Tuesday, July 31, 2007

Il-Kutra ta' Linus

Skond il-Professur Thompson, ta' l-Universita' ta' Syracuse (mhux Sirakuża fi Sqallija), il-bniedem li rnexxielu jirrakkonta l-itwal storja kien Charles M Schulz, il-kreatur tas-serje Peanuts, magħrufa aħjar bħala l-kartoons ta' Snoopy.

Il-ħrafa ta' dan il-kelb li jitkellem ma' sħabu Charlie Brown, Linus, Lucy, Sally u oħrajn daret id-dinja u dehret fuq 2,600 gażżetta f'75 pajjiż, maqluba f'wieħed u għoxrin ilsien differenti, mit-2 ta' Ottubru 1950 sa l-għada tal-mewt ta' Schulz, fit-13 ta' Frar tas-sena 2000. Fit-testament tiegħu, Schulz talab li ħadd ma jkompli jikteb is-serje Peanuts wara mewtu.

U hekk għandu jkun.

* * *
Fi ħdan id-dinja ta' Peanuts hemm bluha sempliċi, magħmula għal tfal u mhux, li tilqagħha mill-ewwel b' ċertu trankwillita.

Imbagħad hemm Linus van Pelt. Filosofu, argut, determinat, karattru sod. Fil-parti tat-teologu tal-grupp, ħoloq il-persunaġġ reliġjuż tiegħu, il-qargħa ħamra li beda jemmen fiha wara li tħawwad fil-kunċetti ta' Halloween u tal-Milied. Din il-Great Pumpkin tidher lilu biss, u matul is-serje Linus jipprova kemm-il darba jikkonvinċi lill-oħrajn li din il-qargħa teżisti. Imma kollox ta' xejn. Taħsbux li jaqta' qalbu, iżda, għax baqa' jemmen fiha minkejja li kien waħdu.

Flimkien miegħu, Linus kien dejjem iġorr din l-imbierka kutra, għata blu dejjem tiġri f'idejh kull fejn imur. Din l-għata saret forma ta' ikona dejjem (jew kważi dejjem) preżenti kull fejn imur Linus. Jekk qed jilgħab baseball, fit-tieni bażi fejn kien imdorri jilgħab, kien iżommha hemmhekk miegħu fil-qrib. Fil-parti l-kbira ta' l-episodji ta' Peanuts, Linus kien jidher bil-kutra f'idejh, isoff subgħajh bħalma jagħmlu t-tfal iż-żgħar - dan minkejja l-intelliġenza filosofika li kienet iżżewwaq il-karattru tiegħu.

U Snoopy kien dejjem jipprova jeħodhielu, b'xi mod jew ieħor.

Darba, Charlie Brown kien widdbu li jekk imur kamp flimkien ma' sħabu, bil-kutra f'idejh, kienu ser jgħadduh passata. "Ma jitmellħux bija aktar minn darba," wieġeb Linus, hekk kif dawwar il-kutra ma' zokk ta' siġra fil-qrib, u qaċċatha minn postha. Ta' min jgħid li din il-kutra kellha l-personalita' tagħha, tant li darba kienet qabdet ġlieda ma' oħt Linus, Lucy, li kienet tiddomina fuq ħuha ż-żgħir.

Fl-1989, Schulz kien ikkumenta li din il-kutra kienet tilfet l-iskop tagħha - Linus kien "kiber" wisq għaliha, u għaldaqstant, il-kutra kienet titfaċċa biss fil-bżonn, meta l-umoriżmu ta' l-episodju partikolari jiddependi fuqha.

Bla ma ried, Schulz kien ukoll ħoloq terminu għall-psikoanaliżi, fejn il-Linus Blanket, minbarra li ġiet sfruttata kummerċjalment, hija wkoll assoċjata ma' tip ta' sigurta li toffri lit-tfal li jħaddnuha magħhom.

