Tuesday, July 11, 2006

Wara l-Burraxka

Wasalt il-Belt fis-sitta w nofs. Sibt nipparkja mingħajr tbatija. Dħalt ġewwa u sibt lil Antoine u lil Vince diġa bilqiegħda. Toni diġa kien qed jibjad, bil-mod il-mod. Vince iżomm ma' l-Ingliżi u ma tantx iħabbel rasu jekk Cannavaro ma jerfax it-tazza.

Ħdejna daħlet familja sħiħa. Bżieżaq, sfafar u x'naf jien. Kienu lebsin kollha bil-blu, bit-tifel ta' erba' snin b'kollox, frastornat f'nofs dik il-geġwiġija għarqana mingħajr ma jaf x' qatt seta għamel ħażin.

Toni beda jħoss l-uġigħ ta' żaqq. Birra oħra u ninsew kollox, għedt lili nnifsi. Il-post beda jimtela u r-riħa t'għaraq baqgħet tiżdied. Jien bdejt inħares lejn l-arloġġ u ħabtet se taqbiżli għax il-ħin beda jgħaddi bil-mod wisq. U mbagħad għadda tikk ieħor li kexkixni: din l-aħħar logħba football li se nara wara xahar sħiħ. Kif ser ngħaddi mingħajr it-Tazza tad-Dinja. X'ser noqgħod nagħmel fid-dieqa ta' dawk l-iljieli sajfin li, ħlief għal xi barbecue jew xi "ejja noħorġu nixorbu", ma tantx iħallulek fejn timraħ.

Kemm se nibkiehom dawk il-logħbiet, utli u anqas utli, bħal Korea-Togo jew Tuniżija-Arabja Sawdita. Kemm qegħdin bogħod, u kemm ser ikomplu jitbiegħdu minni, l-uċuħ ta' Cafu, Cicinho u Juninho. U l-iżbalji tar-referees. Il-karti s-sofor, ġusti u anqas. Il-fouls li jkun ħaqqhom sena ħabs mill-anqas.

U kultant tara xi xutt tajjeb, xi goal minn dawk li jkollok tqum minn fuq is-sufan iċċapċap, jew xi goal li tant jirrabjak li tqum xorta minn fuq is-sufan, jew biex tidgħi jew biex tagħmel pipi.

Nammetti li xi darbtejn bdejt nongħos waqt il-logħob. Setgħet kienet l-isbaħ logħba tas-sena, imma man-ngħas ma tiġġilidx. Anzi, jien inħallih jirbaħli. U mbagħad inqum maħsud għal xi s-siegħa ta' filgħodu, niċċekkja kemm ġew fuq it-teletext u nerġa' ndur in-naħa l-oħra biex norqodlu, sas-sebgħa ta' filgħodu.

F'daqqa waħda feġġet birra oħra quddiemi u l-ħsibijiet tiegħi taru fix-xejn. Fuq it-TV ġabu lil Cannavaro jitpassiġġa fuq il-pitch u jħares lejn ix-xejn. Imbagħad dehru Lippi, Buffon, Nesta u de Rossi bl-iPod f'widnejhom. U wara dawk, eluf kbar ta' supporters Taljani mat-toroq ta' Milan, Ruma, Napli, u anke Berlin.

Wara ħames minuti li bdiet il-logħba kienet diġa niżlet id-dieqa u d-dalma fuq min kien qed jaraha. Penalty u goal għal Franza. F'qalbi għedt issa iebsa biex iqumu għal oħra t-Taljani.

Imma qamu, tafx. U ma' kull ballun li kellhom fl-ewwel half, Antoine beda jakkwista aktar u aktar kulur. Half time - ħin għal aktar birra, u pipi twila twila li serrħitni biżżejjed biex niffaċċja t-tieni half.

Ma hix il-logħba tiegħi, ma hemmx il-Brazil, imma lil Franza ma ridthomx jirbħu.

