Tuesday, May 29, 2007

Il-Logħba ta' Nhar ta' Tnejn

Riħ, bard, xita, riħa ta' għaraq u speċjalment, ħafna għajjat u ġlied. Ġiri ma jieqaf xejn, suppervjar, xuttijiet minn barra, aktar dagħa, żbalji banali u kultant xi dribbling li jwerreċ.

Ilna erba' snin nilagħbu din il-logħba, fl-għaxra ta' bil-lejl, nhar ta' Tnejn imqaddes. Inkun ili nistennieha ġimgħa, kultant id-destin kiefer iwaqqfek milli tilgħab għax nieżla x-xita, jew tkun ma tiflaħx, u kultant jinqata' id-dawl.

Interraq minn Wied il-Għajn għal-Luxol kull nhar ta' Tnejn filgħaxija, demmi jbaqbaq biex niġru dik il-ġirja.

U f'erba snin rajt minn kollox, u bawxati kien hemm: ġlied ma' Kurt, xi tnejn jew tlieta. Karl jgħajjat ma' kulħadd għax skond hu, ma konniex qed naħdmu biżżejjed. Il-Bobby u Kurt. Omer taqbiżlu bl-ikrah bħal dejjem. Darba saħansitra jien u n-Niki kellna xi ngħidu bl-aħrax u domna xahar ma nitkellmux. U fiż-żmien kien jiġi Robert, u dak pezzakwistjoni ieħor li għal kull ħaġa ta' xejn jaqla' l-inkwiet.

Kien hemm logħbiet fejn kont ninżel u nagħmel l-aqwa logħbiet. U xi kultant toħroġ waħda bħal tal-bieraħ, naqa fjakka, mhux ħażina, imma xejn speċjali. Meta toħroġ waħda ħażina, ma jagħti każ ħadd - hekk jew hekk issa drawni.

Darba saħansitra għamel dulluvju u bqajna nilagħbu, sakemm bdew jiżolqu n-nies u ma bdejna naraw xejn. Morna d-dar għasra u bis-shorts iqattar mit-truf.

Għal din il-logħba ta' nhar ta' Tnejn b'kollox tfaċċaw mal-mitt ruħ, għax kultant ma nsibux biex ngħaqqdu tnax u Kurt jispiċċa jċempel lil nofs Malta. Fost l-oħrajn, John l-Inglese, il-Piżell, il-Piżell l-ieħor, il-Borġ, Anġlu, xi tużżana w nofs tfal li jmorru l-iskola fejn jgħallem Karl (kollha xi ftit jew wisq ambizzjużi biex jaqbżu lil ta' kontrihom), Ivan Bartolo, saħansitra Piċċinino. Studenti milli jkun hemm għand Romilda kien ikun hemm kemm trid. Kien jiġi Raul l-iSpanjol u ġieli ġie wieħed Tork, fitt daqs id-dubbien t'Għawdex. Darba kien ġie wieħed Spanjol żgħir li ma kellux żarbun, Martin ma riedux jilgħab ħafi. Xorta lagħab, ħafi, u bażwarna.

Nhar ta' Tnejn filgħaxija nasal id-dar imfarrak, għal xi raġuni jew oħra. Indum indur u nagħqad sa nofs-il lejl. Ġieli ma nkunx nista norqod, ġieli ndum imqajjem sat-tlieta ta' filgħodu.

Imbagħad, it-Tlieta filgħodu tkun ġurnata iebsa biex tqum mis-sodda, u biex tgħixha aktar u aktar.

Monday, May 28, 2007

Anke Jien Nobgħod 'l-Inter

L-aqwa li jmur xi patpitu bħal Vieira jeqred li l-Milan mhux suppost ipparteċipaw fiċ-Champions League. Issa li ntrebħet mill-Milan, naħseb li ħadha waħdu r-risposta.

Fid-dawl ta' dak kollu li ġara minn nhar l-Erbgħa l'hawn, it-titlu ta' dan l-artiklu għandu jservi biex jispjegalkom x'qed inħoss lejn 'il-kuġini' tagħna.

Jekk nibda nispjega għalfejn u kif u x'fatta, nibża li ma nieqaf qatt. Għandi limitu fuq il-blogs u għaldaqstant ser nillimita ruħi (skużawni talli dejjem qed nuża l-istess kelma, imma l-Inter ifakkruni f'limiti etc).

L-importanti, li ANKE JIEN NOBGĦOD 'L-INTER!

Friday, May 25, 2007

Grazzi Milan

Lanqas tafu x'ferħa tajtuni, għażiż sħabi. Ħlist balla minn fuq l-istonku tiegħi, kienet ilha hemmhekk sentejn sħaħ. Qatt ma ħassejtni daqshekk ferħan b'li kont qed nara.

