Thursday, June 28, 2007

Mistħija

Għalikom jgħaddi kollox. Għalikom kull min jgħolli leħnu m'għandux raġun. Sewwa tagħmlu: għajruhom, Laburisti għajjurin, u l-ambjentalisti huma terroristi lebsin l-aħdar, integralisti ħbieb tal-werqa li m'għandhomx x'jagħmlu. Iva, intom li tieħdu salarju tal-gvern mit-taxxi tal-pubbliku, għandkom id-dritt tagħmlulhom boycott kif kienu jagħmlu tal-Union fuq Farsons, fis-snin disgħin, u ħallikom mill-accountability u trasparenza. "Tridu tweġiba? Busulna l-warrani." Għidulhom lil dawk il-qatta qniefed kontra l-progress. Komunisti.

Wara kollox, intom aħjar minn Lorry Sant.

Il-missjoni li bgħatkom fuqha Huwa Innifsu hi li ssalvawna kollha kemm aħna milli nibnu fuq kull pied u nofs raba li għad fadal, issa daqshekk nejk ta' bla permess. Issa jekk xi ħadd għandu għall-ħdura, irid permess biex jibni, mhux jaqbad u jagħżaq. Hekk jew hekk, xorta ittuhulu permess, u dawk ta' Brussels m'għandhom ebda dritt jindaħlu. Fuq kollox, ivvutajtu għall-Ewropa biex ma ddumux fil-kjus fl-airport, u xejn aktar. Liġijiet? Regolamenti? Intom 'il fuq minn dan kollu. U ħallikom mill-EIA.

Intom subgħajkom dritt, tafx, daqs ganċ ta' krejn ta' kuntrattur. Dan l-aħħar qed naraw ħafna minnhom, għax bis-saħħa tagħkom hawn ħafna xogħol għall-bennejja. Noqogħdu attenti fejn nimxu, ma mmorrux nirfsu xi pedament frisk u nitfgħu lura l-industrija b'mitt sena.

Fakkruni din biss: hemm żona ta' żvilupp u żoni fejn ma jistax isir żvilupp. Imma issa tfixkilt, jew forsi ħadtu xi żewġ żbalji intom bil-permessi. Naħseb tort ta' xi skrivan ta, għax naf żgur li ma tridux tfottu r-Ramla, bħala ma ridtux tfottu l-Wied tal-Kalkara, u x-Xagħra tar-Rabat (imn'alla induna l-Prim li sar xi żball ta' typing), u xi erba barrieri l'hinn u l'hawn.

Norqod rasi mistrieħa bil-lejl, inkun naf li hawn intom twaqqfu lil dawk li jridu jeqirduna taħt kolpi ta' franka u konkos, ġir u siment. U issa li naf li toqtlu d-dubbien u l-ambjentalisti, nista' indur fuq ġenbi u noħlom dwar blokk appartamenti oħra f'nofs ir-raba, riefes fuq l-ispeċi endemiċi, li ser isebbaħna u jressaqna pass ieħor 'il quddiem lejn...

... id-Dagestan.

Jien, aħdar

Iffirmajt?

http://www.ipetitions.com/petition/saveramla/

Ħedla

Is-sigarett li kelli f'idejja beda jdejjaqni ftit. Forsi mhux imdorri inpejjep dawk il-ħinijiet, jew forsi ma kellix aptitu, jew ma nafx. Kont mitfuħ kif ġie ġie fuq is-sufan, daqsxejn riħ ħafif ġej fuqi minn fan abjad li jdur mix-xellug għal-lemin, minn fuq għal isfel.

Ħarist mit-tieqa u stajt nara l-baħar, b'xi biċċa taqsam minn naħa għall-oħra kull tant żmien. Lixx, dak il-baħar ta' tfuliti li qed jaħrab minn quddiemi minuta wara l-oħra, kif ħarbitli minn bejn subgħajja elf ħaġ'oħra, fil-mument li ftaħt il-pala ta' idi biex nilqa' xi ħaġa ikbar.