It-teorija tista' testendi ruħha sabiex tinkludi l-użu tal-Linus Blanket mill-kbar ukoll. It-Taljani jirreferu spiss għal Coperta di Linus, speċjalment meta jirreferu għal xi ħadd li jkun naqra dgħajjef, u dan ix-xiħadd isib il-wens f'xi ħaġa li materjalment tiswa anqas, iżda psikoloġikament isservi bħala sostituta.

B' dedika lil dawk kollha li jafu jikkuntentaw.

Lil Omm Andrew

Grazzi, sinjura Vassallo, talli lil ibnek sawwartu daqshekk tajjeb.

Strieħ fis-sliem.

Tuesday, July 24, 2007

"The Bicycle Song"

Ftit ilu kelli l-pjaċir nerġa' niltaqa' ma' tnejn min-nies, waqaft nitħaddet magħhom dwar mużika u kultura relatata.

Wieħed kien leġġenda ta' l-Alley. Jean, DJ twil u pulit, kwiet, edukat, bravu, illum miżżewweġ u jekk mhux sejjer żball għandu tifla. Jean huwa wieħed min-nies li daħħal f'Malta l-mużika alternattiva, fi żminijiet meta jien kont għadni fan ta' l-artisti li jħobbu t-tfal: l-Aerosmith, Bon Jovi, Guns n'Roses etc.

Tema tad-diskussjoni: Is-Second Album Syndrome li qed tolqot ħafna gruppi fl-Ingilterra, fosthom, b'diżappunt, lil The Editors. Album li jibda tajjeb u bilmod, wara ħames traċċi, jitlef il-gass kollu, u kważi jmut.

Il-ħsejjes li bdew jinstemgħu ġejjin minn naħa tal-palk waqqfu ħesrem id-diskursata. Qrobna 'l quddiem biex nara il-leġġendi tar-reggae, The Wailers.

* * *
Ma' Colin Fitz ukoll nieħu gost nitkellem fuq mużika Ngliża. Colin, bħali, iħobb ħafna l-Cure. Did-darba, il-Ħadd waranofsinhar, qed tinżel ix-xemx fuq il-koppla f'Ta' Ċenċ. Qed jinżel ukoll l-inbid, b'rata kemmxejn mgħaġġla.

Did-darba, daret fuq Phil Morrissey u l-kliem tad-diski tas-Smiths. Personali, diretti, qawwijin. Diffiċli ma tapplikahomx għal xi fażijiet tal-ħajja li tgħaddi minnhom.

Dak il-ħin ħsiebi mar fuq Stop Me If You Think That You've Heard This One Before. Jingħad li Johnny Marr uża skieken tal-butir biex jagħmel xi ħoss stramb bil-gitarra tiegħu. Iżda l-iktar li bdew jaqtgħu, minn ġewwa, kienu l-kliem ta' Morrissey:

Nothing's changed I still love you
oh, I still love you
Only slightly, only slightly less than I used to, my love

Id-dija ta' din il-frażi, fl-aħħar, bdiet toħroġ. Għax, biex niftiehmu, tassew li Morrissey m'għandux leħen Bono; tassew li s-Smiths m'humiex ġenji ta' l-istrument; iżda huwa t-ton tal-kantant, bla passjoni, bla rimors, mingħajr qatra ta' dispjaċir, li l-aktar li laqatni. "Mela dik mhux linja?" staqsejt lil sieħbi.

Fitz ukoll fehemha bħali. U jien dħaktha, għax għal żmien twil dik id-diska kont insib ftit tal-kenn fiha. Ma ġara xejn, ma nbidel xejn. Kollox deheb. Kollox ileqq. Orqod, strieħ.
* * *
F'daqqa waħda kollox beda jdoqqli.
* * *
L-iljieli m'għadhomx tant twal, minn dak il-lejl meta beda jwerżaq il-qattus ta' faċċata.

La tinkwetax, ma ġara xejn li qtajt il-linja u bnejt il-ħajt tal-ħġieġ. Imma xorta ma nafx għalfejn għadek tittawwal ġol-bitħa tiegħi.

