Wednesday, January 17, 2007

Tan-Nofsiegħa

Meta ninżel isfel qatt ma nkun l-ewwel wieħed. Dejjem insib lil xi ħadd - ix-xiħadd tas-soltu ngħidlu jien - bilqiegħda iħares lejn il-kaxxa, b'idejh marbutin fuq żaqqu, u bil-ħarsa li dejjem iġorr miegħu f'nofsinhar.

Insaħħan il-koxxa jew is-sider tat-tiġieġa fil-microwave, noħroġha, nitfa l-bqija ta' l-insalata fil-platt, tazza ilma, u npoġġi bilqiegħda. Jibdew ġejjin in-nies wieħed wieħed (jew aħjar, waħda waħda). L-Għaqda Ħbieb ta' l-Insalata jiltaqa' hawn.

L-iktar li jkun attivita' f'dan il-klabb ikun f'Jannar, meta kulħadd ikun b'seba' għajnejn għad-dieta ta' wara l-Milied. Taf int, wara l-orġa ta' xaħmijiet, xorb u kolesterol, naqa insalata kuljum għal Jannar u Frar kollu ma jagħmilx ħażin. L-aqwa li wara ddamdam xi Mars.

Diskursata tipika f'din il-kantina maqtugħa mill-bqija ta' l-Ewropa (ħlief għat-taraġ li jieħdok lura fejn hemm ix-xemx) tibda b'xi frażi bħal: "Isa ħej, x'naqra ta' platt għandek. Ilbieraħ taf x'kilt? Għallejt il-qargħa bagħli u għamilt naqa tonn taż-żejt..."

Dak il-ħin nibda nħares lejn il-platt tiegħi, erba' ħassiet innoċenti u forsi xi biċċa koxxa tat-tiġieġa f'nofshom, u mmiss ftit hemm isfel, kif jagħmlu l-Italja, għax skaramantiku: ma rrid lil ħadd jisħitli l-ikla ta' nofsinhar. Aktar u aktar x'ħin nisma' l-kelma qargħa bagħli. Tgħaddi tkexkixa minn ġo fija, imma xorta waħda nitbissem kemm kemm u noħroġ tweġiba bħal "prosit".

Imbagħad jibda t-tqasqis. X'għamel il-Ġermaniż. Kemm hu pufta l-Ġermaniż. Dak ta' idu fuq żaqqu ikun beda jongħos quddiem il-kaxxa. Jien inkun lestejt l-ikla tiegħi, u jekk inkun f'burdata tajba biżżejjed, naħsel il-platt, il-furketta, u t-tazza li nkun xrobt minnha.

Wara kwarta nerġa nersaq lejn it-taraġ. "Għalikom, l-aħwa..."

Kultant, meta veru tkun ħarxa d-diskussjoni, lanqas jindunaw b'dik it-tislija. U ikomplu. "Mela dan kont? Bis-surcharge..."

"Tridu kafe?"

U hemmhekk jiskot kulħadd.

Blog Counter