* * *
Kif spiċċat nafu kollha kemm aħna. L-għada filgħodu bdejt infittex sigarett, imqar kemm noqgħod inmeċlaq il-filter sakemm insib lighter. Mil-lum daqshekk football. U reġgħet għaddiet minn quddiemi l-purċissjoni ta' ħsibijiet li semmejt fuq, u reġa' qabadni l-bard.

Sa nofsinhar kont iktar iffukat fuq Roger Waters. Il-bard għadda. Is-sħana tkompli.

Wednesday, July 05, 2006

Fratelli

"Ara l-oħra fejn poġġiet. F*** ommha hemm intefgħet? Kif ħa naraw aħna b'rasha fin-nofs? Dawn xi slavaġ huma?"

* * *
"Ojjjj! Żul minn hemm ħi! Ma tarax li ma nistax nara bik! Inżel minn hemm trid? Ara jien ili hawn mis-sitta u nofs u nsib xi ċuċ bħalek!"

* * *
"Ewww! Niżżel rasek jimporta, ħa naraw?"
(Lil żewġha) "Chal għidilhom ħi... dawn x'nies huma, bla manjieri ta' xejn... u issa kif se naraw bihom dawn... dan x'nejk hu? X'affarijiet dawn! (Lil xi ħadd fil-folla) Niżżel rasek mister!"
(Lura lil żewġha) "F*** ommu dan ukoll! Ma jniżżilx rasu."

* * *

Tibda l-logħba. Charlie kien għeja. B'rasu baxxuta (imma bi tbissima mqarba fuq fommu, għamel pass ħafif lejn it-tarġa ta' quddiem il-big screen u poġġa fuqha. Minn ġo l-amfiteatru, minbarra l-ħoss tal-kummentarju, għola leħen wieħed. Kien dak ta' martu.

"Iss prosit għalik! Għoġobtni eh! Qisek wieħed minnhom. Ara jien nitħambaq għalxejn."

* * *

Foul ta' Borowski fuq Totti. "Piii. Ara kemm hu aħdar Chal... dawn x'razza ta' nies huma?"

* * *
Għoxrin minuta logħob. Tgħaddi mara ta' madwar tletin sena, bil-mobile f'idejha. Tidher pjuttost mifxula. Anki hi poġġiet fuq din it-tarġa, iżda poġġiet fix-xifer, bħal waħda li ser tqum mill-ewwel.

"Ojj hemm! Iva Madonna Santissima ma tistax tara biċċa logħba hawn! Qisek qegħda f'maqjel hawn. Żul minn nofs ħa nara!"

Dik il-mara għolliet rasha mill-mobile. Kienet għadha mifxula. Bla ma wieġbet, qamet minn fejn kienet u ppruvat tgħaddi għan-naħa l-oħra ta' l-amfiteatru.

Ftit wara tbaxxa s-sound. Flok il-kummentarju nstema leħen minn fuq il-microphone:
"Daniel Muscat, tifel ta' sitt snin. Il-mamà qed tistennik ħdejn il-bar tal-lemin."

Monday, July 03, 2006

Bennato, Nannini, Vasco, u Martini

Kont għadni kif rajt lil Jens Lehmann (patellu, kif inħobb ngħidlu jien) jilqa' il-penalty ta' Cambiasso. U kelli naħrab niġri lejn ix-'xogħol' tiegħi. Qatt ma kienet li nersaq l'hemm qabel l-għaxra. Din id-darba mort kmieni biex insib fejn nipparkja mingħajr wisq drammi u kliem ħażin. U anke biex ma nitlifx il-logħba tat-Taljani.

Wasalt kmieni wisq. Kulma għamilt għall-ewwel għaxar minuti kien li nħares lejn ħalq Victor jiċċaqlaq bħal dak ta' ħuta mitlufa f'akkwarju li kienet ilha tgħix fih għal sitt xhur. Victor fih tip. Ma tkunx taf x'qed jaħseb jew lejn xiex ikun qed jiċċassa. Is-sabiħ tiegħu hu li jħallik bil-kurżità. Bejnietna, naħseb li Victor ma jkun qed jaħseb xejn. Ikun bħal monitor fuq l-istandby.

