Wednesday, November 28, 2007

Back in the Saddle

Is-Sibt li għadda qomt filgħodu fil-ħdax. Kont ili ma norqod ftit sa tard filgħodu.

Lejliet kien hemm il-Malta Music Awards iżda tlaqna kmieni għax xi ftit jew wisq qabżitilna, fost l-intervisti ma' parrukkiera u l-interventi pjuttost inutli ta' Teletubi. U b'hekk spiċċajna Buġibba nieħdu birra għall-kwiet, bogħod minn rassa ta' bar ċkejken wisq biex jaqdi kju ta' sittin ruħ.

Is-Sibt qomt maħsud. Mhux għax sar il-ħin. Kelli nara kif ser inqassam il-ġurnata. Irrid nipprepara. Irrid nara l-Arsenal, u rrid norqod u nqum fil-ħin. Illejla ser nerġa nibda minn fejn kont bdejt kollox erba' snin ilu.

* * *
Uħud mill-isbaħ memorji tiegħi ħallejthom Coconut Grove. Miexi mill-parking mifqugħ karozzi li hemm f'Portomaso. Qed niftakar fi żminijiet oħra meta, fis-sajf ta' l-2003, kont bdejt naħdem l-Erbgħa filgħaxija u bil-mod il-mod qlajt promotion għall-Ġimgħa jew is-Sibt filgħaxija. Kienet qed tibda hekk il-ħajja ta' DJ imħallas ftit f'bar popolari ħafna f'Paceville.

Dak iż-żmien kien għad hemm Dwardu qed jurini kif taħdem is-sistema. Jenny qed tgħidli fejn qiegħed il-punch clock. Alex, l-imgħallem l-ieħor, jippriedka fuq kemm hu importanti li ma nitilfux in-nies għax dawk flus mal-bar. U kien hemm Sean, neputi ta' Alex, li donnu kien ħa gost bija. Kien hemm il-bqija ta' l-istaff: Chris u Eve, aħwa ta' Sean; kultant kien jidħol ir-raba' wieħed minn ħuthom, Paul. U l-oħrajn: Oliver, Steve id-Dandaloo, Robert il-Go Away (tifel kwiet u ħelu immens li jekk jara dubbiena qed tmut kien jieqaf idewwieha). U xi tnejn oħra, jekk niftakar sew jisimhom Veronique u Kristy.

Għaddew erba' snin minn dawk il-ġranet. Waqaft naħdem hemm wara tmien xhur, mhux se noqgħod intarraf għala. Spiċċajna bħala ħbieb, jew kważi. Ftit wara mort naħdem faċċata, l-Alley, żmien sabiħ ta' ħajti fejn in-nies għandhom aktar żmien u fwied. Sirt ħbieb sew ma' Matthew (għadni sal-lum) u ġieli konna ndumu ndoqqu sas-sitta ta' filgħodu għax ħadd ma jkun irid imur jorqod. Imbagħad is-sid għażaq kollox u l-affarijiet bdew sejrin il-baħar. U jien qbiżt qabel ma għerqet il-karwiela.

Imbagħad għall-Muddy Waters. Storja oħra. L-isbaħ ħaġa tkun xogħol ma' Steve. Ma tistax titlob aktar. Spiċċa kollox ftit aktar minn sena ilu għax f'ħajti bdew deħlin is-Smiths u bdew ħerġin l-oħrajn kollha.

* * *
Wasalt, inkaxkar saqajja quddiem Coconut. Il-ħsibijiet sparixxew, taru fix-xejn. Ma fadal ħadd minnhom ħlief għal Eve li issa qed tmexxi l-post. In-nies l-antiki telqu minn hawn żmien ilu. M'għadhomx jinżlu r-ragazzi u l-klikek kollha l-oħra li konna niġġieldu magħhom jew nitolbuhom lighter, skond il-każ. Lanqas it-trays bis-shooters m'għadhom li kienu. In-nies ta' wara l-bar kollhom tpinġijiet.

Ħareġ wieħed enormi minn wara u qabadni minn spallti. Jien ksaħt.