Fl-aħħar ġiet tajba, iċ-ċirku ingħalaq fl-aktar sena diffiċli, l-iktar sena iebsa, fis-sena fejn bdejt naqta' qalbi bil-mod anke jien.

Meta waslet ir-rebħa mal-United, 3-0 tondi, ma ridtx nemmen. Għalija t-tazza tagħkom kontu diġa rbaħtuha. Li kieku tlifna mal-Liverpool kont ngħid m'hemmx x'tagħmel, paċenzja. Telfa ma' team bħal dan taċċettaha. Imma rebħa wara sena fejn kollox kien kontra, ma tantx tkun tridha tiżloqlok.

Forza Milan. Għallinqas, grazzi għal dak li għamiltu mas-supporters tagħkom.

Friday, May 11, 2007

Eurovision u Tristezzi Oħra

Biex nagħti ftit tal-ħajja lil dan il-blog, għażiż qarrej (jekk għad fadal xi ħadd) illum, dalgħodu biex inkun preċiż, qtajtha li ma nkomplix nitħaddet dwar temi kkumplikati wisq.

Iddeċidejt li llum naqbadha fuq il-Eurovision. Tafu intom, ilbieraħ il-favorita tal-Maltin (għallinqas għal din is-sena) inqalgħet mis-semi finali tal-kompetizzjoni, u għaddew minflokha r-rappreżentanti tas-Serbja, Moldova, Turkija... stati tal-Lvant ta' l-Ewropa. U għal din it-tfajla minn Ħal Qormi ma fadal xejn ħlief id-dmugħ tad-diżappunt, u forsi ponn trab fl-id il-leminija.

U llum beda d-dibattitu bejn iż-żewġ naħat bilqiegħda fuq bank fid-dell ta' ċipressa, li bħala tribut lil Olivia u lir-raħal tagħha, ser insemmihom Bastjan u Ġorġ. Jekk qatt ma jaqblu f'xejn, mill-politika sal-futbol illum qablu. Aqraw ftit x'qalu:

B: Erġajna bis-soltu storja, hawn. Din ta' kull sena ġejja, tgħidli xejn Ġorġ, dal-qaħ*a barranin ma jriduniex magħhom. Dan biex ġejjin hawn, l-Albanija minjaf kemm bgħattnilhom corned beef u kemm ġibna tfal jaħdmu hawn u ara x'tawna ħa... ir-r** u lilu!

Ġ: U mhux hekk dawn. Basta fl-Aworopa t'għajni. U aħna wkoll ta noqogħdu nindħlulha kull sena. U kull sena ngħidu li rebħa għandna. Anke s-sena l-oħra, tela' l-ieħor u waqajna għan-ne*k erġajna.

B: Tiġix tgħidli ta, li ta' dawk, tal-Maltova jew xil-Madonna jisimhom, kienet aħjar minn tagħna. Kellna diska bħal din...

Ġ: ...mela, mela. Miskina minjaf kemm bkiet...

B: ... u aħna se noqogħdu sejrin hekk jew... Jitn**ku bina dawn.

Ma ttihomx tort lil Bastjan u lil Ġorġ jaħsbuha hekk. Telfa oħra f'sentejn. Nhar is-Sibt naħseb li n-nies iktar ser jimmissjaw Showtime ma' Aceline issa li nqlajna. Qisek qed tgħid l-Ingilterra - jew l-Italja - ma jgħaddux għat-Tazza tad-Dinja.

U mbagħad hemm jien, jaħasra, bilqiegħda deluż fuq siġġu għax nhar il-Ħadd filgħodu mhux se naqraw fil-gażżetta li ġejna is-sittax u ma nistax naqbad ma' ommi fuq Olivia. Il-ħasra hi li wara snin twal ta' lamenteli minn tiegħi dwar Malta u l-falliment tal-Eurovision (sena, wara sena, wara sena) din is-sena ser ikolli nwaqqaf tradizzjoni.

Għadni sal-lum ma nafx x'nitilgħu nagħmlu hemm fuq. L-istess kartell ta' nies, kull sena, jitfaċċaw biex jagħmlu x-xagħar, il-makeup, il-libsa, il-koreografija, il-pubbliċita, il-management, il-kitba tad-diski, l-arranġamenti, jixtru l-glitter għax "dakinhar marret tajjeb Ira", jagħmlu l-video, intervisti, Superwan u Nettivi u Xarabank.

