Thursday, December 27, 2007

...u kulħadd jieħu li ħaqqu...

Dis-sena blajt riħ fi griżmejja, bosta pilloli (jew kif jgħidu fil-misraħ, pirmli) u r-rigali tiegħi waslu tard. Ma ħabbiltx rasi wisq. Iżda tagħkom... arawhom ġejjin.

Ommi u missieri, apparti l-ħmerija żgħira li xtrajtilkom, nixtieq nagħtikom muntanja tad-deheb. Il-ħmerija hi li m'hawnx fejn inpoġġieha, u ħadd minna ma jaf x'ser jaqbad jagħmel biha. Kelli nibgħatha lura u ġibt muntanja mħabba.

Cari fottutissimi amici, qed nuża titlu minn film kbir ta' Paolo Villaggio. Kbir, insomma, ejja ngħid li aktar jogħġobni t-titlu. Għaxra minn nies jaraw kif ser jitfgħu xi ħaġa taħt snienhom f'Firenze, fl-1944, wara li l-gwerra ħaditilhom kollox. Meta jkollok ftit, kull daqsxejn li jagħtik ħaddieħor tarah kbir. Grazzi Kenneth, Jon, Sako, Ale, Mark, Becky, Erika, Steph, Antoine, Ziju Pawl, Italo. Nixtieq nagħtikom xmara żgħira li tkun tista' tferraħkom.

Adam, m'hemmx għaġġla biex titlaq timxi, sieħeb. Wara li Żammek ħaj wara daqqa bħal dik, nixtieqlek is-saħħa. Taf sew x'għandek tagħmel biha.

Pierre J Mejlak, nibża li jekk ninsa l-J li hemm fin-nofs ta' ismek ma' tasalx it-talba tiegħi. Nixtieqlek suċċess anke akbar minn dak ta' Riħ Isfel. Id-darba li jmiss, l-ikla nieħdok post tajjeb jien fejn nagħmluha.

Joe Tanti, nixtieq ħafna nagwuralek ħafna rebħiet ta' l-Inter iżda nkun qed nigdeb lil qalbi. U hekk mhux sew. Jekk ngħidlek biex tkompli għaddej kif inti, tajjeb? Jew tixtieq xi ħaġa aktar? Insomma, darba kont għedtli li l-ambizzjoni...

Il-bord tal-MEPA, għandi ittra tar-riżenja għal kull wieħed minnkom. Biex ngħidilkom is-sewwa, bdejt nagħmel ftit kalkoli u sibt li buġarrunata wara oħra, qegħdin nersqu lejn La Sacca di Malta. Nispjega ħjar: fis-snin tmenin, Salvo Lima u Vito Ciancimino, żewġ politiċi demokristjani sqallin, kienu ħarġu ħafna permessi (imma eluf ta' eluf ta!) lil ħafna kuntratturi li kellhom ħafna ħbieb imporanti, sabiex dawn jibnu blokki ta' appartamenti rħas f'Palermo. Dawn il-blokki eventwalment ħassru għal dejjem partijiet kbar miċ-ċentru storiku ta' Palermo u ħadu wkoll ħafna mill-ħdura ta' madwar din il-Belt. Bilħaqq, Ciancimino għamel 10 snin ħabs għax instab li kellu rbit mal-M***a, filwaqt li Lima nqatel mill-istess M***a għax ma kienx għen biżżejjed sabiex ħafna M*****i milli jitilgħu l-qorti fl-1992.
Ġrajja ħelwa għal taħt is-siġra.

Mario Calleja, caro fottutissimo sindaco, se nibagħtlek kontejner kafe biex tbiegħu fil-ħanut tal-pasti u ħobż tiegħek. Hekk jew hekk forsi tieħdok ftit ir-riħa u tqum minn hemm. U ħallik miċ-Ċiniżi, tafx.

Membri tal-Parlament ta' Malta, morru aħdmu. Inqas ma tidhru f'magazines tixorbu nbejjed, taqtgħu żigarelli u tiftaħru b'Ira Losco, aktar aħjar.