"Int id-DJ hux?" qalli.
"Jien hu," qtajtlu qasir u ma ħriġtx idejja biex neħodlu b'idu, biex inżomm naqa cool.
"Eh orrajt. Għax diġa kont ser inwaddbek 'il barra..."
"Ma ġara xejn."

Il-lejla kienet ser tkun iebsa. Hemm ħafna żarżir fil-PA. Hemm CD player ma jaħdimx u ġibna wieħed minn fuq. M'għandix fejn inqiegħed l-affarijiet tiegħi kif suppost u lanqas lampa biex nara nidgħi ma hemm.

U barra minn hekk, hemm udjenza stramba, ġdida, li għamlet is-sular ta' isfel territorju ta' trash metal aħrax u orribbli. Għal DJ ġdid, jew aħjar riċiklat, b'ġakketta ta' l-Adidas Classics li iktar tfakkrek fl-Arctic Monkeys milli fid-Disturbed, ġejjin ftit siegħat tal-biża.

Wara kwarta bdew ġejjin il-metalheads ta' sittax-il sena jitolbu l-Metallica. Qegħdin fl-2007 u l-kultura tagħhom waqfet fil-Metallica. Mank fin-Nirvana. Għadhom il-ħdax u xiħaġa u ma rridx nibda b'dak l-istorbju. U ġejt għala biebi u għamilt xogħli kif naf nagħmlu jien. Kollox f'ħinu.

* * *
Saru l-erbgħa ta' filgħodu u għad hemm ħafna, wisq nies. Tfaċċa sieħbi Kevin Ferrante. U Gregory. Yousif ġie ukoll. Parti żgħira biss mill-uċuħ li kien hawn fiż-żmien. Ġie saħansitra n-Niki Gravino (bl-artiklu b'kollox) u għedna żewġ kelmiet fuq l-album (brillanti) li ser joħroġ dalwaqt. Xi ftit mit-tfal marru jorqdu.

Ħamsa u nofs ta' filgħodu. Daqqejt diska għalija (I Wanna Be Adored, Stone Roses) u ġbart ħwejġi. Daqqejt bħalma kont nagħmel fl-2003/4, b'daqsxejn anqas grinta, u bl-istess riżultati.

Issa jekk trid nitkellmu fuq naqra kultura fil-mużika... ħeqq, mhux għalissa.

Saturday, November 17, 2007

It-Tfal Illeġittimi ta' Liam Gallagher

Kemm hi sabiħa l-ħajja ta' rockstar jew popstar. Biżżejjed tiftaħ ftit l-MTV u toqgħod titpaxxa bil-ħajja u bid-djar tagħhom. Kollox ma' sormhom. Għandhom nies apposta biex jiddiżinjalhom il-ħwejjeġ, u min iġibilhom il-fwejjaħ, u min jarmalhom is-surround u min jarmalhom il-karozzi. Pixxini u klieb (li min jaf min jitmagħhom), balavostri u kolonni bojod. Ħalli, imbagħad, tiftaħ kull gażżetta li tiġi f'idejk, mill-Washington Post sal-Lite ta' Londra, u toqgħod taqra u titkaża fuq x'belgħu u ma belgħux.

Hawn Malta, ir-rockstar Malti ma jaffordjax dan kollu. U għalhekk idur għal forma aktar fqira, kważi kważi, qammiela, biex jiġbed xi ftit ta' l-attenzjoni fuqu nnifsu.

Mhux qed nitkellem dwar nies bħal Ivan Grech tal-Wintermoods jew Ira Losco, li għandhom biżżejjed kwalita' fil-mużika tagħhom biex jaqtgħu lil kulħadd minn warajhom mingħajr ma jagħmlu ħafna bullshit. U lanqas għall-bands bħall-Characters, li ilhom hawnhekk snin twal u jafu xogħolhom u l-mużika u jekk xi ftit jitqażżu bihom infushom, tasal taħfirilielhom. Jekk, fl-aħħar mill-aħħar, huma l-aktar nies li jbiegħu f'Malta u lilhinn u l-aktar li jinstemgħu, xi raġuni tajba ħafna bilfors li hemm.

