Figli di Annibale
Silvio Orlando beda jifqagħni bid-daħk meta kont ili li għalaqt u qbiżt it-tmintax-il sena. Biex bdejt nagħraf l-ironija ħafifa tiegħu kelli bżonn naqra ftit aktar filosofija. Mhux għax huwa bniedem ikkumplikat wisq. Attur qsajjar, minn Napli, li ftit li xejn ituh partijiet fejn ikun sinjur, qawwi, jew poplari. Tarah spiss fil-partijiet tat-tellief imħarbat u paranojku, vittma tas-sitwazzjoni, kemm jekk qed jipprova jdawwar lira jew jgħallem lil bintu li dak iż-żagħżugħ m'għandhiex xi tridu. Jew tal-Kommunist, jew tal-meridionale f'dinja li qisha akkwarju kollu ħut kbir minn Milan.
F'Figli di Annibale, Domenico (Orlando) ikun raġel b'xagħru twil ħafna li dejjem idur bil-mutur u b'ġakketta tas-suldati. Jgħix f'Turin iżda jidher u jinstema' li l-għeruq tiegħu jinsabu fin-nofsinhar ta' l-Italja, u biex żgur ma jkollkomx sorpriżi, m'għandux xogħol.Darba fettillu imur jisraq bank. Jieħu bħala ostaġġ lil Tommaso (Diego Abandantuono) u jipprova jaħrab lejn l-iSvizzera. Iżda Tommaso jinsab imdejjaq daqsu, għax hu u martu ma jinħamlux. Ir-relazzjoni bejn Tommaso u Domenico malajr tinbidel. Tommaso jikkonvinċih biex jaħarbu lejn in-nofsinhar, lejn l-Eġittu, flimkien mat-tifla ta' Tommaso.
* * *
Dalgħodu qomt ħażin, bħas-soltu. Riħ ivenven u xita ttektek mal-ħġieġa tal-gallarija tiegħi. Naħseb ġejja ġurnata oħra minn dawk. Qed inħares fil-mera mingħajr ma nara xejn. Qed indawwar l-ingravata ma' għonqi, nagħmel dik il-logħba b'subgħajja biex nagħmel l-għoqda, u fl-aħħar nissikkaha xi ftit, kemm kemm iddejjaqli l-gerżuma.Flok il-qerda stunata ta' Liam Gallagher (fi żmien kien ikun hemm il-kariżma ta' Dave Grohl) għaddejja fil-kamra tiegħi, weħidha u trankwilla, il-gitarra elettrika daqsxejn skurdata ta' Ali Farka Toure. Għal bosta nies oħra kien l-ekwivalenti Afrikan ta' John Lee Hooker, il-bluesman tal-Mali.
Forsi għax ilbieraħ kont qed nara t-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani, kien hemm l-Angola kontra l-Afrika t'Isfel. Qomt bl-aptit li nisma lil Toure (li miet fl-2006) u dak il-leħen donnu jgedwet bl-ilsna ta' kontinent kbir, maqsum, miġġieled, korrott, mejjet bil-ġuħ iżda uniku u affaxxinanti fl-istess waqt.
* * *
Rajthom dalgħodu wkoll, it-tfal ta' Annibale, mexjin fil-ksieħ ta' Jannar, bir-riħ forza tmienja jimbuttahom 'il quddiem kważi jrid iwaqqagħhom għal wiċċhom, il-bard li jqabbadhom bruda minkejja li l-istonku vojt. Is-snien iċekċku u l-għadam muġugħa. Mexjin minjaf fejn, lejn xi ġurnata jġorru briks u travi u li fi tmiemha l-imgħallem itihom lira s-siegħa. Issa mqar itihom ewro s-siegħa biex naqtgħu għad-dritt. Jekk iweġġgħu problema tagħhom.U rajt ieħor jitla' u jinżel minn fuq l-iscammel, jiġri jiġbor iż-żibel u jarmih f'dik il-magna kbira li tqatta' dak kollu li narmu aħna. Żelqitlu borża ma' l-art, b'xorti tajba ma nfetħitx u ta' ġo fiha ma nfirixx mat-triq kollha. Wasal leħen aħrax minn mal-ġenb tal-magna, bil-Malti mqit, sidu liebes flokk ta' taħt li xi darba kien abjad u bermuda griż. Minn dik iż-żaqq ħoxna u mdendla l-ħdura telgħet għas-sider, ħarġet mill-esofagu, lura għall-ħalq, ħarġet fit-triq u minkejja l-istorbju nstemgħet minn ħafna widnejn.
Xiż-żo** qed tagħmel! Fo** ommok u min ġibdek, u min ġabek hawn, iċċaqlaq ja mejjet bil-ġuħ...