Ira Losco album ieħor tajjeb daqs l-oħrajn. Please.

Arctic Monkeys album ieħor, please.

Eileen Montesin, nixtieq bħalma xtaqt sentejn ilu, li ma nibqgħux naraw wiċċek fuq it-TV. Għall-2007 ħadmitli ta' Rachel. Issa tiegħek jonqos. U jekk tieqaf int, ara li ma tibdiex it-tifla, inkella might as well tibqa' int, hux.

Al Gore, nixtieqlek li l-kont tad-dawl tiegħek ta' ġurnata waħda jiġi anqas minn dak ta' xahar ta' Wied il-Għajn. Hekk jew hekk, kif qed tara mhux qed nibgħat faħam għax ma tantx fadlilna x'naħlu.

Popolini oppressi f'ħafna nazzjonijiet li ma jitkellmux bl-Ingliż u li għalhekk, jiġri x'jiġri, qisu qatt ma ġara xejn. Għamlu kuraġġ. It-triq hija twila, iebsa, imdemmija u kollha ostakli. Won't you care to sing, this song for freedom?

Bush. Lanqas għandi għalfejn ngħidlek.

Dan l-iblaħ ta' faċċata għandu ħamsin sena u ilu nofs ta' nhar jilgħab b'karozza bir-remote control f'nofs it-triq. Nixtieq li xi ħadd jibagħtlek M40 iżda minħabba xi żball tal-Maltapost jasal id-dar għandi bl-instructions b'kollox, bil-Ġermaniż, kif ukoll bl-Ingliż, bit-Taljan, bl-Aramajk u bil-Kantoniż biex b'ħames lingwi żgur ma nieħux żball jien u narmah. Nixtieqlek li int u ttellaq din il-karozza li setgħet waslet għand raġel ta' ħamsin sena BISS minħabba żball tal-Maltapost, jew forsi huwa l-moħħ ta' tifel ta' ħames snin li wasal għandek bi żball - insomma, nixtieqlek li tant tqabbiżhieli sabiex narma' dan l-M40 fil-gallerija tiegħi u qabel ma nibda nieħu l-mira lejn din il-karozza... jgħaddi trakk u jgħaffiġielek, mingħajr kliem u mingħajr sliem.

2-0. Milied it-Tajjeb, bewwiel.

Saturday, December 22, 2007

Il-Milied tal-Grinch

Sa ftit tas-snin ilu kont ngħaddi minn ħdejha u nħares b'kurżita lejn ir-rigali. U meta kont iżgħar kont saħansitra nidħol taħt is-siġra tal-Milied, u naqra l-isem li jkun hemm fuq it-tikketta. Malli nsib tiegħi kont inċekċek tnejn il-kaxxa jew pakkett biex forsi nieħu ħjiel ta' xi jkun hemm fiha. U ara wiċċi jiddallam u jidjieq jekk inkun naf li qlajt xi ħwejjeġ flok ġugarelli. Flokk tas-suf! Ieħor! Le!

U meta niftħu r-rigali kont nagħmel daqsxejn ta' wiċċ kuntent, biex ma nidhirx imqarras, avolja ommi u missieri jkunu ilhom li ndunaw.

Bil-mod il-mod beda jagħmel tiegħu ż-żmien. Beda jonqos l-entużjażmu. U kont ngħaddi minn ħdejn is-siġra b'apatija totali, qisu ma hemm xejn jixgħel u jitfi quddiemi. U flok noħroġ ma' sħabi lejliet il-Milied u fl-aħħar tas-sena, kont nippreferi nibqa' ġewwa jew nidħol xogħol. Lanqas ħaqq it-traffiku, il-bard u x-xita.