U hemm għexieren ta' gruppi oħra hawn Malta li ilhom jaħdmu fis-skiet u fis-silenzju, u meta jitilgħu fuq palk jagħmlu xogħolhom mingħajr kummiedji. L-aqwa li jdoqqu kif suppost.

* * *
Il-kunċett li grupp iħabbat wiċċu kontra grupp ieħor huwa kunċett miskin. Għalhekk qatt m'hu ser naraw lil Ivan, Ira, Ivan Filletti, Scar, u l-krema ta' Malta jipparteċipaw f'xi Battle of the Bands. Għax, ejja ngħidu s-sewwa, mhux li qed tikolhom idejhom biex imorru jdoqqu Spanja bis-saħħa ta' erba' voti ta' erba' minn nies li nefqu ħafna żewġ lirijat fuq xorb u birra.

U nfqajt nidħak b'sieħbi Kenneth meta daħħal il-Fire f'din il-kompetizzjoni. Kif qalulu bosta nies, il-Battle jista' jirbaħha b'għajnejh magħluqin kieku tiddependi sempliċiment minn kemm taf iddoqq u tkanta. Iżda hawnhekk daħlu kriterji bażwin bħal kemm tieħu gost l-udjenza, anke jekk ġibt kontejner nies biex jarawk, u oħrajn bħal originality. Hawn Malta, jekk tkun oriġinali, ser ikollok problema biex tagħti gost lin-nies li qed jarawk. Allura ħafna artisti jispiċċaw ifittxu l-kompromess.

Allura darba minnhom, it-Tlieta filgħaxija, wara siegħa u nofs għand il-veterinarju, tlajt ma' Kenneth biex naraw tnejn mill-bands li qed jipparteċipaw. Spiċċajt nogħxa bid-daħk, speċjalment bil-kantanti taż-żewġ bands.

Iż-żewġ sfidanti: Wieħed minnhom għadu ma qabiżsx l-għoxrin sena u għadu jbati biex iwassal leħnu, tant li l-kant tiegħu jinkiser u jinqasam daqs ħġieġa taħt tank tal-gwerra. Xahar bl-addoċċ, u ħwejjeġ passabbli jekk qed tistenna tal-linja.

L-ieħor: nuċċali tax-xemx biex jgħattilu mnieħru; ġakketta minn dawn il-ħodor, li jkollhom il-bandiera tal-Ġermanja ftit 'l isfel mill-ispalla tax-xellug; jeans; u żarbun ABJAD. Diġa bdejna ħażin.

Il-kunċert: siegħa u nofs ikanta minn bejn snienu, donnu qed jitqanżaħ biex joħroġ dak li kiel xi jumejn ilu għax ma setax joħroġ dalgħodu. Xi stunatura ċkejkna smajnieha wkoll. Mużikalment, ta' warajh kienu f'posthom u nista' ngħid preċiżi, anke għax kienu qed jikkonċentraw fuq dak li jafu jagħmlu l-aħjar: il-mużika.

Barra, sadanittant, membru tal-band ta' kontrihom (Under 20's) kien qed ipejjep sigarett wara sigarett (minn ta' ħaddieħor) għax Madonna x'nervi għandi, kif se jkissruna...

U dak il-ħin ftakart meta ħames snin ilu kont il-manager ta' SKyN u avolja ma qabilx kulħadd, konna dħalna fil-battle. Mużikalment nista' ngħid, b'wiċċi minn quddiem, li konna aħjar minn kważi l-bands kollha li kienu qed jipparteċipaw: ismijiet familjari u jgħajtu, b'ħafna nies jiġru warajhom. Tlifna ma' band li inqas tajbin minna iżda kellhom dak il-kontejner u nofs armati sa snienhom. Il-Battle eventwalment intrebħet mill-band li kellhom l-aktar supporters alkolizzati.