In-nuqqas ta' kliem tiegħek m'għadux ibellaħni. Qed insib iżda, xi ftit marki ta' subgħajk li jitfaċċaw kuljum mal-ħġieġ, traċċi tal-kurżita elementari tiegħek, li għadha tegħlbek, u ġġibek hawn, biex tqalleb fl-irkejjen ta' dan il-blog għal ħsibijieti.

Jekk tista', int u sejra fi triqtek, naddafhom ftit dawk is-swaba, għax itebbgħu aktar mis-silenzju twil u tqil tiegħek.

Wara kollox, inti ma tobgħodnix. Mhux bħat-tfal li jiġġieldu bejniethom fuq il-ġugarelli, jintefgħu f'rokna weħidhom, jissuppervjaw, għax qalbhom ċkejkna tgħidilhom li issa għandhom għadu ġdid, u ma jkellmuhx, akkost ta' kollox.

Imma dawk tfal.

(Il-video ta' Stop Me If you Think... għal min irid jarah, jinsab fuq

Monday, July 23, 2007

F'Għeluq Snin Nadine

Is-sena l-oħra kien ċempilli Matthew xi ġimgħa qabel, bgħatli l-playlist, lestejt kollox fuq fuq u mort indoqq f'dan l-imbierek boat party. Ma nistax ngħid li ddejjaqt; kilna, xrobna ħafna inbid, għaddejtha xorta waħda minkejja li ma kont naf lil ħadd.

Dis-sena Matthew reġa' mhux f'siktu. Nadine ċemplet il-Ħamis waranofsinhar, u donni ħassejtha ġejja l-aħbar li l-Ħadd kelli x-xogħol. Hekk kien.

Bagħtitli l-imbierka playlist (fost ħafna premuri u theddid simpatiku ta' gwaj jekk ma ssegwihiex) mimlija diski ta' Madonna, xi ftit reggae, u tilqit ta' pop u rock l'hinn u l'hawn.

Did-darba, sakemm qed nistennewha titfaċċa, ħdejn il-kiosk ta' l-injam fiċ-Ċirkewwa, hemm is-sur Colin Fitz, ex-kollega tiegħi minn żmien il-Calypso. B'xorti tajba, ħsibt, li naf lil xi ħadd illum.

Nadine tfaċċat. Bews, tgħanniq u Happy Birthdays. Jien u Colin, f'qalbna, bdejna nitolbu li ma ndumux ma nitilqu.

Fuq l-English Rose, għedt żewġ kelmiet ma' Sandro, sid id-dgħajsa, qabel mort insib posti ħdejn Fitz u ċertu waħda Olga (Wwuoolga) li ma nafx eżatt minn liema angolu ta' Madre Russja ġibnieha. Ħin minnhom qabdet parlata b'ilsien pajjiżha ma' ħabiba tagħha, u jien u Fitz bdejna nħarsu lejn xulxin bħallikieku dak l-ilsien nifhmuh perfettament.

Madankollu, id-diskussjoni kienet fjakka. Fitz ġab miegħu magażin fuq l-istorja ta' l-ajruplani u ntefa' jaqra; jien sadattant kont diġa żarmajt nofs pakkett sigaretti. Wwuoolga baqgħet tiċċekkja lilha nnifisha f'mera żgħira, tinkwieta għax se xxarrab xagħarha, u tgħatti sidirha kemm kemm.

Wasalna Kemmuna. Kollox bħas-sena l-oħra, imma tikka aktar mgħaġġlin. Ħtafna x-xorb, ħtafna l-ikel, jien bdejt indoqq mingħajr ma nara nidgħi (viva l-iPod) u aktar minn dawn.

Mal-ħdax u xi ħaġa żarmajna. Kelli mas-sitta/sebgħa tazzi inbid iduru ġo fija, griżmejja mgħaffġin, u triq miċ-Ċirkewwa għal Wied il-Għajn tistennieni.

Kellna wkoll problema gravi għal Wwuolga, li mbikkma fuq id-dgħajsa lura d-dar indunat li ma kinitx ser tasal Numero Uno sa nofs il-lejl u li, għaldaqstant, il-karrozzin kien ser jerġa jsirilha qargħa aħmar.