Riħ ħafif, la tħarrekx dak il-baħar. Ħallih bnazzi, għal min irid igawdih, inkella jidħol il-bram, u l-alka, u l-ħalel qawwija.

U f'daqqa waħda ħasadni leħen mis-sular ta' taħt. Reġa beda t-twerżiq. Reġa beda l-ġlied. Minjaf x'siegħa jgħaddu l-ħaddiema ta' Piju, li quddiem il-gallarija minn fejn naraw il-baħar, qed itellgħu kumpless bi tmien kaxxi żgħar u żewġ kaxxi ftit akbar, għal nies li moħħhom fih daqs moħba ta' ġurdien u bwiethom ma jispiċċaw qatt.

"Ċapsa!"... ix-xehir minn isfel baqa għaddej.

Monday, June 18, 2007

Hamilton

Fl-aħħar daħal eroj ġdid fil-ħajja ta' kuljum tiegħi. Avolja miet Ayrton Senna, l-ikbar wieħed minnhom kollha, avolja miet Christopher Reeve u miegħu miet Superman, avolja Hakkinen m'għadux itellaq u Van Basten waqaf jilgħab ta' 29 sena. Lewis Hamilton ili nsegwih minn meta kellu ħmistax-il sena u minn dejjem kien "tifel tal-McLaren". Bħal Hakkinen qablu, daħal mat-tim Ingliż u trawwem hemmhekk.
Fl-aħħar daħal wieħed li ser inessi lil Schumacher u li permezz tiegħu l-Formula 1 għandha ġejjieni kemmxejn aktar interessanti (għallinqas sakemm jibda jirbaħ kollox f'daqqa u jibda jdejjaq lili wkoll).
Issa dan Hamilton qed jagħmel l-arja, jew aħjar idawwar fuq sebgħu lil Alonso li għadu kif rebaħ il-kampjonat. Kulħadd qed jistaqsi kemm ser idum jagħmilha din il-biċċa tax-xogħol, u nimmaġina lil dawk tal-Ferrari jagħmlu l-qrun.
L-isbaħ ħaġa, għal wiċċ Josie, hi li dan huwa l-ewwel driver iswed fil-Formula 1. U nispera minn qiegħ qalbi li m'hux l-aħħar wieħed.

Pecoraro Scanio (Pecorino Scarso) 2

Minn ġo karozza kbira ħarġu s-sewwieq u żewġ bodyguards daqs dinja, u minn fosthom deher raġel twil li nara spiss fuq Le Iene. Il-ministru ta' l-ambjent Taljan, Alfonso Pecoraro Scanio.

Haha, hoho, hehe, hihi u ħafna handshakes in front of the cameras. Jien u l-imgħallem imxejna fil-kwiet lejn ir-roqgħa art wara t-Torri. U Pullicin beda l-introduzzjoni tiegħu dwar il-proġett Foresta 2000. Ġemgħa ta' għoxrin ruħ jisimgħu attentament. Sadattant, minn wara, nisma lil ċertu individwu jamar lill-assistent tal-Ministru: "Daqs two minutes oħra nibdew." Dort inħares, u kemmxejn mifxul l-assistent daħakli u qalli "Għax qed nistennew lil ta' NET Television jiġu, ta." Eh orrajt, ħsibni bejni u bejn ruħi.

Minn naħa l-oħra, Pullicino semma l-kelma vandalismo.
"Come mai? Sono stati presi? In quanti erano?" saqsieh Pecoraro Scanio.
"Non sappiamo, forse dieci, undici, non di piu." wieġeb Pullicino.
"E perche' l'hanno fatto?" saqsieh it-Taljan kemmxejn imbellah.
"Non si sa," tenna Pullicino malajr.

Iżda fid-diskussjoni, bħal leħħa ta' berqa, instema leħen li s'issa kien kważi sieket, ħlief biex iżid xi komma fejn jintilef Ġorġ.