Imbagħad jibdew issoltu ritwali. L. marret tagħmel makeup, damet nofsiegħa u ħadd ma seta jidħol ibul minħabba fiha. Hekk sew, hux.

Minħabba fiha, A. kellha tissellef sigarett. Dennis qallha biex ma teżagerax bħall-aħħar darba. "Kemm hu ħelu!" qalet, b'leħenha nofsu mgħolli u b'ton ta' simpatija daqsxejn imqanżaħ. Daret lejna biex tara jekk aħna naħsbux bħalha. Jien żerżaqt nofs tbissima lili nnifsi u minn taħt il-għajn rajt banketta weħidha weħidha man-naħa l-oħra tal-bar.

Bdiet il-logħba. Daħlu dawk iż-żewġ tfajliet li kull darba li narahom nibda nitlob minn taħt l-ilsien. Ma nafx għalfejn imma sirt ma niflaħhomx. Fitti wisq. Ħelwin kemm trid, imma aħjar ikunu kilometru bogħod milli ċentimetru madwarek. Bħad-dubbien.

L-ewwel żewġ tackles, l-ewwel żewġ imbuttaturi. Dik il-banketta kienet għadha weħidha... u mort għaliha. Hawnhekk nara fil-kwiet. U bdew: Zambrotta 1-0. In-naħa l-oħra kien hemm twerżieqa donnu xi ħadd rifes fuq mina.

Mal-half time tlajt nirranġa ftit għall-affari tiegħi. Lanqas domt nofs minuta. "Doqqilna xi ħaġa tat-Taljani, kif tagħmel int??!" Kienet waħda miż-żewġ antipatki. "Magħhom iżżomm int?" Dak il-ħin għadda minn ġo fija kurrent ta' edukazzjoni, u b'tatt li rari niftakar li kelli, għedtilha li nżomm mal-Brażil. "Eh, ija, Brażil..." u telqet l'hemm.

Tieni half. Did-darba aqqas inżilt lura nara l-logħba, qgħadt bilqiegħda fl-istand tiegħi u rajt il-logħba minn hemm. Komdu.

Iktar twerżieq. "BELLO!" Buffon ġab ballun tajjeb. Imbagħad l-Ukraina ħadu lasta. "BELLO! BELLO! BRAVO!" dejjem l-istess leħen ċerċur.

Goal ta' Toni, 2-0. Ftit wara ieħor ta' Toni, 3-0. Telgħet A. ħdejja, u bla ma biss ħarset lejja bdiet tagħfas fil-laptop ta' Dennis. M'għedtilha xejn, ħallejtha tgħaffeġ. It-tir tagħha kien ċar: Notti Magiche ta' Bennato u Nannini. Lanqas jimmaġinaw kemm ġabet xorti ħażina dik id-diska. Dennis tela' ħdejja u qalli "doqqielhom ħa jieħdu gost..." u kemm għollejt il-fader biex flok nisimgħu lil Mazzola jistona, nisimgħu lil Nannini u lil Bennato.

Il-logħba spiċċat u qalbi għamlet tikk. Hawn ġejja tiegħi. Ġiet l-antipatka l-oħra "Doqqilna tat-Taljani...". Ma kienx hemm mod aħjar kif tibda lejla ta' xogħol.

Ħadt Martini ieħor u tfajt Come Stai ta' Vasco. A. reġgħet bdiet teżaġera. L-antipatki telqu l-barra. Il-qiegħa kkalmat. Grazzi Mulej.

* * *
Fit-tlieta u nofs ta' filgħodu kont għadni hemmhekk. Ma kinux Taljani li rebħu. Min kellu jgħabbi (ħlief għal wieħed partikolari) għabba u telaq 'l hemm; Dennis għolla ftit id-dawl u beda jimla' l-bar, il-kaxxi bdew joħorġu, Tommy kompla jiknes, u l-antipatki, (li kienu reġgħu daħlu biex jaraw lil min ser jgħabbu) kienu għejew u poġġew ipejpu sigarett, jonfħu d-duħħan f'wiċċ xulxin. L-irġiel baqgħu jduru magħhom.

