Friday, September 15, 2006

Karl u Marie

Wasalt ħdejn id-dar ta' Joe Galea, is-Swieqi, fejn min jaf kemm-il darba konna ġejna għal xi BBQ, jew wara l-għawma ta' l-Exiles tal-Ħadd, jew biex naraw il-football. Elf funzjoni, elf mawra sa din id-dar. U Romilda dejjem tilqagħna. Mara twajba li ma tantx issib bħalha.

Ipparkjajt il-karozza, illum, l-Erbgħa 6 ta' Settembru, u warajja kien qed jipparkja Niki. Waslu tnejn mir-re Maġi, ħsibt. Karl fetaħ il-bieb u laqagħna b'daħka: "La Vecchia Guardia!".

Ġewwa kien hemm il-familja ta' Keith, xi żewġ kuġini ta' Karl, Romilda fil-kċina tipprepara, u Steve Hereighty, kollega ta' Karl. Kulħadd ġie bir-rigal tat-tieġ f'idejh, għax kif ilna ngħidu għal kważi sena sħiħa, Il Signor Carlo si Sposa. Martini, gin and tonic, birra, u Franza-Italja fuq ir-Raiuno.

* * *
Il-Ġimgħa filgħaxija qed nipparkja l-karozza f'daħla żgħira fix-Xewkija. Il-familja Galea telgħu hawnhekk għal erbat'ijiem, għax il-kbir (Karl) se jiżżewweġ Għawdxija.

Saru d-disgħa w nofs ta' filgħaxija, Niki għadu ma deherx u suppost qiegħed fi triqtu minn Malta. U ġewwa hemm saħansitra l-klieb. Hemm Mario, il-bestman, u martu Sonia li f'Novembru ser ikollha. Joe u Keith mal-BBQ iqallbu z-zalzett. U minkejja l-għeja li kienet qed isserrep fostna, id-daħk ma qata' xejn.

Il-mobile tiegħi beda jdoqq bil-messaġġi minn Malta. Ma kinux messaġġi ta' mħabba, imma kważi. Għal ftit intlift mix-xena ta' madwari, intfajt fuq deckchair qrib il-pool, nikteb il-messaġġi, inpejjep sigarett fl-ieħor, naqra messaġġ, nistenna ftit, u nerġa nirrispondi. Ma tmurx taħseb li qiegħed imwaħħal mal-mobile. "Qed intellfek? Jekk trid kompli ma' sħabek," qaltli. Le, għedtilha, qed iżżommli kumpanija. Ma nafx nilgħab bil-karti...

Iż-żewġ fliexken Averna li kellna bdew jinżlu malajr. Mal-mejda, jilagħbu l-karti, baqgħu Mario, Niki, Omer, Keith, Karl. Kurt, ħu Karl, daħal jorqod qabel kulħadd. Jien mort ħdejhom mal-mejda, nara logħba wara l-oħra, u bejn wieħed u ieħor kont qed narahom ifottu lil xulxin.

Anke l-Averna beda jagħmel tiegħu. Bdejna nidħku mix-xejn, nippruvaw ma ngħajtux għax inqajmu lin-nisa. Għax inkella, ħoll xagħrek u ġib iż-żejt. U minkejja l-Averna bdejt nisforza biex ma niktibx ħmerijiet. Il-batterija nieżla. Fit-tlieta ta' filgħodu jien u Niki qbadna l-karozza u soqna l'hemm. Morna nieħdu burger, infittxu t-triq lejn ix-Xlendi fid-dalma tat-toroq ta' Għawdex u ta' l-Averna li ħeddilna. U fid-dalma tan-niżla tal-Grotta, ktibtilha, "Goodnite, ħa mmur nistrieh."

* * *
"MARIE!" Karl għajjat aktar milli suppost. Aħna nfqajna nidħku. Alfred dar fuqi u qalli "ħsibtha telqet tiġri lejn s-sagristija." Qegħdin fil-knisja taċ-Ċittadella, Għawdex, u dan hu l-mument kruċjali.

U l-messaġġi ma qatgħux. Ħassejtni qisni qed indur ġo ċirku kbir li x-xfar tiegħu dejjem jitwessgħu, sakemm xi darba nistordi u noħroġ mill-orbita. Kif ngħid lil sħabi biex niċċajta, hi tgħid Hahaha, u jien ngħidilha Hohoho. Ċajta li kkupjajt minn kummidjant Taljan li diffiċli biex jiġi jfittixni ħabba l-copyright.