"La caccia. La caccia." Kien Varist Bartolo.

"Wow," għamel Pecoraro Scanio, filwaqt li t-Taljani l-oħra tal-grupp infaqgħu jidħku. "Cos'e, un Far West?" staqsa sarkastikament il-Ministru.

Stħajjilt lil Pullicino jisħet is-siegħa u l-mument li startjat il-karozza ta' Varist dakinhar filgħodu.

* * *

Ċekkijiet, preżentazzjonijiet (l-imgħallem mar tajjeb), tbissim u wara r-ritwal ta' grazzi u prosit, kien hemm total ta' 7000 siġra lesti biex jitħawlu f'Ottubru, minflok is-sitt elef li kienu qed jaħsbu fihom il-Ministru u dawk kollha involuti. U fuq kollox, sebgħa tan-nofs f'wiċċ dawk li kissru tlett elef siġra. Pecoraro Scanio, b'daħka minn widna sa widna, qal "Bisogna dire ai vandali che per ogni albero che distruggeranno, noi ne faremo tre". Mhux hekk, Alfonz, oqgħod aħli l-flus flok tagħmel CCTV u fence...

Ftit tal-ħin wara ltaqa' mal-forest ranger tar-riserva. Bniedem qsajjar bin-nuċċali li jrid jieħu ħsieb medda ta' art kbira wisq. "Eh gia, perche lui poverino mica puo fare tutto da solo, no? Magari per la prossima volta parleremo un po di sorveglianza per il parco, no?".

Prosit, sibt bejni u bejn ruħi, għallinqas nieħdu xi ħaġa minnha dix-xemxata tal-lum.


Sadattant minn wara nstema l-leħen oħxon ta' Ġorġ Pullicino. "Alfonso, vieni un po qua!" U x'ħin dort għoddni nfqajt nidħak. Pullicino quddiem il-kameras tar-ritratti kien qed itajjar tajra ta' wieħed mit-tfal. Taw waħda lil Pecoraro Scanio, b'ħabel ħafna itwal u li hu biex jiċċajta beda jgħid li tasal sa Sqallija. U aktar daħk għaċ-ċajt tal-Ministri, dak il-humour simili għaċ-ċajt tal-qassisin waqt l-omeliji, li wara li tkun smajt l-istess ċajta aktar minn darba, tispiċċa tidħak biex ma tonqosx mir-rispett (jew biex ma jaħsbukx Laburist).

Ħarist lejn l-arloġġ. In-nofsiegħa. In-nofsiegħa??! Hemm biċċa majjal (laħam barrani) tistennieni fuq platt imħawwar.

Wednesday, June 13, 2007

Pecorino Scarso (Pecoraro Scanio) 1

Lanqas kelb ma trid tara jaħdem is-Sibt. Speċjalment jekk dan il-kelb iqum kuntent f'sodda komda, jiftaħ għajnejh, isib kelb (li qatt ma għamel penny xogħol) jilgħab miegħu f'tarf din is-sodda, imellsu tnejn, u mat-tielet pass li jagħmel jiftakar li llum irid isuq sal-Mellieħa. U lura.

"Ħaqq..." Ħsilt snieni u blajt kafe, ta' malajr. Għajnejja kienu għadhom żlieġa u naħseb aqqas kelli ċans ninduna bil-ħlewwa għowdija ta' Sarah.

Soqt lejn ta' Xbiex, bidu ta' ġurnata ta' kelb, għax biex tagħmel donazzjoni lill-Ministru Pullicin trid toħroġ ċekk, x'taħsbu?

Minn Ta' Xbiex għall-Mellieħa. Xemx tiżreġ u ftit ta' riħ. Dawra li bis-saħħa tal-Ministru Mugliett tieħdok lejn l-Imġarr flok San Pawl il-Baħar, fost it-tlajja' u l-inżul tal-pajsaġġ Malti hekk sabiħ, fost l-egħlieqi u l-kampanja, fost il-proġetti ta' toroq ġodda li qed iniedi l-gvern, u l-proġetti ta' ħniżrijiet ta' kostruzzjoni li qiegħed iniedi l-ieħor (dak li qiegħed saħansitra jipproduċi l-birra).