Ġie Irlandiż jitlobni diska ta' l-aħħar, sakemm P. qed tintroduċini mat-tifla tagħha. Fi żmien xahrejn P. ser issir nanna, fl-eta ta' 42.

Tant kien edukat dan l-Irlandiż li ma flaħtx ngħidlu le. Saħansitra saqsieni x'kont ser nixrob talli ndoqqlu People are Strange tad-Doors.

Daqqejthielu, stennejtha tispiċċa, u sakemm ippakjajt l-aħħar CD lestejt Martini ieħor.

Fate bene, fratelli.

Eliminazzjoni (Ode lil Parreira)

Lanqas temmen, imma meta ma tkunx għalik tintebaħ biss f'dawk l-aħħar minuti. Meta tara l-isforz imma kollox jibqa' kif inhu. Tkun qed tara kollox iseħħ quddiemek imma ma tistax twaqqfu. U f'dawk l-aħħar erba' minuti tibda' tgħid li aħjar ma webbistx rasek. U li aħjar ma għedt xejn fil-konferenza stampa. U lil Ronaldo tibda tarah eħxen u eħxen, għarqan u tqil hekk kif qed jipprova jgħaddi minn ħdejn Thuram u ma jirnexxilux.

Ma hemmx x'tagħmel, hux. Kienet tkun ġurnata perfetta. Kellha tkun ġurnata perfetta. U baqgħet f'wiċċna. U f'pajjiżek, Carlos, qed jibku r-rebħa li kellha tkun, u ma kinitx.

X'taqbad tagħmel imma. Qbilt miegħek li saru l-iżbalji fid-difiża. U sewwa għedt li bħalissa aħjar nilagħqu l-feriti. Xejn xejn, dejjem aħjar milli tgħid lis-supporters biex jiżvogaw f'xi kafeterija ta' Frankfurt.

Jien ibellħuni niesek kultant, Carlos. Jaslu qabel logħba jdoqqu t-tnabar, kif għamlu mal-Kroazja. U għal naqa ma daqqewhx bina t-tambur, il-Kroati.

U ma' l-Awstralja konna aħjar imma mhux f'postna. Apprezzajt li bqajt temmen f'Ronaldo, avolja jien wieħed minn dawk li kieku anqas intellgħu mat-tlieta u għoxrin. U ma nafx kif ħallejt barra lil Fred, li jidħol u jiskorja kif għamel ma' l-Awstralja. Imma kif dejjem ngħid, il-kowċ tagħna jaf x'qed jagħmel.

Aktar minn ta' Franza, kont naħseb. Dak Domenech qatt ma għoġobni. Imma did-darba ħadmek. Ħadmek waħda tajba. Tefagħlek tnejn ikissru l-logħob f'nofs il-ground u għalaqlek lil Kaka u lil Ronaldinho. U dan ta' l-aħħar iktar ma kien qed ibati, iktar beda jagħżaq.

U mhux se noqgħod nitkellem aktar fuq il-logħba ta' Franza. Ma kienx ħaqqna ngħaddu, e basta. Reġgħu rebħu kif għamlu meta kien hemm Zagallo fin-98.

Carlos, tlajt 'il fuq f'kamarti bil-bandiera mdawra miegħi. X'diżappunt. Min jaf x'hemm tan-nies jibku f'Rio. Kemm għolejna kmieni, u għalxejn. Kemm ridnieha dit-tazza. Iddispjaċieni. Ħsibt li kont se trebbaħielna bħal tnax-il sena ilu. U ma flaħtx nara lil Cafu ħiereġ b'dak il-mod. Fuq it-Tv qbadt lil wieħed jixxabbat biex joffendih. Hekk mhux sew.

Dik hi il-logħba, jew għallinqas hekk jgħidu.

Blog Counter