L-ErbgħaGħallinqas, it-titjira kienet trankwilla. Lanqas niftakar min kien hemm ħdejja, naf li ftaħt il-Mojo magazine u l-iPod. L-ajruplan ma nifilħux, bdejt inħoss ħafna bard u qomt inbul tliet darbiet, jekk mhux erbgħa.
L-ewwel ħaġa li ridt nagħmel malli nżilna Heathrow kienet li nbus l-art; ma stajtx, għax hemmhekk tidħol mill-ewwel fit-terminal. Biex nasal għand Jon kelli naqbad tube lejn Piccadilly u ninżel hemmhekk, u naqbad il-Bakerloo lejn Maida Vale.
U Maida Vale, biex niftiehmu, huwa raħal sabiħ immens. Ftit bogħod minn Edgware Road, f'Maida Vale jgħixu nies sinjuri, kif tista' tara mit-traffiku ta' Audi/BMW/Opel Tigra eċċetera. Imxejt lejn fejn joqgħod Jon (b'xi ftit diffikulta, għax sieħbi ma tantx jaf jagħti direzzjonijiet, u spiċċajt Warrington Crescent li m'għandu x'jaqsam xejn ma' fejn kien joqgħod huwa).
Iltqajt ma' Jon f'Formosa Street, madwar tmien minuti minn fejn kien joqgħod. Biex naqta' qasir, kilna xi ħaġa ħafifa u ħriġna lejn Little Venice, minn fejn jgħaddi l-kanal, u mxejna lejn Paddington. Wasalna hemmhekk mingħajr wisq ippjanar.
Filgħaxija ltqajna ma' tlieta min-nies ħbieb tagħna: Bernard, Robert, u Pawlu, li jgħixu lejn il-Lvant ta' Londra (f'xi raħal fejn bil-lejl tibża timxi). Morna Brick Lane, f'Shoreditch, f'bar jismu Brick Lane li fakkarni ħafna f'Ġiġi's. Bieb ma' bieb kien hemm Rough Trade, ħanut li hu parti minn katina li kienet ukoll it-tikketta tas-Smiths fis-snin tmenin.
Epilogu tas-serata: Robert ordna ħobża għall-prezz ta' £6. Issa, din il-ħobża kulma kien fiha kienu biċċtejn ħobż tal-Malti, erbgħin folja
rocket, u erba' faqqigħat żgħar. Kwarta wara, jien u Jonny ħadna burger enormi għall-prezz ta' £3.50, ftit passi 'l bogħod minn fejn konna.
Il-ĦamisIs-sema kemmxejn griża. Fil-pjazza li hemm 'l isfel minn Piccadilly, minn fejn timxi lejn Soho jew Chinatown, hemm Afrikan qed idoqq gitarra simili għal
sitar, bil-ħoss li kellu Ali Farka Toure. Waqfu xi nies quddiemu. Jien u Jonny li qegħdin bilqiegħda ftit bogħod minnu nieklu ġelat ta' Ben & Jerry's. U, sakemm in-nies li għaddejjin waqfu jisimgħu dik id-daqqa ħelwa u mhux tas-soltu fis-skiet taċ-ċentru ta' Londra, tfaċċa pupazz ta' ors liebes l-uniformi ta' gwardja rjali, u ntefa ħdejn id-daqqaq Afrikan. Fost il-ferħ tat-tfal, beda taparsi jdoqq fuq il-
bongos, imbagħad ra żewġt itfal u żgħar u mar jifrah bihom. L-Afrikan, bid-daħka fuq wiċċu, baqa jdoqq. Sakemm ġie sieħbu b'borża minn Burger King. Wasal ħin l-ikel.
Morna lejn Covent Garden u qgħadna nduru u ngħaqdu fid-daqsxejn ta' suq li hemm. Ma xtrajt xejn. Imxejna lejn Soho u Chinatown. Qbadna
tube lejn is-
South Bank u tlajna fuq l-Eye of London. Temp perfett biex iġġib Londra kollha taħtek: minn Camden sa Maida Vale, u saħansitra t-Torri ta' Londra jidher ċkejken. Prosit ħafna, British Airways.
Filgħaxija morna lura lejn iċ-ċentru niltaqgħu ma' seħibna Adrian (aktar Maltin jiġru Londra fuq xogħol) u ħadna birra Soho. Mal-ħdax ta' bil-lejl keċċewna.