Dak il-ħin erġajt daħħalt il-mobile fil-ġlekk. Ramona bdiet tistaqsini dwar il-korrespondenza li għaddejja imma aktar kont interessat fil-mument li jgħidu 'Iva' lil xulxin. U hekk jew hekk, lil Ramona għalxejn ngħidilha għax... ma nafx għalfejn.

U fis-sħana tal-Ħadd waranofsinhar, hekk kif nieżel it-taraġ tal-Kattidral, bgħatt messaġġ ieħor u raddejt salib b'riżq il-kuntratt tal-Vodafone.

* * *
Wara tfajna l-fjuri, ċapċapna, pejjipna, u morna r-riċeviment. Tħares lejn l-orizzont u tara lil Malta. Tħares 'l isfel u tara l-mostru tal-konkos li bnew fil-port ta' l-Imġarr.

Iż-żwieġ ta' Karl u Marie, li ilu li seħħ żmien twil, qed niċċelebrawh. U hekk ktibt fil-card. Biż-żmien li għaddejtu flimkien mhux laħaq sar il-bajtar... Karl kien qraha b'dik id-daħka tas-soltu u ftakar fil-card ta' l-engagement li kont ktibt fi Frar li għadda.

* * *
Qomt u ħarist lejn Niki maħsud. Kien għadu kif stenbaħ hu wkoll. "Min ġie jħabbat?" qalli. Mar jiftaħ il-bieb ta' barra u ma sab lil ħadd. Insejt x'kont qed noħlom iżda mingħalija li l-bieb ħabbat fil-ħolm.

Saru l-għaxra neqsin kwart. Wasal il-ħin li nżarmaw u mmorru l'hemm. Ma hawnx x'nieklu u għadni għajjien mill-bieraħ. Qomt u qabbadt sigarett għax għadni nervuż li xi ħadd ġie jħabbat mal-bieb u qajjimna.

Xgħelt il-mobile. Daħlu żewġ messaġġi. Ieħor mingħandha u l-ieħor mingħand tal-flat. Aqbżuli għax għandna l-klienti f'nofsinhar. Kemm iqumu burdata sabiħa dan-nies, it-Tnejn filgħodu.

* * *
Fuq il-ġenb tal-lemin tal-vapur lejn Malta ħadt kapuċċino li laħaq kesaħ f'idejja, hekk kif qgħadt inħares lejn ix-xejn tal-fliegu. Ma ridtx inħares lejn Għawdex, ma nafx għala. Ma ridtx inħares lejn Malta għax kelli naqsam lura lejn Wied il-Għajn u ħin kelli kemm irrid. U fl-aħħar, il-mobile kien ikkwieta.

Għada, mbagħad, noqgħod inħares imbaħman lejn ir-ritratti.

Monday, September 04, 2006

A Volte Ritornano

Kont qiegħed f'nofs sessjoni ta' Football Manager 2006. Din il-logħba ilha għandi snin twal u kull darba li toħroġ, sena wara sena, kont nispiċċa naħli numru ta' siegħat mhux ħażin fuqha. Darba biss niftakar li kelli nneħħieha mill-computer għax kienu ġejjin il-finals ta' l-Universita u jekk ifettilli nagħmel siegħa nispiċċa nagħmel nofs ta' nhar. U addio Baudrillard u Eco.

Dis-sena, insomma, bdejt nilagħbha f'Ottubru u bdejt bir-Real Sociedad ta' Spanja. Issa, f'Awwissu tas-sena ta' wara, qiegħed fil-ħames sena bħala manager u dejjem nirbaħ nirbaħ nirbaħ, mal-Valencia. U s-siegħat dejjem għaddejjin.

F'daqqa waħda daqq il-mobile u tant kont mitluf (Valencia - Getafe) li ħbatt kubtejja mal-mejda. Fuq id-display kont qed naqra isem Pierre Mejlak u ma kontx ċert jekk kienx veru hu.

"Is-Sur Flask..." iva kien hu. Fi triqtu lejn Malta minn Għawdex, daqsxejn bħas-soltu. Lura d-dar wara żmien twil jiġġerra ma' l-Ewropa. Sorpriża sabiħa. U la qiegħed hawn għal tlett ġimgħat, ta' min nieħdu flixkun birra flimkien. Jew aħjar inbid, għax wara t-Tazza tad-Dinja u beerfestival ma ridtx nibda niħxien.