Ma nafx minn fejn ġiet din il-bruda kollha li jqabbadli l-Milied. Forsi minn meta miet in-nannu. Jew forsi minn meta l-ħwejjeġ, żraben, karozzi u rigali oħra ma baqgħux jolqtuni. Meta bdejt naħdem mal-JP kont saħansitra nibda nisħet il-Milied minn Ottubru, għax kien jibda l-famuż Christmas Rush fejn ħadd ma jaqdik u ħadd ma jrid jisimgħek.

Dis-sena qisu m'hu ġej xejn. Minkejja festini fuq festini, xorb fuq xorb, ikel mhux tas-soltu f'ħinijiet strambi u ħafna daħk għal raġunijiet mhux ċari ma' nies li ma tarahomx kuljum. Dis-sena kull min jarani fil-kuritur u jistaqsini kif jien, nagħtih tweġiba li ma tħallilek ebda dubju dwar x'naħseb jien dwar il-Milied u żmien il-festi.

Għiduli stramb, antipatku, jekk tridu anke kommunist. Il-maġija tal-Milied sparixxiet minn madwari u partattha, bħal ħafna minnkom, ma' l-ispirtu tal-J&B u ta' l-inbid abjad. Neħħu minn fejn nista' nismagħhom id-diski tal-Milied li sena wara sena jibqgħu l-istess.

Se nintefa nisma' lil Fabrizio de Andre, nieħu ftit gost nitpaxxa bit-tisbitiet li jtuk waħda wara l-oħra s-siltiet soċjorealisti tiegħu.

Nhar it-Tnejn niktbilkom il-lista tar-rigali li ser nagħti jien. Jiddispjaċini jekk ser ninsa lil xi ħadd. Imma naħseb li aħjar hekk.

Monday, December 17, 2007

Areola Treat/Mathematikal 14/12/07

Għadhom id-disgħa u nofs. Diġa qiegħed Poxxbar. Hemm Jon u Jay qed ilissnu xi ftit dagħwiet irqaq minn taħt ilsienhom. Is-sound mhux qed joħroġ kif suppost, hemm il-bass mitfi u hekk ma naħdmux. Qalbi għamlet tikk ħafif u dak il-ħin għedt bejni u bejn ruħi, hawn aħna, ġejja xi waħda.

Wasal Bob, id-DJ l-ieħor li kellu jdoqq qabli f'dik il-lejla. Ġie mleflef f'kowt twil sa saqajh, liebes nuċċali tal-vista bil-frejm iswed. X'ħin rajtu fakkarni ftit f'Jamie Decesare (fiż-żmien kitarrist tal-band Tiara li kienet tkanta fih Ira) u fakkarni ħafna f'Graham Coxon (fiż-żmien kitarrist tal-band Blur, li kien ikanta fiha Damon Albarn). Dan Bob qtajtu raġel kwiet, għandu pouch tac-CD's iżgħar minn tiegħi iżda l-materjal li jġorr fih huwa impressjonanti. Ħadt gost nisimgħu u minn lat indunajt għalfejn ta' l-Alternative Malta jaħilfu bih daqshekk.

Bob kellu jdur minn naħa għall-oħra tas-sala sakemm sabu s-sors tal-problemi fl-awdjo. Ma rajtux jitniffes. Kieku kont jien floku kont indaħħan nofs pakkett u nikkunsidra nagħmel xi xenata kif darba kont għamilt l-Alley meta ma ried jaħdem xejn.

Iżda x-xorti riedet li kollox jitranġa. U bil-mod il-mod dan il-post li mhux familjari miegħi bdejt narah jisbieħ. Tfaċċa sieħbi l-Fesu, DJ ieħor li bħali laqtitu x-xena indie u minn hemmhekk addio mużika għall-massa. U mal-Fesu, bejn JB u ieħor sakemm bdew l-Areola Treat (Aljoli Trid?), qbadt id-diskursata fuq dawk iż-żminijiet u kemm kien idoqq għo**ati Edward. U tħadditna, s'intendi, fuq mużika, għax ma nafux nagħmlu aħjar. Tfajna xi kumment fuq xi tfajla li kienet preżenti, xejn tqil iżżejjed għal dan il-blog, iżda xejn partikolari lanqas.