Ħames snin ilu anke jien kelli għoxrin sena. U ftakart kif, wara din it-telfa, kelli aptit nibgħat lil kulħadd jieħdu, għax f'għajnejja kienet inġustizzja ċara. Meta dħalt fejn kienu qed jingħaddu l-voti kont naf x'kien qed jiġri. Kien ikolli raġun nibgħathom jieħduh iżda kien hemm wisq nies biex tagħmel x-xenati. U, minn banda, aħjar hekk għax konna qed naħlu xebgħa żmien.

* * *
It-tieni band daqqet, u daqqet tajjeb daqs l-oħra. Firduhom biss ftit voti. It-tieni band kellha aktar nies iżommu magħha.

* * *
Ir-rockstar Malti qed jisparixxi. Ejjew flimkien nagħmlu kampanja sabiex insalvawh.

L-ewwel ħaġa li rridu nagħmlu hu li nżommu lil kulħadd ma' l-art. M'hemmx qżież. M'aħniex Manchester fejn jekk tkun artist kiesaħ in-nies jadurawk. Hawnhekk malli titkessaħ għalxejn taqlagħha ġo ħalqek - eżempju, dan il-blog.

It-tieni ħaġa hi li nagħmlu liġi ġdida, kemmxejn kontroversa: jekk ma tafx tkanta, trid tagħmel sena, sentejn tipprattika qabel kull ma toħroġ quddiem in-nies.

Tlieta, ir-radju: qabel konna ngorru għax ma ndoqqux biżżejjed Maltin. Meta beda ħiereġ il-materjal, smajna l-kantilena li ndoqquhom għax tajbin, mhux għax Maltin. Issa, ħraqnieha u qed indoqqu wisq Malti li mhux tajjeb u speċjalment mhux relevanti. Per eżempju, jekk qed tikkopja stil u l-produzzjoni hija dgħajfa, ma ħaqqikx titla fl-għaxar post tac-charts minħabba l-SMS's ta' erbgħa minn sħabek. (Hawnhekk ninża l-kappell lil Terry tal-Bay li għandu kriterji iebsin ħafna għall-mużika sabiex tibda tindaqq fuq ir-radju.)

Erbgħa, l-oriġinalita': nippreferi għaxra bħal Niki Gravino li kapaċi joħolqu stil u mit akkost li jidhru strambi u forsi koroh, milli wieħed li għamel dak kollu li għamlu l-bands ta' qablu. Naqra identita' qatt ma qatlet lil ħadd.

Ħamsa: AĦDMU kemm tifilħu. Fejn marru l-mużiċisti bħal Cliff Smith, ex-Corkskrew, li kont tarah f'kull gig jieħu gost jisma' u jitgħallem x'qed jagħmel ħaddieħor? Fejn marret id-dixxiplina tal-gruppi magħluqin sagħtejn sħaħ jissaraw ma' erba' ħsejjes sempliċi f'diska sakemm jiġu perfetti? Fejn marru l-metodi ta' nies bħal Sandro Grech u David Vella?

Sitta: Itfu l-MTV u ibdew aqraw u niżżlu l-mużika minn kullimkien. Mingħajr ma tikkupjaw, jekk jogħġobkom.

Friday, November 09, 2007

Tibżax (Niente Paura)

"A parte che i sogni passano se uno li fa passare
alcuni li hai sempre difesi altri li hai dovuto vederli finire"
(Il-ħolm jitlaq jekk inti tħallih jitlaq
ftit minnhom dejjem sostnejthom, oħrajn kellek tarahom jintemmu)


* * *
L-irwejjaħ mill-kċina m'għadnix inxommhom wisq. Għandi ħafna ħin biex nagħtas u ftit minn dak li jiġri fisu-sular ta' isfel qed jasal hawn fuq. Qegħdin f'Novembru, it-temp għadu ma jafx xi jrid, aktar ma jmur aktar qed jagħti raġun lil Al Gore u lil min tah in-Nobel. U ma ttinix tort li nagħtas xi ftit l'hinn u l'hawn. Anke l-hayfever tagħmel il-parti tagħha.

