta li għadhom qed jistennew xi ħadd jimliehom. Imqar b'erba' kelmiet ta' wens.

Hemm xwejħa taqsam it-triq fid-dlam, b'imsarinha f'saqajha għax hemm wisq ħemda, u ż-żgħażagħ li jiltaqgħu fil-każin ta' taħtha mhux mill-ħelwin wisq.

* * *

Hemm skoss kbir fi triq żgħira li qajjimni minn ħsibijieti. Il-ostja, dil-ħofra, dejjem ninsieha.

Ksirt lejn ix-xellug u wasalt id-dar.

Wednesday, February 13, 2008

Il-Ħajja ta' Ħaddieħor

"Inti taħdem għall-iStasi, hux?"

Wiesler ħares 'l isfel, lejn it-tifel li kien hemm ħdejh. Dan id-daqsxejn ta' tfajjel kellu l-ħarsa ta' dawk li jibqgħu jiffittawk jekk ma tweġibhomx. It-tip ta' Staqsini Għoxrin, biex niftiehmu.

"L-iStasi joqogħdu jwaħħlu l-mikrofoni fid-djar tan-nies biex jisimgħu x'qed jgħidu mbagħad jeħduhom il-ħabs."

Dan it-tifel semagħha minn x'imkien, ħaseb bejnu u bejn ruħu Wiesler. U fil-pront, it-tifel, filwaqt li baqa' iżomm miegħu l-ballun, qal, "Għax missieri hekk jgħid."

"X'jismu?"
"Min?" wieġbu t-tifel, li ma kienx x'jaf għalfejn Wiesler ried dik l-informazzjoni.

Wiesler, li diġa kien ser joħroġ il-ktejjeb minn taħt il-flokk, kif jagħmel referee qabel ma jeħodlok ismek, weħel ftit. Għadda ħsieb minn rasu.

"Il-ballun," reġa Wiesler, kemmxejn miksur.

"Mela l-blalen ikollhom isem!" qal it-tifel. "Tkunx injorant!"

* * *
Ulrich Muhe miet ftit qabel ma ħareġ The Lives of Others. Film dwar kittieb fil-Ġermanja tal-Lvant li kien qed jiġi investigat mill-iStasi għax kien l-uniku wieħed li ma kienx dar kontra s-sistema politika. F'film li jidħlu fih ukoll intriċċi sentimentali, l-ironija kiesħa tinsab fir-rakkont tal-ħajja ta' Muhe (Wiesler) li sar jaf li fi żmien il-Ġermanja komunista kien segwit minn erbgħa minn sħabu l-atturi li kienu wkoll aġenti ta' l-iStasi.

Mhux se ntikom wisq dettalji għax dan huwa film ta' min jarah fil-kwiet.

Iżda jumejn ilu ftakart f'The Lives of Others wara li ltqajt ma' persuna li żgur tafu min hi. U xi wħud jaħsbu li jafu ħafna tant li krew id-dritt li jikkritikaw pubblikament il-ħajja privata tagħha; jew kważi, jgħixu ħajjitha.

* * *
It-Tnejn, waranofsinhar, illum għamlet ħafna xita u ħafna bard. Daqq it-telefon minn isfel, il-leħen mifxul ta' waħda mit-tfajliet smajtu jgħidli "There's Ira for you".

Immedjatament ċempilt ambulanza għal din it-tfajla. Indunajt li qalbha bdiet ittaqtaq iżżejjed speċjalment għax kellmitni bl-Ingliż, u dan mhux soltu. U stajt inħossha titriegħed, tant li ressaqt il-magg ta' l-Arsenal minn max-xifer tal-mejda ma mmorrux nagħmlu xi waħda.

Jien ma kontx qed nistenna li titfaċċa Ira, lanqas. Għalkemm naf li ġieli tħallili xi ħaġa fir-reception u titfagħli xi botta ċkejkna fuq it-tfajliet tiegħek għax għandha grazzja magħhom.

Did-darba nżilt u sibtha bilqiegħda tħares lejn il-plasma (jew lejn is-saqaf) bħal kull min jiġi jinqeda mingħandna. Normalita'.

Stajt inħoss ħafna għajnejn u widnejn fil-madwar qed jinfetħu beraħ. (It-tfajla li ċemplet, li ma kinitx waħda minn tiegħi, kienet ħamra nar. Apparentament meta Ira saqsiet għalija dik weġbitha, fil-fixla, min ngħidlu li int?)

Għedna erbgħa kelmiet bejn tnejn, li ma jinkludux la riferenzi lejn il-ħajjiet sesswali tagħna u lanqas kemm werżaqna f'xi meeting. Wara kważi għaxar snin minn meta ltqajna l-kulleġġ, fadal biss il-mużika biex tgħaqqadna f'dawn il-laqgħat qsajrin li nagħmlu darba f'mitt qamar. Kieku, bħal għexieren ta' nies oħra, għandna lil xulxin fuq Facebook u jekk niltaqgħu fit-triq qas inħarsu lejn xulxin.