Mal-ħdax u nofs ta' bil-lejl beda l-kunċert ta' l-Areola Treat. Il-kantanta, Lisa, kienet l-universita fl-istess kors miegħi, dak iż-żmien lanqas kienet tiftaħ ħalqha. Iżda llejla fetħitu beraħ u bis-saħħa tal-garġi tagħha mexxiet tliet mużiċisti veloċi u b'saħħithom, bqajt impressjonat li f'serata sħiħa ma nstemax żball wieħed. Fakkritni ftit f'mixxela daqsxejn iebsa, dik ta' Iggy Pop fl-aqwa tiegħu u Juliette & The Licks, band oħra li qegħda fil-moda. Speċjalment f'dik tal-Fesu.

Kunċert ta' madwar siegħa fejn ma ħlewx ħin, ma parlawx żejjed, u biex nitfgħuha kif tisimgħuha fit-toroq, faqgħu kull m'hemm.

Il-Mathematikal naqra aktar ikkumplikati. Jon u Jay jafu lil xulxin minn żmien Hiddensun, fejn wieħed kien (u għadu) idoqq il-bass, u l-ieħor kellu t-turntables, synths, effects, u dak kollox li fih wajers, buttuni, u elettronika.

Kenneth, ex-gitarrist tal-Hiddensun, kellu Mac ċkejken bl-animations għaddejjin wara dahar il-band. Daħlu perfettament ma' l-elettronika funky tal-Mathematikal, show li kien maħsub fuq il-linja tal-kunċerti tad-Daft Punk u tal-Chemical Brothers (jien u Jon konna rajna lil dawn ta' l-aħħar flimkien, kont ħriġt imbellaħ b'li rajt iktar milli b'li smajt). U għal wieħed mill-ftit mumenti ta' din is-sena, stajt ngħid li ħadt buzz.

Ħsibt li ser ikun hemm anqas nies. Dawk li ġew, ħadu gost u għaddew siegħa żmien minkejja li ġej il-Milied, hawn anqas flus fil-bwiet, u biex tidħol kellek tħallas Lm2.50. Li, biex ngħidu kollox, tagħmel sens għax biex tarma dak kollu hija spiża mhux ħażin.

Gran finale? Jien.

Siegħa w nofs indoqq kif dejjem xtaqt jien, mużika naqra aktar friska, naqra aktar Londoner u Parisien. Sibt ħin saħansitra għal Mirwais.

* * *
Fit-tlieta ta' filgħodu qed nimxi lura frisk bħal ħassa lejn il-karozza tiegħi. Kont liebes in-nuċċali ta' King Monkey u naħseb daħħakt lil xi erba' Ġappuniżi li rawni fit-triq. Ma tajtx wisq każ. Għad għandi tbissima wiesa' fuq xoffti. Issa nibdew underground.

Xi ftit ritratti tista' tarahom billi tagħfas hawn.

Monday, December 10, 2007

Xeni Fid-Dalma u s-Skiet ta' Diċembru Kiefer

M'għandix wisq x'nitkeb dan l-aħħar. Il-Milied qed iwaħħalni ma' ħafna ħwejjeġ li jiswew inqas miż-żmien li jieħdu. L-intellett huwa miżgħud b'affarijiet li għad irrid nagħmel u b'dawk li ma nistax ninsa għax inkella jkun għelt gravi wisq.

Se nisraq ftit mumenti ħin biex inwassal erba' xeni zgħar li Pierre Mejlak kieku jsemmihom Tikek.

* * *
Skiet u riħa ta' trab. Miexi minn ġol-parking għall-arja kiesħa ta' Sibt filgħaxija, lejn lejl li m'għandix aptit naħdmu għax warajja d-dar ħallejt xi ħaġa għall-qalbi wisq u kieku nista' nġorrha miegħi. Jew aħjar le, irrid inħalli kollox bla mittiefes għal x'ħin nasal lura.