Happy Birthday, Nadine.

Friday, July 20, 2007

Lura

Qed nisma' Hundred Mile City ta' Ocean Colour Scene.

Qed inpejjep. Qed nixrob l-inbid u xi birra l'hinn u l'hawn. Qed nipprepara għall-BBQ ta' Gordon. Nadine tridni nagħmel il-biċċa xogħol fuq il-luzzu tas-sena l-oħra.

Qed inqatta' ħin fix-xemx. Qed inbajjad. Qed nidgħi anqas. Kultant taħrabli xi tbissima, kultant xi daħka. Qed nitkellem mal-Bajdu.

Qed nippjana x'se nagħmel f'tmiem il-ġimgħa.

Qiegħed fis-sajf tas-sena 2007. Donnu s-sajf tas-sena 2006, neħħi xi ftit kilogrammi.

Qed nisma' Spooky ta' Dusty Springfield. Se inqabbad sigarett. L-inbid għal aktar tard. U għad irrid nixtri l-birra għal-BBQ ta' Gordon.

Wednesday, July 18, 2007

Xogħlijiet fid-Dar (1)

17 ta' Lulju

Wasalt fis-sagħtejn u xi ħaġa ta' waranofsinhar. Kont għadni kif soqt lejn id-dar, u fl-istess waqt li qed intajjar ħwejġi minn fuqi qed nibla biċċa brown bread bil-ġobon.

Malli wasalt sibt lilha... u iva, ma jimpurtax wisq min hi hija, tissara mal-qanpiena tal-bieb ta' barra. Għamilt kemm stajt biex ma ninfaqax nidħak biha, imma mat-tielet tentattiv kelli ngħidilha "jekk tagħfas din forsi taħdem..."

Is-soru tfaċċat wara madwar ħames sekondi, u tlajna fuq. Il-Conti u Keith kienu diġa bdew jagħmlu xi ħaġa. Jien qlajt żewġ bibien ma' Keith u bi ħġari dħalt fil-kamra tal-banju ħa ntuha passata.

* * *
Andrew qed ikaħħal biċċiet mis-saqaf fuq is-sellum. Wara ħafna logħob, niżel, ħallatna ż-żebgħa, u tlajt nieħu posti fuq l-iscaffolding.

Proċedura:
a. Tlajt l-ewwel skaluna, it-tieni, fittixt l-ewwel waħda b'sieqi x-xellugija; ftit tensjoni żgħira għax ma sibthiex; pass meqjus ieħor 'il fuq, u sieqi x-xellugija żelqet. "Ħaqq għal..." Kont għadni lanqas sibt il-bilanċ li ma nsibx lil Keith warajja b' nofs daħka fuq wiċċu: "Biżżejjed, hawn is-soru."

b. Proċess ta' issetiljar fuq l-iscaffolding, sessjoni ta' żfin li anqas tal-YADA m'huma kapaċi iħejju. Kien jonqos biss Felix Busuttil u ftit mużika.

ċ. Tutorjal ta' Andrew fuq kif jinżamm il-pinzell. "Żommu kif iżżomm in-natura..." beda jgħajjat minn isfel. Nixtieq, sieħbi, imma qiegħed kontra idejja u ma nistax inżommu kif nixtieq. Malli semgħu l-kunċett ta' kif tinżamm in-natura, daħlu kważi n-nies kollha jaraw x'qed jiġri.

d. Ċaqliq ta' l-iscaffolding wara li tkun lesta ż-żona tiegħi. Din hija sessjoni oħra żfin, bid-differenza li din id-darba flok Felix Busuttil kienet ser titfaċċa l-ħobża bil-ġobon ta' siegħa qabel.

* * *
"Flask, ġibli waħda l-pinzell minn dik il-kamra..."

Malli ser naqbad il-pum, il-Conti werżaq waħda, b'ħalqu mċarrat minn widna sa widna... "Le!"

Kont għadni aqqas naf x'laqatni. "Hemm Sandra qed tbiddel hemm ġew..."

