Friday, June 30, 2006

Milano-Roma (Ta' Xbiex-Marsaskala)

Kien programm tajjeb, ħasra li nqata'. L-idea kienet tajba ħafna. Kienu jaqbdu żewġ ċelebritajiet Taljani, is-soltu jagħżlu karattru kwiet u jpoġġuħ ma' xi ħadd imqareb (per eżempju, lil Alessia Marcuzzi u lil Fabio Volo). Wieħed minnhom isuq minn Milan sa Ruma. Jgħaddu nofs ta' nhar flimkien f'din il-karozza, iparlaw fuq kollox, jiddieħku, iħarsu lejn il-kampanja.

Fabio Volo ikun fih siegħa. Ikissrek bid-daħk. U ġieli kien hemm Alba Parietti ukoll.

M'ilux qaluli li Ray Calleja għamel xi ħaġa simili, taparsi sewwieq ta' taxi. Jintervista lil dak u lill-ieħor.

Imma nsomma. Dalgħodu ħriġna jien u Tinu. Tliet siegħat fil-karozza, u kellna nsuqu lejn in-naħat t'isfel ta' Malta.

Bdejna minn Bormla. Ma nafx għalfejn, fit-triq int u ħiereġ mit-tunnels ta' ħdejn it-Tarzna, hemm skrun ta' vapur. Enormi, iswed, ikrah, u naħseb li ħadd ma jaf x'qed jagħmel hemmhekk fil-kantuniera tat-triq.

Wasalna l-Birgu. Il-pulizija, li kellu xi grad jew xi rikonoxximent (għax kellu badge żgħira bajda u blu fuq sidru) qalli li m'hemmx bandli l-Birgu. Fil-verità, dorna żewġ kantunieri u sibnieh ftit wara). Issa għall-Kalkara.

Kos, kemm ili ma nsuq l'hawn isfel. In-Nannu midfun ftit 'il bogħod minn hawn. Ta' min immur inħabbatlu ftit, imma mhux illum, għax inkella lil Tinu tibda taqbiżlu għax ibati bil-fwar tas-sħana.

Il-Kalkara dejjem sabiħa niftakarha. Saħansitra sabu lil min jieħu ħsieb il-ġonna. Kważi tinsieh dan ir-raħal ċkejken. L-aħħar li smajna bih kien meta riedu jiżviluppaw il-bini fil-Wied tal-Kalkara. U tagħhom għaddiet. Għalxejn tmiegħku ma' l-art in-nies tal-Graffiti, u ta' l-Alternattiva. U Mark Montebello. Dawk strambi wisq biex ikollhom raġun. Min jaf issa humiex strambi r-residenti tas-Sliema...

U bdejt inħossni qisni qiegħed f'nofs il-Guatemala. Nixfa tax-xemx kullimkien. Il-karozza sogħlot tnejn u tlaqna lejn Ħaż-Żabbar. Tinu ltaqa' ma' wieħed li għandu ħanut tal-ħwejjeġ, u flimkien qagħdu jgorru fuq kemm qegħdin fi stat ħażin.

Kulħadd jeqred.

Irħejnilha lejn Wied il-Għajn. Komplejna d-diskursati tas-soltu. Kollegi, xogħol, ekonomija, jekk hix worth it tixtri Megane, nisa, xorb, dieti. Flats u prezzijiet tal-propjetà. Ix-xemx li qed tiżreġ. Il-kelba ż-żgħira u l-ġirien tagħna. Il-ġirien ta' Tinu u l-ġnien tiegħu. Il-ħoss li qed jagħmlu l-bearings tal-karozza.

Ma domniex wisq ma wasalna Wied il-Għajn. Tara bandli ġmiel tiegħu, u ftakart f'dak ir-ritratt li kelli fiż-żmien meta, jekk taqa' hawn, issir aċċjomu (Malti għal ecce homo). Ritratt li rajtu f'dak l-album l-antik nett meta kien ġie z-ziju Josie d-dar tagħna. Fih hemm missieri b'rasu mimlija xagħar u ommi qed iżommuni fuq il-bandla.

Kemm għadda żmien, u kemm tela' sabiħ dan il-blokk flats, għedt lili nnifsi hemm kif ħarist 'il fuq lejn ir-raba' sular.

Erġajna tlajna fil-karozza. Soqna lejn pompa tal-petrol għax il-karozza kienet qoxqox. L-airconditioner qabbadni ħafna għatx u kont mejjet biex nidħlu lura l-uffiċċju. Did-darba, fit-triq lejn iż-Żejtun, tkellimna fuq il-billboards. U fit-triq lejn iż-Żurrieq intlift u dort ħażin xi tliet darbiet.

Malli wasalna Ħal Luqa Tinu beda jtambarli kontra l-immigranti illegali. Jew kontra l-immigrazjoni, ma nafx eżatt x'kienet il-problema. Xorta problema. Ksirna lejn ir-Raħal Ġdid u waqafna nixtru pastizz. Issa qbadnieha fuq fejn kont naħdem qabel, u fuq l-atmosfera tal-post. Tinu aqqas ried jemminni meta għedtlu l-kliem li qalli l-manager li kelli hemmhekk, ftit qabel ma tlaqt. Flok qalli good luck. Kos, toqgħod taħseb, aqqas tistennih kumment bħal dak.