Jien u miexi rajt qattus abjad bi ftit iswed fuq dahru. Għajnejh ma tpinġihomx. Għajnejn beżgħana miftuħin beraħ, jistennew l-ewwel mossa ta' dak li jista' ikun għadu ieħor, hekk kif beda riesaq lura fuq iċ-ċint ta' barriera li tfaċċat minflok blokk appartamenti antiki. Dan il-qattus kellu denbu imċarrat. Kulma fadal kienet biċċa laħam ħamra mingħajr ġilda, donna tarf ta' zalzett ħamrani ta' waqt il-barbecues.

Tħassartu, dawwart ħarsti in-naħa l-oħra għax ma flaħtx naħseb dwar kif xi annimal b'żewġ saqajn jista' ikun kapaċi jagħmel dik il-moħqrija kollha. Il-qattus ħarab jiġri. Qasam it-triq, u quddiemu sab tliet tfajiliet lebsin qasir, bi flixkun vodka u xi ftit mixers biex iżommhom għaddejjin fil-karrellata ta' ħmerijiet li kienu qed ilissnu. Qattus f'ġungla.

* * *
Strieħ fis-sliem, Joe Schembri.

Il-Ħadd waranofsinhar ninsab imleflef fil-kowt, liebes qmis bajda u l-ingravata s-sewda nett. Diċembru ħadilna ħabib ieħor. Bdiet dieħla l-kesħa minn taħt il-bibien tal-knisja f'Buġibba. Knisja bla qalb u bla emozzjoni.

Jien, Ale, Romina, Tony, Lara, Daniel, Mark. Bilqiegħda ħdejn xulxin bħaż-żminijiet l-antiki. Kulħadd kwiet, liebes l-iswed, iżda.

Fuq iz-zuntier ta' din il-knisja plastika mibnija donnha estensjoni bla emozzjoni tal-kwartieri tal-BOV, qed inħarsu lejn il-karozza bil-qabar ta' Joe.

Ħuti, tpoġġunix f'kaxxa meta jasal il-ħin li nitlaq minn hawn. Aħarquni b'kollox, għadmi, ħwejġi, l-erba karlini li jkolli f'buti, u l-memorji kollha tiegħi. M'għandi bżonn xejn aktar miegħi hemm fuq.

* * *
"Tort tiegħek! Minħabba fik fottejt kollox..."

Sgħolt waħda u nfexxejt nidħak.

Ir-rabja tan-naħa l-oħra għebet daqsxejn u tfaċċat tbissima. "Biex qed tidħak... 'qq Alleċ"

Dażgur li hemm biex tidħak.

Għadu jibda Diċembru, kiefer u kiesaħ. U għad fadallu biex jintemm. U sakemm jintemm se nidħak kemm niflaħ. Inkella, jiġu l-ħalel minn Sqallija u jibilgħuna lkoll.

Monday, December 03, 2007

Niki Gravino

Meta kien ma' SKyN kont naħsbu xi tikka stramb. Kien jaf il-Bibbja, lil Nietzsche, Baudrilliard, Eco u biżibilju bestsellers li ma jaqgħux fi ħdan il-klassifika tal-fiction. Jekk tidħol Sapienza aktarx li ssibhom fis-sular ta' fuq jew fl-ixkafef li hemm fit-taraġ int u tiela'.

Kellu xagħru twil iswed u li kultant kien iqaxxar mad-dawra, ipejjep il-Lucky Strike li jintnu iżżejjed, kien iffissat "fiż-ż**b ta' Nine Inch Nails" kif kien jgħid xi ħadd. In-number plate tal-karozza l-antika kienet biċċa ironija fina fuq il-memorja pjuttost fallibbli tiegħu. Darba biex ma jinsiex iċ-ċwievet jew il-kartiera x'imkien kien qabad id-drawwa li jġorrhom miegħu f'basket. Imbagħad kien jinsa l-basket warajh.