Miet Biagi. Miet Liedholm. Kien hemm student Finlandiż li qabżitlu u għamel massakru. Qbadt ir-remote u għafast fuq stazzjon ieħor. Ma ġara xejn. Erġajt għafast l-istess tliet buttuni u xejjirt ir-remote kemm kemm lejn il-kaxxa tal-Multiplus. Did-darba ħadmet. Miet Biagi, iżda qablu ħareġ kalendarju ieħor fuq Max u ta' min jikxef xi ftit laħam. Erġajt dawwartlu fejn kien qabel.

Xrift 'il barra mit-tieqa. Ir-riħ naqas. Qabel kont nittawwal mit-tieqa u ninduna x'temp għaddej, dak iż-żmien kien għad hemm is-siġra ta' Melvin tixxengel l'hinn u l'hawn. Anke x-xita traxxax kienet tidher.

Ili kwarta nisma' l-istess diska. Leħen ta' wieħed li darba kien mekkanik fit-tramuntana ta' l-Italja. Kordi delikati ta' gitarra li nħossha jaqleb fil-meskin iktar viċin tar-ritornell. Il-kliem, rassikuranti, inqas narrativ u aktar introspettiv minn dak ta' għaxar snin ilu.

Minn Buon Compleanno Elvis u l-innijiet għal ġgajtiet ta' żgħażagħ Taljani jaqbżu fuq xulxin fl-Olimpico, it-triq ta' Ligabue serrpet minn fost Miss Mondo u Fuori Come Va sabiex waslet għal Niente Paura, l-aħħar singlu tiegħu. Mużikalment, xebbħuh ma' Bob Dylan, filwaqt illi fuq il-kaxxa imitawh ħafna nies fil-parodiji tagħhom (fosthom Neri Marcore bil-verżjoni tiegħu ta' Una Vita ta' Mediano dwar il-ħajja fil-gvern xellugi Taljan, għaldaqstant Una Vita da Prodiano).

Niente Paura tfakkarni ħafna f'Almeno Credo. Hemm l-istess tema, ta' xi ħadd li jemmen f'idejal li ħafna drabi jaħrablu, jiżloqlu u jdum ħafna biex isib ieħor ma' xiex jaqbad. F'Niente Paura, kif f'Almeno Credo hemm l-idejal, hemm il-ħolm u l-istilel. Li ma tbiddilx żgur fil-kliem ta' Ligabue, kittieb, poeta u direttur ta' żewġ films, hija t-tama u l-ottimiżmu kajman, mistur f'bosta forom.

Għalhekk, kalma, tibżax, ma ġara xejn. Kollox jitranġa.

Mill-bqija, xejn m'hu għal dejjem.

* * *
Ed anche le stelle cadono alcune sia fuori che dentro
per un desiderio che esprimi te ne rimangono fuori altri cento
(Anke jekk jaqgħu l-istilel, uħud minnhom jaqgħu barra w uħud ġewwa
għal kull xewqa li tagħmel dejjem fadallek mija oħra)

B'dedika lil sieħbi Joe.

Wednesday, November 07, 2007

A Volte Ritornano, Vol 2

It-triq minn ta' Xbiex għal Għawdex qatt m'għamiltha f'waħda. Issoltu dejjem ikun hemm xi stazzjon jew xi qadja x'issir. Din id-darba waqaft ftit fit-triq ma' sieħbi Italo, lgħabna zewġ logħbiet billiard, u għal darb'oħra indunajt li m'inix maqtugħ. Imma, illejla, il-ġimgħa filgħaxija bix-xita traxxax, kull forma ta' intratteniment hija tajba.

Fit-tmienja neqsin ftit qed nistenna il-vapur t'Għawdex. Qed nara ftit ta' xena mhux ħażin. Ftit 'l isfel minni, bilqiegħda fuq bank, hemm raġel ta' madwar ħamsin sena, twil u mżaqqaq. L-aħħar darba li ħarist lejh kien għadu qed jilgħab b'subgħajh, bil-bagalja tistrieħ fuq ħoġru. F'daqqa waħda ħareġ dak li jaqta' il-biljetti, flimkien ma' pulizija. It-tnejn li huma għaġġlu l-pass lejn dan ir-raġel li kien qiegħed hemm bilqiegħda bi kwietu.

