Friday, April 06, 2007

Ħaddieħor

L-ewwel ħaġa li laqtitni kienet id-dieqa ħafifa li kien hemm fl-atmosfera. Skiet perfett, fis-sular ta' isfel, u d-dalma. Il-purtelli hawnhekk magħluqin; il-bibien ma jinfetħux l-istess għal kulħadd, lanqas, u għal xi ħadd il-bibien qatt ma nfetħu. Minflok sabu quddiemhom, kiefra, kiesħa, u mingħajr kunsill, tisbita li għalqitilhom il-ħajja ta' soċjeta' moderna kif nafuha aħna.

Dak li kiteb is-soċjologu, dak li kiteb il-politiku, dak li stqarru l-Iskritti, il-Fariżej, dak li werżqu l-prostituti tal-politika lill-folol li riedu jisimgħuhom, dak li kitbu l-gażżetti u dak li ħambqu fuqu fil-kaxxa: hawnhekk jibqa' kollox barra, lanqas biss jirfes l-għatba. Hawnhekk dak kollu jsir fieragħ, jintilef fix-xejn għax ma jgħoddx, ma jinteressaniex.

* * *
Lil Keith, it-tfal ta' dan l-istitut jafuh sewwa. Mort miegħu u ma' xi ftit oħrajn, għall-ewwel darba, nagħtuhom bajda żgħira taċ-ċikkulata qabel ma jiġi l-Għid. Il-madre laqgħatna b'tbissima żgħira, b'dak il-wiċċ abjad, pallidu, li jurik kemm rat ġrajjiet fil-ħajja twila tagħha. Qaddejja fidila ta' Kristu, li jum wara jum taħdem f'dan il-bini li jraqqad fih is-simboli innoċenti ta' waħda mill-agħar ġrieħi li għadha ttebba' il-ħajja tagħna.

Tlajna fis-sular ta' fuq, nimxu f'nofs il-ħemda. Kien hemm statwa tal-Madonna f'ras it-taraġ, bix-xemgħat żgħar quddiemha, mitfijin. Bieb fuq il-lemin, u ieħor magħluq fuq ix-xellug. Dħalna f'dak tal-lemin. Keith beda bil-mod iqassam il-bajd, blu u roża, u iħallihom fuq is-sodod ċkejkin. Il-madre b'daħka żgħira baqgħet titħaddet magħna, hi u ddawwarna mal-kmamar.

Bla ma ndunajt wasalna ħdejn il-bieb tax-xellug. Dħalna bil-mod.

Ġewwa kien hemm disat itfal qed jaħlu s-saħħa kollha ta' ġurnata. Min jiġri wara ballun tat-tennis, min iwerżaq mal-karaoke, min jibki. Ftakart meta kont żgħir jien u kont naqla' xi ftit waqt il-ħin tal-logħob, avolja ma' kellix aħwa, speċjalment għax in-nies li kienet iġġib ommi biex jilagħbu miegħi ma tantx kienu jinżluli. Għadda jiġri minn ġo moħħi l-film ta' tfuliti, bil-ferħiet u bil-bikjiet tiegħu, u bl-uċuħ ta' dawk li m'għadnix nara. U hemm bdejt naħseb, kemm setgħet kienet differenti l-ħajja ta' dawn it-tfal kieku kellhom ix-xorti li kelli jien, u ta' ħafna oħra bħali.

Għadda jiġri ukoll tifel ċkejken, forsi għandu sitt snin, iddendel waħda ma' Keith, tah tnejn fuq il-warrani, u telaq jiġri 'l barra biex jaqbad ma' ħaddieħor. Daħka minn widna sa widna, ferħana, bla ħsibijiet. Innoċenti, bla mittiefsa. Bħalissa, anke għalihom, huwa l-ħin ta' l-għors.

Tfajjel ieħor kien mitfuħ ballun f'rokna waħdu, kwiet, mistħi u forsi mbeżża' mill-agħa kollu li kien hemm madwaru. Sarah qagħdet tkellmu ftit. Kienet qed tkellmu fuq dik il-ħrafa żgħira ta' Gesu li jbierek il-bajd ta' l-Għid. U dak deher anqas imħasseb milli kien qabel. Erġa! tennielha b'leħen irqiq, Erġa għidhieli!
Fin-naħa l-aktar storbjuża tal-kamra, waħda mill-bniet riedet tiżfen. Bil-kalma tas-soltu, is-soru qaltilha li kien wasal ħin li jaraw Marcellino.
* * *
Waqt li qed insuq, f'moħħi baqa' iberren dak il-ħsieb: minjaf kieku. Ikkwitajna xi ftit fil-karozza. Il-mużika baqgħet għaddejja għal rasha, mingħajr ma tellfet il-ħsibijiet tagħna. Sadattant, minjaf jekk, wara dak il-bieb tax-xellug, kienx waqa' is-skiet sakemm kien qed jitkellem Marcellino.

B'dedika lil dawk kollha li kkuntentaw b'dak li tahom il-Ħallieq, u dejjem qalulu 'grazzi'.

Blog Counter