Kien tajjeb ħafna bil-gitarra. Nerġa ngħidha, tajjeb ħafna. Kien hemm mument fejn kien kapaċi jagħmel li jrid biha f'idejh, għalkemm tista' tgħid li anke l-keyboards ta' Josef kien jaf idoqqu sew. Kemmxejn kiesaħ, kien ipejpilna fuq l-istage minkejja d-dagħa tax-xiħadd ta' l-ewwel.

Ferm qabel ma spiċċaw SKyN, Niki Gravino, l-artist tal-grupp, kien diġa fehem li waħdu, flimkien mal-kapaċitajiet tiegħu u ma' l-illużjonijiet li seta jħoll f'kunċetti, seta' jagħmel xi ħaġa li hawn Malta qatt ma rajna bħalha.

Il-mistħija malajr warrabha, m'hemmx lokha fil-proġett ta' Niki Gravino. Il-kantunieri tiegħu jagħmilhom hu stess, u ebda ħadd ieħor; jikteb dak li jħoss u jiċċaqlaq fuq palk b'awtorita' ta' kantant stabbilit. Tliet snin ilu kiseb suċċess moderat permezz ta' Fingers u Like Feathers,li għamlu xogħolhom li jpoġġuh fuq il-mappa ċkejkna iżda mneħirha mxammar tal-mużika Maltija.

U x-xniegħa li n-Niki ser jagħmel xi oħra malajr bdiet tiġri. Ma baqax jiġi futbol it-Tnejn filgħaxija u kważi ħassejt in-nuqqas tat-tackles iebsin u preciżi tiegħu (fuq it-tqassim nitkellmu darb'oħra, jekk tridu).

* * *
Għadu ma qalibx Diċembru iżda x-xahar ta' Novembru kien kiefer biżżejjed. Bard u riħ u xi ftit seqi, xi żewġ avvenimenti li tħassru minħabba x-xita u moral ftit jew wisq aħjar minn dak ta' Ottubru.

U stennija għal launch ta' l-album il-ġdid. Sentejn ilu kien ħadem biċċa xogħol tajba ħafna fl-MITP, il-Belt, f'lejla oħra mudlama fejn wera ftit traċċi minn dak li kien kapaċi jikteb kont mort id-dar impressjonat bil-livell mhux biss ta' Vitamins and Eyecream iżda wkoll ta' l-ispettaklu, u tal-mod kif ħoloq il-kunċett artistiku tiegħu.

Baqa' jissemma dak il-launch, u issa, fix-xita ta' Novembru li ma ssibilhiex irkaptu, miexi b'ċertu ħerqa lejn il-ftuħ ta' The Politics of Double Beds.

* * *
Taħsbux li kantant liebes nuċċali tax-xemx fil-ħdax ta' bil-lejl u jkanta f'sakra ma jarax art huwa artist. Taħsbux li jeans imqatta' u erbgħa twerżiqiet se jdaħħlu lil xi Ġanni Borg kwalsiasi fl-ixkaffa tal-biografiji fid-dar ta' Andy Warhol. Morru araw lil Gravino u terġgħu taħsbuha.

Dress Code: any kind of elegance, kien jgħid l-invit. Taħtha, l-ewwel ħjiel ta' kif kienet ser tkun is-serata: Forget Your Certainties. Dħalna fi Sky, il-klabb il-ġdid li probabbli għadu mhux lest u li probabbli mhux ser ikisser il-kompetizzjoni kollha kif inhu mistenni. Enormi, madanakollu, u hawn Malta jekk ikollok wieħed kbir kulħadd isemmik.

Ma domniex nistennew. Żewġ kelmiet mal-Bugi u xi żewġ karattri oħra, xi wħud liebsin għall-okkażjoni, u ftit minuti wara beda l-ispettaklu.

U spettaklu tassew kien.