"Dan hu, sir," gżah tal-biljetti.
"Xiex? Mhux diġa għedtlek... jekk trid fittixli..."
"Tgħajjatx, jekk jogħġbok, bil-mod qed nitkellmu," qabeż iwiddbu l-pulizija.

Ix-xenata kompliet għal madwar ħames minuti. Milli stajt nifhem, kienu qed jitlewmu fuq nofs lira biljett għal Għawdex. U jien, kien nagħmel issoltu meta nara dan it-tip ta' paprati, dort dahri lejhom u komplejt, b'entużjażmu naqa aktar baxx minn qabel, is-sigarett li kien qed jinħela f'idejja.

Tiela' waħdi, Għawdex, mingħajr il-karozza, bl-iPod mingħajr headphones, bil-ħwejjeġ li mort bihom għax-xogħol dalgħodu, bir-riħa ta' sigaretti li teħel miegħek wara l-ħames wieħed. Poġġejt fuq sufan ftit bogħod mill-canteen, qgħadt inħares lejn in-nies jagħmlu l-kju biex jixtru ħobża, pastizz niexef jew cikkulata, lager jew kapuċċino.

Darba hawnhekk niftakar lil Josef iriegħed vapur bid-dagħa, wara li fi tmiem ta' nofsiegħa pepe u yes please, yes thankyou, croissant u sure, qaleb nofs tazza kafe fuq idejh il-leminija. Dakinhar ridna ninqasmu bid-daħk x'ħin rajna dak l-eżempju tant Malti ta' Jekyll u Hide. Josef baqa ma ħax gost, imma nsomma.

* * *
Il-figura rqiqa ta' Pierre Mejlak qed tistenna ftit passi 'l bogħod minn fejn tinżel, b'tisbita ħafifa, ir-rampa tal-vapur t'Għawdex. Ilna sena ma niltaqgħu, anke jekk il-kitbiet tagħna, b'xi mod, iressqu lil Wied il-Għajn lejn Brussell qisu xejn m'hu xejn.

Kif inti, sieħbi? Pierre baqa' l-istess. Mhux għax stennejtu ser jitbiddel wisq, mhuwiex karattru li ser jiffanfra għax għamel sentejn jaħdem barra. Għad għandu dik id-daqsxejn emfażi fuq il-pronunċja tax-x, li kont innutajt għall-ewwel darba meta konna kollegi fuq Calypso FM. Dak iż-żmien kien jaqra' l-aħbarijiet (minbarra li kien head of news, jekk m'inix sejjer żball).

Fuq id-dashboard tal-FIAT hemm kopja tar-rumanż Riħ Isfel (Pierre - nistqarr miegħek - għadni fir-raba' kapitlu). Il-karkura li hemm fuq il-faċċata fakkritni fl-idjoma Maltija li jħobb juża sieħbi Pawlu - fejn nesa l-karkura x-xitan. Rumanż bħal dan jieklu Pawlu kieku jiġi f'idejh.

Pierre qed isuq mgħawweġ ganċ, 'il quddiem, viċin ta' l-isteering. Donnu ma joqgħodx komdu fil-karozza. Wasalna l-Qala, fejn ir-ristorant kien mimli sa ruħ ommu. Imn'alla talab li jżommulna post, ħsibt bejni u bejn ruħi.

L-ikla: pizza special għal Pierre (li, kif innota hu stess, normalment ikun fiha l-ingredjenti kollha) u ravjul għalija, għax kelli aptit nitħanżer daqsxejn. Inbid abjad u flixkun ilma biex jinżel kollox.

U, bejn tazza inbid u oħra, bdiet id-diskussjoni. Ir-radju f'Malta, l-ideat tiegħi fuq x'hawn nieqes mix-xandir Malti; x'ġaralhom Rachel u Lou Bondi mal-PBS, kemm sbieħ is-Super One, kemm naqqas in-NET skond is-surveys; Linus, Nicola Savino, u Nikki ta' Radio Deejay.