Wasalt ħdejn it-Torri l-Aħmar, fl-għaxra u nofs. Wasal il-Mangion ukoll. Lanqas laħaq niżel li ma waqqfuhx żewġ suldati li riedu jistaqsuh minn fejn tidħol għar-Riserva tal-Foresta 2000. "Dan ikun jaf, dak ta' l-ambjent hux?" qallu daħkan wieħed mis-suldati.

Niżlu bil-kelb li jxammem għal bombi, u dak il-ħin bdejt nistaqsi bejni u bejn ruħi kemm qed tikber dil-biċċa tal-kaċċaturi, u jekk ridux jgħollu mas-smewwiet lil Pullicino, jew jekk kinux qed jiġru wara l-Mangion.

Ftit tal-ħin wara wasal l-imgħallem ukoll. Tajtu ċ-ċekk (mur għidlu x'waħda konna ser naqgħu għan-nejk) u qgħadt hemmhekk nisma' diskussjoni li mhux suppost kont qed nisma bejn żewġ rjus ambjentalisti. Lanqas jekk joffruli tlett elef lira ma npaxxihom lil tal-Maltatoday u ngħidilhom x'kienu qed jgħidu (Saviour, in-numru tiegħi qiegħed x'imkien fil-website).

Saru l-ħdax u Pullicin għadu ma tfaċċax. In-naħa l-oħra tal-parkeġġ dehret il-figura kajmana ta' Evarist Bartolo. Varist x'qed jagħmel hawn? Din hija l-kostitwenza tiegħu wkoll, il-Mellieħa, u jekk ġejjin il-kameras tat-TV jiġbdu lil tan-naħa l-oħra, ta' min jiddeffes ftit huwa wkoll.

Għal xi l-ħdax u kwart wasal il-Ministru. "Le dak żgur hu kien... ma rajthiex ir-rota tax-xellug kemm kienet baxxa?" qalli xi ħadd warajja, sors tad-Demokristjaneżmu tnixxi minn fommu.

Malli ħareġ Pullicino mill-karozza daru miegħu KOLLHA.

Beda mbagħad eżerċizzju ta' parassitiżmu politiku, ibbażat fuq il-mudell li kien ħejja dalgħodu kmieni Varist. Fix-xena daħlu Ċensu Galea u Louis Deguara, ministri tal-Komunikazzjoni u tas-Saħħa rispettivament. Wieħed jaqlagħha minħabba xi paroli żejjed fuq l-ADT, u l-ieħor sparixxa mix-xena wara xi frawtati fil-Mater Dei. Agħar minn dan kollu, dawn iż-żewġ ministri ġejjin minn kostitwenzi fejn hemm numru mhux ħażin ta' kaċċaturi, bħan-Naxxar per eżempju.

Ara jien ukoll. Qomt is-Sibt filgħodu biex nagħtu donazzjoni lil Pullicin għax xi għaxar jew ħdax-il kaċċatur għażlu li jagħmlu vendikazzjoni lill-Birdlife u Din l-Art Ħelwa, u kissru 3000 siġra minn proġett li kien ilu għaddej seba' snin.

U ftakart fi frażi ta' Beppe Grillo: Chi Striscia non Inciampa - min jitkaxkar fuq żaqqu, ma jitfixkilx f'saqajh.

Bdejna biex nimxu lejn in-naħa ta' wara tat-Torri, fejn kien hemm ġemgħa tfal mhux ħażin itajjru t-tjur, uħud minnhom magħmulin minn karti tal-gazzetti (ħafna minnhom, indunajt, kienu meħudin min-Nazzjon). Il-ġemgħa li kont fiha jien, jew aħjar, kont fuq il-marġini tagħha, waqfet timxi u ħarset lura f'daqqa, għax wasal it-Taljan.