Il-ĠimgħaDalgħodu qomt tard. Ħafna. U ħlomt stramb, ukoll. Iżda dik tiġri ta' spiss.
Morna nieklu f'post qrib Maida Vale, mixja twila lejn ristorant jismu l-Electric. Imbagħad jgħidulek li l-Ingilterra tiekol ħażin? U qattajna waranofsinhar ta' mixi, matul il-kanali li hemm fiż-żona, u f'toroq twal u wiesa. Wasalna Portobello Road u qgħadna nduru fost il-wirja ta' imbarazz stramb li kien hemm. Kważi ġġennint x'ħin sibt wieħed ibiegħ LP's fuq vinyl. Imma jiswew £10-il wieħed, u m'għandix fuqhiex indoqqhom.
F'nofs it-triq rajna mutur armat minn partijiet differenti, donnu sett tal-Mekkano bir-roti. Waqafna nħarsu għax għelbitna l-kurżita. Minn ġo ħanut li jbiegħ ġgieket tal-gwerra u ħwejjeġ simili, tfaċċa wiċċ familjari. "
You like it?"
U qbadna diskursata fuq il-mutur ma' dan ir-raġel. F'qalbi qed nistaqsi ruħi fej nafu, u x'ħin qal
"I fucking hate traffic wardens" għaraftu: Huggy Leaver, li kellu parti żgħira f
'Lock, Stock and Two Smoking Barrels (Guy Ritchie, 1998). Biex niftiehmu, wara li ħadna b'idejn xulxin, qalilna seba' jew tmien darbiet li ħadem f'dan il-film. Dħakna ftit x'ħin qalilna li kulma għamel fuq dak il-mutur kien (minbarra ċ-ċitazzjonijiet) li qatel raġel u l-ieħor
ma ġralu xejn, tilef żewġt iswaba biss. Kellu saħansitra kaxxa żgħira fuq it-tank minn fejn ikun jista' ipejjep xi sigarett minn dawk waqt li qed isuq.
Waranofsinhar waqafna f'pub fuq il-kanal u ħadna tnejn birra, bħas-soltu. U filgħaxija erġajna ltqajna mat-tlieta l-oħra, morna fir-raħal li ma jmut qatt: Camden Town. Domna barra mhux ħażin, anke għax aħna l-Maltin imdorrijin għal Paceville, sibna l-iktar post simili għal dik il-ġungla li fit-tlieta ta' filgħodu tkun għada mqajma. Wara bosta daħk u vodka, spiċċajna nieklu veru ħażin minn wieħed mit-takeaways tal-post. U kważi ddispjaċiena.
Is-SibtBig day, today. Biex ma naħlix enerġija qomt tard, bqajt ġewwa nara r-rugby u l-cricket, u għadni sa llum ma fhimt xejn. Mas-sitta ta' filgħaxija konna qed nistennew it-tube lejn Richmond, fin-nofsinhar ta' Londra, li damet kwarta ma nafx għal liema raġuni.
Dik il-kwarta tellfitna s-show tal-Maximo Park. Wasalna fl-aħħar tliet diski, eżatt wara li Paul Smith kien għadu kif lesta s-single
Books from Boxes. Qabel dik konna qbadna karozza tal-linja b'xejn miċ-ċentru ta' Twickenham u mxejna lejn il-grawnd.
Fit-tmienja u nofs neqsin ħamsa ntefa d-dawl u ħoss ta' gong enormi ħabbar il-bidu ta' l-ispettaklu tal-Police. Sting, liebes flokk abjad mingħajr kmiem, ma jidhirx li għandu ħamsin sena. Lanqas Stewart Copeland, li kien jidher donnu qed jieħu buzz kbir idoqq. Andy Summers, insomma, kien naqa aktar kwiet mit-tnejn l-oħra. Għamlu is-serje ta' suċċessi kbar li għalihom kienu magħrufin il-Police, grupp li niftakar nisma d-diski tagħhom meta kont għadni żgħir:
Walking on the Moon, De Do Do Do, De Da Da Da, Every Little Thing She Does is Magic, Roxanne u l-favorita tiegħi
King of Pain. Daqqew saħansitra
Invisible Sun. Stewart Copeland kien spettaklu waħdu. Ma waqafx minuta. U ried jibqa' l-aħħar wieħed fuq il-palk, wara li daqqew l-
encores (fosthom
Every Breath you Take) u qal lil 55,000 li kienu qed isegwu
This is our town - London. I'm American, but this is where we come from right here!Mort id-dar soddisfatt, ħafna. Fuq it-tube dħakna daħka bin-nies li kien hemm, fosthom Ċiniż li beda iwessa għajnejh ma' kull tfajla li titla, u erba' żgħażagħ barranin minn ma nafx fejn, speċjalment għax wieħed minnhom kien liebes donnu Inspector Gadget. Ma flaħniex ma nidħkux bihom f'wiċċhom.