Where's Everybody ikunu hemm, dejjem dejjem. Ma jmorrux jitilfu xi xelin. U dejjem l-istess storja. X'qalet ommha, missierha, il-boyfriend (jekk m'għandhiex jidħlu d-dubji li tixxutja kontra), eċċetera, eċċetera. Il-Ħadd waranofsinhar taraha tpoġġi sormha fuq kull salott ta' kull stazzjon televiżiv, kif poġġew sormhom nies bħal Faniello, Losco, Chiara, Mary Spiteri. Hamilton jorgażma fuq il-kontinġent.

* * *
Wara delużjoni oħra, Ġanni Borġ instema jgħajjat: QAŻŻIŻTUNI!

* * *
Ilbieraħ ġriet l-aħbar li l-Gonzi waqqfilhom il-kaċċa wara massakru ta' tjur protetti. Bħas-soltu, hawn Malta, ma tagħtix każ li l-kelb jigdem qabel ma jiblagħlek idejk. Ma nafx ngħidlux prosit jew le, issa li hekk jew hekk l-elezzjonijiet tal-kunsilli għaddew. Messha ilha li saret din il-biċċa xogħol.

Nixtieq ukoll nuri s-solidarjeta' ma' l-organizzazzjonijiet non-governattivi li batew bosta vandaliżmi, fosthom it-tkissir ta' 3000 siġra fil-Mellieħa. Għandna bżonn ħafna ta' nies bħalkom, għax kieku sirna Daghestan f'nofs il-Mediterran fejn jikkmanda min għandu l-armi, u l-konkos.

Għal min kisser dawk is-siġar, sadanittant, hemm ġustizzja alternattiva. Tasal, tinkwetawx.

Tuesday, May 08, 2007

Waqtiet

Il-Portugiż ġabarhom madwaru, f'ċirku, xi ftit minnhom ħarsu lejh u oħrajn lejn l-art. Ħadd ma lissen kelma, lanqas l-Ingliż kemmxejn qsajjar li għandu qalb ta' ljun u saħħa ta' żiemel. Il-Portugiż deher jgħajjat tnejn biex jagħtihom ftit tal-kuraġġ. Imbagħad ħareġ minn ġo nofs iċ-ċirku u bil-ħarsa mqita tas-soltu beda jfittex lill-ħomor. Illum allaħares jitlifha.

Il-ħomor ta' l-Ispanjoli kienu qed jisimgħu 'l-imgħallem tagħhom, li fl-aħħar qalilhom kelmtejn zgħar u qawwielhom qalbhom.

Jien, bilqiegħda komdu fuq is-sufan, bdejt nisħet f'qalbi lill-Portugiż. Kemm nieħu gost narak titlef, tafx, lilek li dejjem tgħid kemm inti aħjar minn ħaddieħor. Issa naraw kliemek fiex ser isarraf.

U għal darb'oħra, il-kappell ta' l-Ispanjol reġa ġiek, u xeraqlek ukoll.

* * *
Dik iċ-ċhewing gum ilha f'ħalqu għal dawn l-aħħar għoxrin sena. Omgħod illum, omgħod għada, xi biċċa iebsa xi darba ser issib.

Illejla qiegħed fuq sufan ieħor, imma ma niflaħx inpoġġi bilqiegħda, ma niflaħx ma nqumx ngħajjat. Illum ser jitqatlu bejniethom ix-xjaten Taljani u x-xjaten Ingliżi. Rossoneri siamo qua, leħen sittin elf milanist instema kemmxejn minn ġol-kaxxa. Kompla l-istorbju... siam venuti qua per veder segnare Kaka'...

Ħarġu donnhom iljuni, it-tnejn li huma, taħt xita qalila. Iġri nibdew. Bdejt nitpassiġġa quddiem il-kaxxa wara minuta logħob. Qabditni pipi, issa nħalliha għal meta jkun hemm xi throw in jew iweġġa xi ħadd.

U l-banda bdiet iddoqq. Kaka: 1-0. Seedorf: 2-0. Imbagħad ftit tbatija, xi ftit biża, il-pipi bdiet tħabbat ftit aktar. Imma l-banda ma stunatx. Gilardino: 3-0, ħarġet qalbi, insejt il-pipi u qajjimt triq sħiħa bl-għajjat ta' Goal.
* * *
Issa ser jerġgħu jiltaqgħu, bħal sentejn ilu, Milan u Liverpool. Ser nissakkar fil-kamra tiegħi, nitlob lil Mulej li kollox imur sewwa. Għax, l-aħħar darba li lagħbu dawn it-tnejn kontra xulxin, kulħadd jiftakar kif spiċċat. U tweġġa darbtejn kiefra wisq.

Blog Counter