Ara jien ukoll. Seta ma waqqafnix.

* * *
Jien u Keith qed niżbgħu l-kamra tal-banju, it-tnejn li aħna fl-għoli għax hu kien fuq is-sellum. Qed nagħtu daharna lil xulxin imma qed xorta waħda qed inparlaw, speċjalment fuq nies. F'daqqa waħda nisma lil Keith jgħid, "U inti kemm ilek hawn?"

"Ilni hawn biżżejjed..." Kien leħen ċkejken u ftit werżieqi ġej minn ħdejn il-bieb.

Hawnx għal Alla, ħsibt.

* * *
Ressaqna l-iscaffolding fil-parti l-magħluqa tal-kamra tal-banju. Ċerimonja mimlija tisbit u taħwid. Proċedura kkumplikata fejn konna ser neħlu spiża ta' tubu tan-neon ġdid fost affarijiet oħra, u rriskjajna wkoll li jkompli jiżżarma l-iscaffolding. Dan filwaqt li jien qiegħed bilwieqfa fil-banju nitlob li Keith ma jkomplix dieħel 'il ġewwa.

Dulcis in Fundo, waqgħu ma' l-art mat-tmien kaxxi żraben li kienu mistriħin għall-affari tagħhom fuq gwardarobba fil-qrib.

* * *
Ħsil ta' l-idejn: iktar thinner milli sapun. Għal lum daqshekk, ħin ta' shower tajba, xi żewġ ċajtiet ta' l-aħħar, u l-ewwel ġebla tal-bini li kif qaltilna s-soru, tqiegħdet minn San Ġorġ Preca nnifsu.

Kellu bżonn insib xi qaddis iqiegħedli l-ewwel ġebla x'imkien. Imqar Acapulco.

Monday, July 16, 2007

Fuq Stonku Mimli

Kemm għandi xi ngħidilkom, għeżież.

La dħaltu hawnhekk ifisser li tridu tisimgħu, jew taqraw. La dħaltu hawn ifisser li l-aħħar kelma għadha tassew ma ntqalitx u forsi qed tistennewha mingħandi.

Ħeqq, jien nixtieq nitkellem, tafux. Nixtieq inħarbex xi tnejn minn tiegħi, f'din ir-rokna tiegħi fejn suppost inpoġġi dak li ma niflaħx inżomm fuq sidri. Nixtieq inbellaħkom ftit, ukoll, biex ngħid li veru għamilt waħda minn tiegħi. Nixtieq inħarref fuq xi għelt minn tiegħi, forsi inti, qarrej li minjaf minn fejn qed taqra, tkun tista' tlissen xi talba żgħira b'ilsien pajjiżek. Forsi inti bħali m'għandikx fiex tehda u tgħaddi żmienek ma' dawn il-ftit linji li minn hawn u xahrejn oħra ser inħassar, għax sa dak iż-żmien ikun deherli li aħjar hekk.

Għandi ħafna ħwejjeġ xi ngħid. Żaqqi mimlija u għal darba mhux bl-ikla tal-Ħadd f'nofsinhar.

Fuq l-istonku għandi ħafna, wisq xi ngħid.

Kieku nista' nitkellem imma hemm ħajt quddiemi. Warajh ma nafx x'hemm. Jista' ikun hemm fortizza, u jista' ikun hemm dwejra. U jista' ikun hemm biss biċċa kmajra, mibnija bl-injam, mherrija mir-riħ, tonfħilha u taqa' mill-ewwel.

Tfittixx sinjali hawnhekk. Kulma ser ikun hawn, għalik, huma mistoqsijiet oħt għerf li ħadd ma għandu.

Sunday, July 15, 2007

Everything Will Flow

Triq lura m'hemmx. Hemm, biex ngħidu s-sewwa, imma one way.

* * *

"Kollox inessi. Tqattax ħin waħdek. Intefa agħmel ħafna affarijiet f'daqqa, u toqgħodx taħseb. Li toqgħod taħseb mhux bilfors jagħmillek tajjeb. Maż-żmien jintesa kollox."