Il-ĦaddSpittlefields Market, ħdejn Shoreditch. Tibda fiż-żona kwieta, timxi lejn affarijiet aktar
indie, u bil-mod tasal f'żona fejn hemm kull tip ta' immigrant li jbiegħ kull tip ta' ħaġa - misruqa. Saħansitra qliezet ta' taħt immarkati "Calvin" mingħajr il-"Klein" sibna. Kollox jiswa £1.
Kilna pizza mhux ħazin Strada, f'Holborn, fejn kien jaħdem Jon sa ftit ilu. U minn hemmhekk morna nistrieħu. Illejla għal Trafalgar Square.
Hemm Calvin Harris u Chemical Brothers. Trafalgar Square għadha qed timtela. Tawna n-nuċċalijiet biex tara kollox 3D, u biex xtrajna birra rajna l-passjoni. Qgħadna naraw lil Calvin Harris, u napprezzaw l-iSkoċċiż tiegħu, apparti mill-fatt li huwa bniedem kemmxejn mistħi. In-nuċċalijiet kienu ftit għalxejn, pero.
X'ħin bdew Chemical Brothers beda l-imbuttar. L-Ingliżi jieħdu gost ukoll, tafux, u fis-siegħa u ftit li daqqew kien hemm spettaklu bl-animations li impressjonani. Ħadt gost aktar milli ħsibt, u biex ngħid kollox, qbadt naqbeż waqt
Block Rockin Beats. Ta' warajja ma kienx hemm minuta li ma qabżux.
Dulcis in Fundo, x'ħin spiċċat is-serata kien hemm Taljan li beda argument twil ma' żewġ uffiċjali tas-sigurta għax beda jisfidahom u jinżel jaqbeż fil-funtana ta' Trafalgar.
Mixja, karozza tal-linja lejn id-dar, u biċċa ċikkulata qabel ir-raqda.
It-TnejnQabżitli u qomt tard, qabżitli u mort Camden, u spiċċajt nixtri. Filgħaxija ordnajna Chinese u qgħadna naraw l-MTV, u nitnejku b'Britney Spears. Ġurnata ordinarja f'Londra. Qed nidra saħansitra l-aċċent.
It-TlietaMorna sa Hyde Park, ħarġet ġurnata xemx li anqas Malta ma ssib bħalhom. Kilna biċċa salmun eċċezzjonali u krejna
paddleboat, qgħadna naqdfu f'nofs Hyde Park qalb il-papri u l-għasafar. Inżajt b'żaqqi barra għax hemmhekk ma jafek ħadd biex jgħajrek
bluffer, u għax it-temp kien sabiħ tassew.
Illum l-aħħar jum f'Londra. Għalaqna bit-tajjeb: BBQ fil-ġnien ta' Richie, wara li ovvjament fgajna ħames blokkijiet appartamenti bid-duħħan li konna qed nikkawżaw. Kilna ikla kbira, Richie għamel potato salad li beda nieżel għasel. U kien għad fadal ħafna ikel x'jinżel.
L-ErbgħaQomt fis-sebgħa u nofs. Ħadt tazza kafe, pejjipt sigarett, qbadt ħwejġi, għedt ċaw lil Jonny, u qbadt tube mimli sa ruħ ommu lejn Piccadilly. Fejn inżilt, u qbadt ieħor kemmxejn anqas mimli li żvojta sakemm wasalt Heathrow Terminal 4.
Il-paċi li kelli f'qalbi dik il-ġimgħa għebet malli smajt l-ewwel leħen Malti sakemm qed nistennew biex nitilgħu fl-ajruplan.
Ġejja titjira oħra, u ta' ħdejja mid-dehra kellha aptit titħaddet. B'xorti tajba fis-siġġu l-ieħor ma kien hemm bilqiegħda ħadd, u għalhekk, bl-iskuża ta' l-uġigħ fil-ligamenti, qomt u poġġejt fih. Ftaħt l-iPod kollu, u qgħadt naqra.
It-temperatura f'Malta hija ta' 29 grad. Il-qaħbeċ.