Il-kitba, rumanżi bil-Malti, u l-ex għalliem tal-Malti tiegħi, Pawlu Buhagiar, li jaħdem fl-istess kamra ma' Pierre. Imbagħad, x'sar minn sħabna tal-B.Communications, Facebook, u l-pagi f'Londra; politika Maltija, is-sebgħin elf tal-bankina ta' Ninu Zammit u ċ-ċajta ta' Sant fuq Buffon u l-autogoals. Iċ-chairman tal-MEPA u s-sospiżi mill-MMA; kif iż-żewġ partiti fottew lill-Alternattiva fuq il-konfini elettorali, u kif Josie Muscat fotta kollox billi ngħaqad mar-rażżisti u mal-klassisti. In-nuqqas ta' kariżma ta' Sant u Charlon Gouder li ra wisq minn Le Iene. U kif, minkejja li jipprova kemm jipprova, Pierre xorta għadu ma jistax jaqta' minn dak kollu li qed jiġri hawn Malta.

Spiċċat l-ikla u għadna qed nitħaddtu. Wasal ħin l-espresso u l-vapur tal-ħdax u xi ħaġa. Reġa daħal mgħawweġ ganċ fil-karozza u saqni lura lejn l-iMġarr.

Lili, qed tistennini triq miċ-Ċirkewwa għal Wied il-Għajn, bit-togħma ta' l-aħħar Dunhill li baqa' jiġri fil-pakkett. Lil Pierre qed jistennewh erbat'ijiem riħ isfel ta' Għawdex u ajruplan lejn l-arja kiesħa ta' Brussell, fil-bard tal-belt li titkellem bosta lingwi, li ebda minnhom ma tinftiehem daqs il-lingwa tas-sinċerita.

Poġġejt fl-istess rokna li kont fiha fl-ewwel vapur, qbadt il-kopja tiegħi ta' Riħ Isfel u bdejt l-ewwel kapitlu.

Minkejja l-ħedla li kelli fuqi xorta ma statjx inneħħiħ minn idejja. U naħseb li, ladarba nlestih ser jiddispjaċini, li, bħal meta tkun lestejt deżerta tajba, fil-platt ma jkun għad fadal xejn u tkun diġa qed tistenna l-ikla ta' l-għada f'nofsinhar.

Friday, November 02, 2007

Grazie, Dogui

It-televiżjoni huwa medju pjuttost kbir u mgħaġġel, tant li għandu ħabta jfakkar u jnessi bosta ħwejjeġ skond kif jiftillu xi bord editorjali. Għalhekk, jekk fil-bidu ta' Ottubru kien hemm agħa kbir fuq Beppe Grillo, illum ma nsibu xejn aktar fuqu fil-medja Taljana. Il-medja Ngliża moħħha f'Amy Winehouse u dak kollu li qed tixrob u tpejjep; xahar ilu konna qed nisimgħu bosta raġunijiet apparentament tajbin ħafna għalfejn Britney Spears għandha tirtira mill-attivita'. U kieku fuqhiex kienu ser jitħaddtu?

Lura għall-punt tal-bidu. Il-medja Taljana ħabbret l-aħbar tal-mewt ta' l-attur Guido Nicheli. Min?

Guido Nicheli (magħruf bħala Dogui, anagramma ta' ismu) kien dak l-attur li meta kont żgħir kont nidentifikah bħala dak l-antipatku, u anke jekk kien hemm ħafna, Dogui kien l-antipatku per eċċellenza. Aċċent milaniż qawwi, dejjem jaħdem partijiet ta' xi borgiż snob b'kumpless ta' superjorita' li jqażżek. Niftakru jaħdem il-parti ta' Zampetti f'Ragazzi della 3c - u naf li ħafna minnkom ukoll kienu jarawh.