Ħassejtni qiegħed fin-naħa l-mgħottija tal-munita li ħafna snin ilu tefgħu l-U2 fil-Berlin ta' Achtung Baby, 1991. Il-gotiku u l-arti mudlama, b'koreografiji ta' żeffiena b'għajn waħda li jitmasħnu u jwarrbu iż-żeffiena ta' Mysterious Ways.

Il-ħoss tal-mużika hija industrijali, qawwija, tbiddel il-pass skond kif ifettillu l-kittieb, tiżżeffen mill-pass mgħaġġel għal dak kajman li jidħol fl-orkestri u l-vjolini. Il-lirika ta' Gravino tqaċċat u ma tħares f'għajnejn ħadd, ħlief forsi biex titnejjek bik f'wiċċek u titolbok sess fqajjar mingħajr irbit (Force me to Love You). Minn Vitamins and Eyecream, tliet traċċi separati marbutin flimkien biss mill-istil, il-ħidma iebsa ta' Gravino welldet proġett komplut li huwa The Politics of Double Beds. U ma tistax, ma jaqbillikx tisma' traċċa minn dan l-album għal rasha; dan huwa album li trid tisma' kull sekonda mis-siegħa u għaxar minuti tiegħu.

Liebes qalziet u sidrija suwed fuq ġilda bajda karti aktar muskoluża minn qabel, Gravino qed iwerżaqlek is-subkonxju tiegħu u jinbxek bih. Jekk tieħu għalik problema tiegħek. U jekk taf tifhmu ser tapprezza l-mużika tiegħu, is-sinfoniji li jitfaċċaw minn bejn is-samplers u l-gitarra u d-drums imħaxxen.

Xebbaħtu ma' l-eleganza ta' Prince u vagament mal-mossi ta' Iggy Pop, leħen li jxaqleb minn falsetto mqit għall-poetiku awsteri ta' Dave Gahan. Il-mużiċisti tiegħu ta' min jinżalhom il-kappell, għoġobni ħafna Francesco, il-bassist, b'fiżiku twil u rqiq u bil-baxx mgħaġġel u konsistenti marbut sa kważi nofs sidru. Franco Tartaglia fuq il-gitarri kien, bħas-soltu, garanzija, mużiċist li ried jitgħallem it-triq l-iebsa fil-mużika u li nittama li jkompli jitjieb.

Ma tantx iparla, Gravino, għax hemm kollox fid-diski tiegħu. Is-serata bdiet permezz ta' lezzjoni fil-Franċiż ta' Madame Marie, li reġgħet tfaċċat f'nofs is-serata għall-monologu kemmxejn twil b'erbgħa ilsna (fosthom espressjoni kkulurita bil-Malti, li daħku biha biss dawk li ma fehmux il-bqija tal-versi). Illejla, tħalltu flimkien mużika u arti; tiġri ta' spiss iżda ftit huma d-drabi fejn dan il-proċess ma jaqax għar-ridikolu. Aktar u aktar meta hija l-mużika industrial tant immaqdra u normalment xejn sofistikata, li tingħaqad ma' arti klassika u joħolqu ċirku sewdieni, mqit, kważi sarkastiku. Sampler u saxophone, filmati mill-espressjoniżmu Ġermaniż u ħafna dawl baxx.

Ma naqasx li jagħmel tribut żgħir lejn Trent Reznor, b'verżjoni ta' Hurt li kważi ġabitli d-dmugħ. U dan l-album qisu ċelebrazzjoni ta' l-influwenzi ta' Gravino, li sawru dak kollu li sar dan il-bniedem kemmxejn stramb li qatta ljieli twal imqajjem jew ma' mixer jew ma' Umberto Eco. Hemm in-Nine Inch Nails, Prince, Depeche Mode, xi ftit Pink Floyd, u ħafna Niki Gravino.

Prosit tassew.

Morru ixtruh.

* * *
Sagħtejn wara ninsab f'bar popolari f'Malta fejn għall-elfejn u tliet mitt darba d-DJ reġa daqq My Sherona. Il-qaħbeċ, x'anti-climax.

Blog Counter