Saħħiet, grazzi, awguri, il-laqgħa ntemmet hemmhekk.

L-għada kont qed nagħmel kafe fil-magg ta' l-Arsenal li baqa ħaj minkejja t-tregħid ta' waranofsinhar u l-logħba kontra l-Blackburn filgħaxija. Id-diskussjoni fuq xagħar Helen D'Amato waqfet zoptu x'ħin waħda mit-tfajliet, kemm kemm jismagħha l-uffiċċju kollu, tennietli, kellek lil Ira lbieraħ hux?

Waqaft inżeffet fil-magg, għollejt rasi u ħarist sew fix-xquq ta' bejn il-madum li ilu jżejjen il-ħajt tal-kċina mis-snin tmenin. Ġbidt waħda ħafifa.

Ħaqq għo**ha, ħsibt, issa mur weġibhom. U t-tweġiba rieduha, tafux. Dak il-ħin ħriġt b'waħda minn tiegħi u għedtilhom, ħeqq, taf inti, aħna l-artisti jkollna ħafna xi ngħidu lil xulxin. U ħrabt 'il fuq fost boooo li anqas Gascoigne f'Highbury ma jkun kapaċi jlaqqat. U sakemm ingħalaq il-bieb smajthom jgħidu għandikun m'għadhiex ma'...

U l-ħajja ta' ħaddieħor, dik li m'hi affari ta' ħadd, reġgħet ħadet postha f'nofs il-mejda t-tonda.

* * *
Ira ma taħdimx full time iżda m'għandhiex siegħat sbieħ. Xogħolha brillanti iżda krepattiv; għandha sebgħa noti u trid tlaħħam magħhom sebgħa mitt kelma f'sebat elef sekonda u tirrekordjahom biex toħroġ sebgħa diski ta' suċċess. U jekk trid sebgħa snin ta' suċċess trid kważi sebgħa albums. U lanqas nofs żball.

Biex tagħmel dan kollu ma tistax titgħażżen, tkun jew ma tkunx quddiem fiċ-ċentru tal-palk. Kultant nitħajjar nara xi ftit x'qed tħarbex fil-blog tagħha fuq timesofmalta.com (għadni ma nafx, u naħseb anke Jacques jaqbel miegħi, għalfejn il-co-blogger tagħha huwa qassis magħruf bħala ċ-Ċukaj, imma nsomma). U jkolli ngħid li għandha ftit tal-kuraġġ biex fuq dan il-blog titfa' xi ftit ħsibijiet tal-ħajja privata tagħha, bħal pereżempju, kemm jogħġobha sorm Cristiano Ronaldo. Xejn ħażin, għax kieku kont flokha kont nikteb li anke it-tim tal-volleyball Taljan għandhom erba' primadonne żul minn hawn.

Iżda dil-ġimgħa laqtitni sinjura li kkritikatha pubblikament għax Ira għanda ħabta ssemmi l-alkoħol fil-blogs tagħha.

Din is-sinjura semmiet "eżempju ħażin lit-tfal".

Veru ta, għażiża La Losco (laqam antik - oops), messek veru tistħi toqgħod issemmi l-alkoħol fuq timesofmalta.com. Mela ma tafx li l-alkoħol huwa tabu' f'Malta 2008?

Inti għandek tkun xempju tagħna ż-żgħażagħ bla bla bla biex meta nikbru u bla bla bla jkollna xogħol mit-tmienja u kwart sal-ħamsa u kwart u ngħixu fi dwejjaq kontinwu flimkien ma' 2.4 tfal li jkollna. U forsi kelb jismu Kelb flimkien u mara jisimha Mara fuq sufan tad-ditta Sufan.

Jiddispjaċini, tafux. Ċertu nies għandhom ħabta jpoġġu nies oħra f'sitwazzjonijiet ambigwi, fejn ituk responsabbilta' mhux mixtieqa wisq fuq dahrek. Fil-każ ta' Ira, issa saret role model għat-tfal.

Minn meta?

Ngħid għalija, jekk Ray tal-Characters jgħid fuck, jien mhux se nqatta ħajti ngħid fuck. Jekk l-Arctic Monkeys jiġbdu linja darba fil, ma jfissirx li għandi nħammar mnieħri għax jagħmlu hekk huma. U jekk Morrissey ma jniżżilx lir-reġina, mhux se nobżoq fuq l-isterlina.

Bil-loġika ta' din is-sinjura, Faniello u Olivia Lewis huma kawża ta' ħafna depressjonijiet fost iż-żgħażagħ. Ivan Grech huwa kawża ta' żieda fil-bejgħ tal-gel. U allaħares kulħadd jibda jitkellem bl-aċċent ta' Ozzylino għax kieku jkollna niftiehmu bis-sinjali.

