Wednesday, February 14, 2007

Fid-Dinja ż-Żgħira

Ftit li xejn nitla' Għawdex. Forsi nitla' darbtejn f'sena, inqatta' tmiem il-ġimgħa hemm. Ma tantx nersaq lejn il-baħar ta' Għawdex għax kważi dejjem nitla' fix-xitwa. Insib riħ qawwi, jew xita, jew jekk inkun fortunat, sħab u smewwiet griżi.

Din id-darba veru tiela' biex nistrieħ. Bogħod mill-istorbju ta' kuljum, bogħod mill-problemi ta' parking, u speċjalment, bogħod min-nies li jdejquni. Din id-darba se nieħu miegħi biss dak kollu li għandi għal qalbi. Mhux kollox kollox, xi ħaġa u xi ħadd ħallejt warajja, imma fuq kollox kont sejjer biss għal tmiem il-ġimgħa, kemm naqta' ftit.

Ir-riħ li beda jonfoħ beda jżeffen lil vapur. Ma bdiex imarradna. Kien se jmarradni tifel żgħir li beda jiġri minn naħa għall-oħra ġo fetħa żgħira quddiem it-taraġ fejn konna bilqiegħda. Il-vapur jixxengel, u t-tifel iwerżaq waħda u jidħol f'xi ħadd ikun għaddej. Iwerżaq ma' kull impatt li jkollu. Kull twerżiqa tagħmel l-impatt tagħha f'moħħi, b'konsegwenza ta' uġigħ ta' ras. Osservajna din ix-xena għal kwarta sħiħa, sakemm wasalna Għawdex.

* * *
Kollox itir u jgħaddi. Uċuħ bħal ta' dak il-wejter fitt li serviena pizza u beda jistaqsina hux kollox sew ma' kull żewġ gidmiet. U waħda li poġġiet mal-mejda tagħna biex tara Scherzi a Parte u saqsietna jekk hux problema jekk tgħolli ftit il-volum (biex jisimgħuha minn ġol-lukanda).

Itiru minn quddiemi xeni u xeni ta' pawsa qasira wisq. Il-Banjijiet ta' l-Isqof u r-riħa ta' melħ, il-mewġ iħabbat mal-blat minn fejn erba' jew ħames snin kont irbatt qalbi ma' dak il-baħar filli blu u filli iswed skur. Ritratti, sefsif ħiemed, fil-widnejn. U x-xemx mhux kiefra f'Imġarr ix-Xini, bilqiegħda ħdejn għorfa antika u l-lapida ta' wieħed Għawdxi li ġħereq hawnhekk fl-1948 meta kien għadu ġuvnott, ta' għoxrin sena.

* * *
X'għamitli ja żmien, tiġri ttir minn quddiemi u tieħu kollox miegħek. Il-mewġ għadu iħabbat mal-moll ta' Marsalforn. Wasalna biex immorru 'l hemm. Il-karozza mtliet bil-melħ tal-baħar. Riħ ivenven wara għonqi, bħal donnu beda jkeċċina minn Għawdex.

Fil-karozza erġajna sefsifna f'widnejn xulxin. Inkella jisimgħuna, jisimgħu l-ħsieb tagħna, u hekk lanqas Alla ma jrid.

Blog Counter