Imn'Alla l-Afrikano ma fehemx ilsien pajjiżna. Iddispjaċieni għalih, dak il-bniedem li qasam kontinent ifittex l-Italja u jsib lil Malta. U daħku bih dawk li ħadulu flusu fuq il-kosta tal-Libja, lilu u lil ħutu li rnexxielhom jgħixu aktar mill-għaxar snin. Għax forsi l-oħrajn qatlithom xi bajjunetta, jew xi mannara ta' suldat impjegat ta' dittatur, jew mietu b'xi marda jew saħansitra bil-ġuħ u bil-għatx.
Għax f'pajjiżhom m'hemmx sptarijiet b'xejn, m'hemmx il-Mater Dei, hemm ministri u gvernijiet lagħqa ta' l-Ingilterra, Franza, Israel u l-Amerka, jixtru l-armi ta' għaxar snin ilu biex jagħtuhom lill-milizjani, u jitbissmu waqt li jippriedkaw biex ħadd ma jibqa' lura. Hemm mostri kbar u żgħar fix-xorta ta' Idi Amin, immexxija mill-għarus il-ġdid ta' Carla Bruni u mix-xiħa li għandha wiċċha fuq ħafna, wisq sterlini.
* * *
Fit-tmiem ta' Figli di Annibale, Tommaso, Domenico u bintu jistembħu f'nofs iċ-ċpar u fil-bogħod jaraw art. M'hijiex l-Amerika li qatt ma fittxew.Kien qed ibexbex fit-tramuntana ta' l-Afrika.
Minn faċċata tagħhom bdiet ġejja dgħajsa mimlija nies. Taħsibha ser tegħleb fuq ġenb u tegħreq b'kollox. Tommaso u Domenico bdew jgħajtulhom. Għinuna, aħna Taljani. Dawk ta' fuq id-dgħajsa baqgħu jħarsu lejhom, b'wiċċhom għajjien u bil-kurżita tberren f'għajnejhom. Ħalqhom m'għamel ebda ċaqlieqa, baqgħu jħarsu lejn dawk it-Taljani mingħajr ma setgħu itarrfulhom id-dieqa li kellhom ġo fihom u dak li kienu għadhom kif għaddew minnu.
Id-dgħajsa ta' Tommaso u Domenico baqgħet titħarrek bil-mod, riesqa lejn ħolma li minnhom għadha kif ħarbet dgħajsa oħra mimlija nies donnhom fi ħmar il-lejl.
* * *
Il-Ħadd li għadda kienet ġurnata sabiħa. U allura qam fuq tiegħu it-Tabib. Għandu partit li jiftaħar kemm huma għal qalbu l-valuri tradizzjonali Maltin, bħall-kaċċa, il-pastizzi, u l-karrozzini f'nofs it-toroq. Wara ħamsa u għoxrin sena ta' xogħol tradizzjonali Malti, bħalma hija karita' bil-ħlas kif għallimna missierna San Pawl, issa għandu uffiċċju b'irħama kbira fix-xatt tas-Sliema.Qed naħlu wisq flus fuq it-tfal ta' Annibale. Nibagħtuhom jaħdmu fis-servizzi u nħallu lil Maltin bla xogħol li jirreġistraw jixorbu l-Hopleaf u jpejpu d-Du Maurier fil-każini.
Lit-tfal ta' Annibale irriduhom iġemmgħu l-flus u jużawhom biex imorru lura f'pajjiżhom u jerġgħu jibdew ħajjithom, imqar waqt li madwarhom għaddejja gwerra ċivili u qed jinfirex virus ġdid jismu Ebola II (Beta Release). U l-flus li niffrankaw imqar nagħtuhom lill-iżviluppaturi biex jibnu aktar imperi tal-konkos li fihom mhu ser imur joqgħod ħadd.
U jekk xi Ewrofilu lagħqa ta' Verheugen għandu xi oġġezzjoni, intellgħuhom kollha Brussels u jgħidulna huma x'inhi s-soluzzjoni. Basta nista' nibqa mmur għall-kaċċa fir-rebbiegħa.
Għax hu ma jibżax, tafux. U l-għoxrin ruħ li kien hemm quddiemu, bogħod nofs metru minn xulxin, jew biex jidhru ħafna jew biex ma jinxtammx l-għaraq tal-ħadd filgħodu wara l-passiġġata bil-kelb, qagħdu jisimgħuh imsaħħrin, u hu jitħaddet u jfiemhom b'dahru ċkejken imdawwar lejn il-bini jaqa' biċċiet li hemm fil-bokka ta' l-infern, li issa ċċaqalqet u ġiet il-Marsa.