Nicheli kien magħruf bħala caratterista - attur li jkolli parti minuri f'film importanti, jew parti importanti f'film minuri. Ir-rwol ta' dan il-caratteristi normalment jitfaċċa f'xi film fejn tkun essenzjali l-qasma bejn it-tramuntana u n-nofsinhar tal-pajjiż, u f'dan il-każ Nicheli kien ir-rappreżentant tan-Nord, personifikat fil-persunaġġ tal-cumenda (li bit-Taljan korrett issir commendatore, titlu li kien jingħata lil nies bħalma kien Enzo Ferrari). L-għadu ta' Nicheli kien il-karatterist ta' Ruma, Mario Brega, li għamel karriera jaħdem films flimkien ma' Carlo Verdone.

Ħaġa oħra li tgħaqqad lill-karatteristi kollha hija li ftit hemm differenza bejn il-ħajja tagħhom, u l-partijiet fuq it-TV.

Fil-karriera ta' Nicheli kien hemm bosta partijiet f'films ftit jew wisq komiċi li jinvolvu nies bħalma huma Jerry Cala, Teo Teocoli, Diego Abandantuono - kollha kemm huma minn Milan. U l-frażijiet ta' Nicheli wkoll ser iħallu vojt kbir issa li mhux ser jibqgħu jinstemgħu daqshekk. Frażijiet bħal Negatiiivo u Taaac. Jew aħjar Vieni giu dalla pianta (inżel minn fuq is-siġra), li kien jgħidha lil xi ħadd li ma jkunx fehem xi espressjoni tal-Cumenda. Issa li ħalliena Nicheli kulħadd qed jikteb il-memorji tiegħu. Jien ħa nkun onest, lil Nicheli qatt ma niżżiltu wisq, għandi memorji mhux daqshekk sbieħ tal-films tiegħu.

Iżda xorta waħda ser tinduna li hemm xi frażi nieqsa, minn dawk tal-borgeżija Milaniża, ta' l-ex dentist Guido magħruf bħala Dogui, li bħal oħrajn qablu, ġab tbissima permezz ta' l-aktar ħaġa li tweġġa': il-klassiżmu.

Dawn huma ftit mill-mumenti li jibqa' imfakkar għalihom Dogui:

Minn Eccezziunale Veramente ma' Diego Abandantuono, Massimo Boldi, Teo Teocoli u Ugo Conti

Minn Grand Hotel Montecarlo flimkien ma' Mario Brega

Minn Fantozzi 2000 flimkien ma' Paolo Villaggio

Thursday, November 01, 2007

Transkritt ta' Telefonata Twila u Tedjanti

Illum, Ottubru 31, wara li sibt multa ta' Lm45 fuq il-windscreen tal-karozza.

"Hello Kunsill Lokali..."
"Good afternoon, Wayne Flask jien. Nixtieq nistaqsik mistoqsija żgħira jekk ma jimpurtax."

"Għidli mister..."
"Kemm hija l-fee ta' multa jekk timblokka biċċa żgħira minn garaxx?"

"Bejn Lm10 u Lm45..."
"Mela jien mill-ewwel electric chair blajtha... din ridikola sinjura din il-ħaġa... jekk għal overspeeding teħel multa ta' Lm30, iktar jaqbilli nsuq gas down u ntajjar lil xi ħadd milli nipparkja quddiem dar abbandunata..."

"Ħeqq veru ma ntikx tort mister. Inti filkaż ikkontestaha hux. Skużani ftit, fejn ipparkjajt eżatt?"
"Hemm dar mitluqa fi triq ***** *******, kont ipparkjat ħarira żgħira 'l hinn mill-kaxxa s-safra. Kieku ried jgħaddi xiħadd għall-garaxx kien jidħol xorta, u lanqas naħseb li joqgħod xi ħadd hemm. Imma Lm45 ridikola!"

"Veru, dawn lanqas jedukawhom in-nies billi jatuhom multa. Inti żgur li gwardjan lokali u mhux pulizija?
"Iva, hawn in-numru tat-tessera tal-gwardjan ukoll..."

"U... skużani, imma inti x'fettillek ipparkjajt quddiem garaxx?"
Dak il-ħin kienet se titla l-fawra.
"Ħeqq, ifhimni, ippruvajt nitfagħha fis-sitting room imma ma qagħditx!"

Blog Counter