Għaddiet ġimgħa sakemm iltqajna. Morna l-Jubilee ta' Xbiex u niżżilna żewġt ifliexken inbid. U minn quddiemna għaddiet ferrovija ta' memorji u persunaġġi.

Minn Wendy għal Cedric. Salvu Chircop. Ingrid. Fr Effie. Joe Tanti. Kevin Vella tal-Calypso. Gordon. Iċ-Ċukaj. Għedna xi ftit kontra Berlusconi (jien) u Bush (jien). Marie.

U llum hawn aħna. Nixjieħu u forsi nisbieħu. Jien tlift xi xagħrha l'hinn u l'hawn. Pierre baqa kważi l-istess. L-istess daħka, l-istess aċċent. Kultant jitfa' xi waħda żgħira bl-Għawdxi wkoll. Darba niftakru jirrakkontali teoria minn tiegħu. Kien jiġi għal-lectures u jintefa' għall-kwiet biex żgur ħadd ma jgħid li l-Għawdxin antipatki.

Imma darba sibna pajżana tiegħu li kienet tnerves klassi sħiħa. U sieħbi Pierre, fit-tmienja ta' filgħodu, dar lejja b'ħarsa ta' wieħed li ma kienx qed jiflaħ aktar.

Il-lejla spiċċat wara żewġt ifliexken inbid u ftit karawett. Hu qabad it-triq lejn it-tliet għoljiet u jien lejn Paceville. It-tnejn li aħna weħilna fit-traffiku, fit-toroq għat-telgħa, u blajna bosta skossi. U ser nibqgħu hekk kull darba li, hu fi Brussell u jien f'Ta' Xbiex, nixegħlu l-kompjuter u nibdew naqbdu t-truf tal-ġurnata li jmiss.

F'Settembru

Ili żmien ma nikteb xi ħaġa u kważi jiddispjaċini. Tant ġraw ħwejjeġ li domt ħafna intella' u nniżżel jekk għandix naqsamhom magħkom jew le. Issa għadni kif tajt ħarsa lejn il-kalendarju u ħadt qatgħa mill-kbar. Wasal Settembru u s-sajf kważi spiċċa. Tar minn quddiemi u se nibda nibkieh. Awwissu kien mgħaġġel u ħarab, żelaq minn idejja waqt li kont qed nagħsar kull minuta possibbli.

Ġimgħatejn oħra nkun f'kamarti qed neqred li għadda s-sajf, it-temp qed jikrieh u miegħu l-burdati. Jekk ikun is-sibt waranofsinhar ninżel isfel nara l'Arsenal u ngħid li qattajt ftit tal-ħin stampat mat-TV. Jekk ikun il-ħadd waranofsinhar (filgħodu fil-weekend ma jeżistix) flok immur inċafċaf Exiles nista' noqgħod neqred li bħas-soltu se mmorru nieħdu kafè.

U fuq nota oħra: fil-bidu ta' Settembru miet sieħbi Tonio Cardona. Ommi qaltli sagħtejn wara l-funeral tiegħu.

Mhux se noqgħod nagħmel eloġji għax ma kontx nafu ħafna. Naf li meta konna flimkien A3FM (u konna għamilna żmien il-Calypso, ukoll) kien raġel li ma hu kapaċi jdejjaq lil ħadd. Kwiet, iżda dejjem attiv f'xi produzzjoni ta' xi artist jew ieħor. Jien u Tonio konna f'żewġ stazzjonijiet tar-radju flimkien u t-tnejn li aħna spiċċajna l-avventura tagħna bl-istess mod. Ma konniex ħżiena iżda anqas indispensabbli. L-ewwel Fr Effie imbagħad Polidano sabu kif juruna l-bieb meta kienu ddeċidew li jaqilbu kollox ta' taħt fuq.

Dan l-aħħar żminijiet kont inqtajt minn miegħu. Iż-żmien isajjar il-bajtar imma sfortunatament jaħraq xi ftit minnhom ukoll.

Telaqna bniedem ieħor umli, rasu fuq għonqu. Tant li, ħdejn nofs id-DJ's li ħdimt magħhom, ma kienx la gustuż, la leħnu jgħajjat, u lanqas kellu ismijiet strambi. Bis-saħħa ta' hekk kien wieħed minn dawk li, fl-industrija, kellhom biex jitkessħu tassew.

Blog Counter