Wednesday, June 06, 2007

Driving One of Your Cars

Mur arani, eh, kieku kont bħalhom.

* * *

Insuq il-karozza tiegħi, mixħut, kważi mimdud, fis-seat imniżżel baxx, għajnejja livell man-naħa ta' taħt tad-dawra ta' fuq ta' l-isteering. Għandi l-mera tan-nofs imniżżla hekk biex kull darba li ngħolli rasi nara lili nnifsi, in-nuċċali tax-xemx il-ġdid li xtrajt mill-Monti, nofs il-prezz u naqa antik.

Imma lili kollox jixraqli. Anke l-flokk taċ-ċingi abjad li nilbes dejjem nhar ta' Ħadd waranofsinhar, dak bid-disinn tan-nar mitbugħ bil-griż. U xi ngħidu minn xagħri, eh? Qaxxartha bħal tas-Serp u tal-Lolu. Ħallejt fuq qasir qasir, nifqgħu bil-ġel imma tafx, u taħt dak is-saff qaxxart kollox bil-one.

Insuq bil-mod, inħares lejk u narak miexja, niflilek sew il-warrani tiegħek waqt li joqmos 'il fuq u 'l isfel, sakemm timxi lejn xi bankina biex tmur tixtri għand tal-ħaxix. Għal ftit waqtiet nibda nistħajjilni qed nimxi wara dak il-biċċa shorts qsajjar li jasallek kemm kemm sal-pexxul, bil-lewn ħadrani ħafif tiegħu iħajjarni, iħajjarni, tant li nispiċċa ngħid lili nnifsi "Ill, x'nagħmillek, kemm ............"

F'daqqa waħda nisma' ħorn. Kont se naħbat ma' wieħed raġel bil-Polo. Ħarisli bl-ikrah, u avolja kien tort tiegħi, dort u offendejtu. Qlajtlu l-familja, kollha, speċjalment lil dik oħtu li ma nafx f'liema ħajja kont dawwart u sabbatt ma' kullimkien qabel ma gawdejt kemm flaħt. Ħa jitgħallem, ma jiħux ir-raġun anke jekk ikollu.

Jien ma nbatix bl-uġigħ ta' rasijiet, tafux. Il-mużika għamiltha ħajti, u l-karozza hija t-tempju ta' ġismi. Faqqajtilha żewġ speakers bis-subwoofer m'għand Ċali qniefed, għax dak jaf minn fejn iġibhom, u ma jżommlix għali biex jintefa' nofs ta' nhar taħt il-karozza u joqgħod jilgħabli magħhom.

Għandi c-CD's kollha li tixtieq, jafu anke tal-pjazza għax dejjem jisimgħuni meta nkun ġej: minn Hit Mania Dance tan-99 għal dak tat-2003 (għax hekk jew hekk, jien nostalġiku u għalija dak mhux bumm-bumm-bumm) u saħansitra ssibli xi Celine Dion meta jkolli xi waħda ħdejja, biex nimpressjonaha. Tant inkun irrid nimpressjona li jekk tpejjipli xi sigarett ma ninfaqax nidgħi jekk twaqqagħli fuq it-tapizzerija. Imma xi tifwieqa żgħira infaqqagħha xorta. Hekk jew hekk għandi l-Arbre Magique u mhux ser iddardrek ir-riħa ta' birra.

Il-ġimgħa d-dieħla mmur nagħmel l-aħħar irtokki. L-isticker fuq il-ħġieġa ta' wara. Għadni ma nafx x'ser nikteb, għandi f'rasi il-Baby Think Twice jew xi ħaġa bil-Malti forsi... Għajnejk f'So**i naħseb sabiħa wkoll. Issa nistaqsi lil Ċali ħa nara x'jaħseb.

* * *
B'dedika lil eluf ta' żgħażagħ Maltin u għexieren ta' żgħażagħ Għawdxin

Blog Counter