Jiġu f'rasi ħafna każijiet oħra fejn aħna l-Maltin nuru kemm aħna ftit anqas minn provinċja Sqallija. Każijiet bħar-rappurtaġġ fuq l-operazzjoni ta' Fredu Sant jew meta darba, snin ilu, xi qassisin marru fuq Moira Delia u qalulha li jitolbu fuqha għax fuq Xarabank ammettiet li kienet tħobb tipprattika l-attivita sesswali (u qed inkun veru delikat ma jmurx ikun hemm xi ħadd ta' 15-il sena li jmur jirrappurtani lil ommu u jagħlquli l-websajt).

Tafu x'naħseb? Tant m'hawnx fiex timraħ f'dan il-pajjiż li naqbdu ma' kull tarf biex noħolqu jew infarrku mit skond kif jidhrilna. Kieku Amy Winehouse Maltija, ħriġnieha fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira u sallabnieha ħdejn Barabba (għandna wisq skrupli biex neħilsuh, anke jekk l-iscript oriġinali hekk jgħid).

Għalhekk, karattri bħal Ira jsiru objettivi ta' kritika faċli wisq, speċjalment fil-kamp privat. Affari tagħha jekk tħobbx il-qatra jew le. Wara kollox, nafu b'nies li għandu siġġu ta' responsabbilta' politika li għandhom il-vizzju tal-logħob u tan-nisa iżda għandhom il-purtiera ta' l-omerta biex tgħattilhom. Bħal Sqallija.

Wara kollox, imħallef Malti, simbolu tal-ġustizzja, għażel li jniżżel il-velu ta' l-omerta u ma xandarx isem ta' kantant Malti li għamel frodi ta' miljun Ewro. Li kieku kont jien, tara xejn li kont naqla kolonna fuq L-Orizzont bħala rigal.

Għażiża Ira, jekk tħoss li għandek toħroġ tiddeverti u tisker mingħajr kontroll, jien l-ewwel wieħed li nkun ħdejk b'subgħajja tan-nofs dritt, ileqq f'wiċċ il-fotografi.

X' fotografi huma??

Sunday, February 10, 2008

Patos

It-titlu m'għandu x'jaqsam xejn ma' l-eroj il-ġdid tal-Milan. M'għandux x'jaqsam mat-tieni muskettier ta' Dumas, għadu ta' Richelieu. M'għandu x'jaqsam xejn mal-karnival tan-Nadur li tant kien hemm temp tajjeb li telgħet għalih Malta kollha jew kważi. M'għandu x'jaqsam xejn mal-bard li reġa tfaċċa f'daqqa waħda wara jumejn xemx li gawdejt fl-uffiċċju (kont ser ngħid l-uffiċċju tiegħi iżda m'huwiex), inħares mit-tieqa u ngħir għat-tfal ta' l-iskola li bdew jiksru l-ħemda mill-ġnien pubbliku.

M'għandu x'jaqsam xejn mal-ġurnalisti li ġew imwaqqfa milli huma wkoll iqażżuna dwar l-elezzjoni fuq di-ve.com. M'għandux x'jaqsam mal-billboards li tfaċċaw fuq kull triq ta' pajjiżna, tarmac u mhux, bil-Bidu Ġdid u bl-Iva Kollox Possibbli (qisha l-Yes We Can ta' Obama) imħażżeż fuqhom. M'għandux x'jaqsam mal-ġirja ta' Hillary kontra Barack li wisq nibża ser trebbaħ lil McCain (McCain mhux dak tac-chips??). U lanqas għandu x'jaqsam mal-United li tilfu derby ieħor. Jew mal-bikja tan-nies li jaħarbu mic-Chad. Jew mar-regoli ta' Capello lin-nazzjonal (din ħaqqha bloggata għal rasha). U lanqas man-nar li ħaraqli biċċa minn qalbi.

It-titlu huwa frott għeja ta' kittieb bla muża. Swaba' li qed itektku fuq imwejjed oħra, f'attakk ta' nervi konvuls u twil, b'pawżi żgħar ma' filtru safrani li jħalli l-marki. Xagħar ta' għajnejn li m'għadux jogħla anke jekk l-għajnejn jaqraw l-iktar aħbar stramba li qatt tista' tisma (u mhux qed nirreferi għar-reception class).

Barra qed idoqqu l-hornijiet u jixorbu l-lager. Kulħadd rebbieħ fl-erbgħa Ħdud ta' l-avvent qabel il-ġurnata l-kbira. Jumejn wara kulħadd ser jidħol lura għax-xogħol. Jekk jinbidel il-gvern, mhu ser jinbidel xejn għal ħafna nies.

Miskin, il-poplu Malti. Mgħakkes għal sekli twal ta' storja, u issa li sar indipendenti, għandu sebgħin ċuċ bil-blu u sebgħin lebsin l-aħmar biex imexxuh minn imnieħru.

Tlaqna d-dar, nistrieħu, għax għada xogħol. U anke l-għada. U anke pit-pitgħada.

"Ma il cielo e sempre piu..." Ħaqq, jekk inkomplieha tgħidu li għandi aġenda moħbija.

Blog Counter