Dawk l-erba' linji tat-Tnejn filgħaxija kienu biżżejjed. Jien m'għandix fuqhiex naħseb. Il-kuxjenza tiegħi nadifa.

Moħħi mhux mistrieħ.

Dalgħodu qiegħed fit-tarf l-ieħor ta' Malta. Kont tlajt hawnhekk ftit taż-żmien ilu, meta... le, ma rridx niftakar, għax inkella nerġa' nibda nhewden. Soqna, jien u sieħbi Pawlu, lejn il-Ġnejna. Sħana, dalgħodu, li ssajjar dak kollu li ssib fi trejqitha.

Il-paċenzja li għandu bija dan Pawlu ma tafx tmiem. Kemm fiċ-ċajt u kemm fis-serjeta. Xi darba nagħmillu monument, lil sieħbi Pawlu, b'irħam li ma jitkisser b'xejn. Bħall-ħbiberija tiegħu.

* * *
Kif inti dalgħodu, minn wieħed sa mija?
Jien dħakt id-daħka tas-soltu.
Sebgħin, dalgħodu, Pawl. Ħriġt żewġ sigaretti u tajtu wieħed, fit-tama li bil-mod jonqos id-dejn li għandi miegħu, u fit-tama li nitilgħu sal-mija.
Kollox jgħaddi, bil-mod. Iż-żmien itaffi.

Monday, July 09, 2007

'Ho Messo Via'

Sewqan fit-tul lejn l-istess misraħ, elf darba u elf oħra. Xiri. Ikel tal-kelb u tal-qattus. DVD's minn dak li joqgħod Wied il-Għajn u li m'ilux kellu tifla. Il-mixja lejn is-sqaq, il-bar, u l-inkwiet fuq id-dar weħidha. L-għajat ġej mit-tarf l-ieħor ta' l-isqaq li jqajjem saħansitra 'l-mejtin.

Is-sodda komda. Il-papoċċ fuq il-kommodina biex ma jgiddmux il-kelb. L-ispallieri kkuluriti. Ir-ritratt ma' l-aqwa ħabiba. Il-lampa ż-żgħira li ġibt minn Londra, li qatt ma rat xogħol fl-aħħar ħames xhur. Memorji ta' MTV2. Tieqa kbira tagħti fuq il-bqija tar-raħal. Kamra tal-banju u mitt xawer.

Il-friġġ mimlija. Is-salami minn dak li jaħraq. It-tiġieġ bir-ross. Ravjul u inbid. Il-ħoss tal-qanpiena (meta taħdem). Is-siġġu baxx ta' quddiem il-kompjuter. It-television fejn kont nara l-Arsenal. Salott baxx u komdu quddiemu.

It-taraġ u l-pjanti. Is-sadid ma' biċċa tal-gym li hemm fuq il-bejt. Il-BBQ. Il-pajp ta' l-ilma u l-ġirja tal-kelb.

Iċ-ċajt ta' sħabi, is-sefsif fil-widnejn, it-tliet kelmiet bl-Ingliż li konna npartu ta' spiss. Ta' bilfors, xi kultant. Pjanijiet, il-ġejjieni flimkien, tfal u annimali, appartamenti u tal-madum.

L-iljieli kesħin fis-sodda, tgħanniq, sħana ħelwa li ma ddejqikx.

* * *
Fil-bard ta' Lulju, inqatgħet linja li m'hemmx triq lura minnha. Ma nafx kif. Ħadd ma jaf kif.

Fil-gallarija tat-tielet sular tad-dar ta' faċċata hemm qattus maqbud. Kull ftit minuti jibda l-qerda għajjiena tiegħu, jitkarrab biex joħroġ. Xi ħadd ħasbu qiegħed fit-triq u gara barmil ilma, mingħajr ma laqat xejn u ħadd.

Dort fuq il-ġenb l-ieħor u tqallibt għal darb'oħra. U oħra. Dan il-lejl se jkun twil.

Blog Counter