Lil Tinu ħallejtu qrib l-uffiċċju tiegħu u soqt lejn tiegħi. Hemm tazz'ilma kiesħa silġ tistennieni. Sakemm...

Monday, June 19, 2006

Passjoni

Krystle ma riditx tħares. Jekk qabżu nofs-il grawnd ħames darbiet, il-ħames darbiet għażlet li ma tħarisx. U dawn kienu qed jilagħbu ma' Trinidad and Tobago, erba' gżejjer f'nofs il-Karibbew minn fejn ħarġu aktar atleti milli futbolers ta' kalibru.

Normalment Trinidad ikun fil-ħsibijiet tiegħi meta nkun qed nippjana dik il-vaganza fittizja fin-naħat ta' Kuba. Imbagħad, flok naqbad ajruplan lura lejn l-Ingilterra, immur niftaħ bar (bħal dak li kellhom ta' Magnum P.I.) u nagħmel karriera hemm.

Insomma, biex naqtagħha fil-qasir, l-Ingliżi qalgħu fwiedhom u rebħu 2-0. U Krystle, u eluf bħalha, ferħu qishom rebħu t-Tazza tad-Dinja. U eluf oħra (iżda mhux Krystle) ħarġu fit-toroq idoqqu l-ħornijiet, minkejja l-prezzijiet tal-petrol.

Filgħaxija kont xogħol il-Muddy's. Hemmhekk ikun hemm xeba' nies sly ta' team tal-Waterpolo. Muskoli u proteini mexjin weħidhom. Wieħed minnhom kien se jaqla ġlieda, għax skond hu sieħbu beżaqlu fuq il-gear ta' l-Ingliżi (li biex inkunu għedna kollox, jiġih żgħir). U kienet se tinqala' waħda. Filli jheddu, ixejjirlu id li fiha daqs sieq ta' mejda tal-billiard, filli jiżvoga fil-banketta. Kienu taħti eżatt u ma stajtx naħrab minn dik ix-xena.

"You spat on my f****n shirt... You don't spit on my f****n shirt!!" Baqa' jtenni din il-frażi għal kwarta sħiha, u kultant jiftakar jheddu b'minkbejh. Kienu qishom il-bulldog u l-kelb tal-but jiġri warajh, bħal dawk li kien ikun hemm fil-cartoons tal-Looney Tunes.

Fuq it-TV kieni se jibdew ixandru r-repeat tal-logħba. U għajjat, b'kemm tatu griżmejh, "send them victorious... GO BECKHAM, GO DAVID!!!" Jien ħarist lejh, b'nofs xoffa mniżżla sarkastikament, u tfajtlu xi ħaġa ta' Gavin de Graw biex forsi jikkalma ftit.

* * *
Dejjem il-Muddies, gimgħa wara. L-Ingliżi għaddew. Il-Brażil lagħbu ħażin. L-Argentina taw sitta lis-Serbja. It-Taljani rebħu 2-0 mal-Ghana u skond nofs il-gazzetti tagħhom kellhom ċans akbar jirbħu t-tazza.

U rajthom batuti ma' l-Amerikani. L-Amerikani kienu ffurmaw il-league fl-1993. Qabel dik is-sena, ħadd ma kien jaf x'jiġri eżatt fil-football. Hemmhekk jiddelettaw bil-baseball, bil-basketball, bil-hockey, bl-American Football.

Tant batew it-Taljani li malli skorjaw, qalgħu goal, u tkeċċa de Rossi. Tat-team tal-waterpolo li jżommu ma' Beckham u jwerżqu qishom nisa kull darba li jarawh, bdew jifirħu qishom donnhom rebħu s-Super 5. Lanqas ħaqq l-istorbju. Ta' quddiemi bdiet toffendihom, u meta ma bdietx tħarsilhom bl-ikrah kienet iddur tistaqsi jekk Toni kienx offside.

Steve, b'idejh f'xagħru, bilqiegħda ħdejn martu u ħdejn it-tfal, ma felaħx jara l-logħba. Baqgħet 1-1. Lejla xogħol iebsa se tkun.

Tat-team tal-waterpolo telqu 'l barra. Kellhom joħorġu wieħed wieħed għax inkella jekk jgħaddu ħdejn xulxin jeħlu fil-bieb.

* * *
Ronaldo daħal ġo 3 difensuri, żifen waħda, u tah lil Adriano. U Adriano bix-xellug skorja. Kważi tlett kwarti wara daħal ċertu wieħed Fred, li minn żewġ passi għamilhom 2-0. Illejla noħorġu ndoqqu?

Fuq Super 1 (u min, jekk le?) ġabu wieħed b' t-shirt isfar jgħajjat fil-kamera. "Brażil... iva... it-Tazza...... Brażil... kbar... Tazza..." Ma nafx eżatt kemm kellu żmien, imma naf żgur li meta kelli ħames snin kont diġa naf inġonġi dawk il-kelmiet f'sentenza waħda suret in-nies.

Kultant aħjar tkun tfal.

Friday, June 09, 2006

Fl-Aħħar...

Kemm ili nistennieha dil-ġurnata. Għad għandi l-gear ta' erba snin ilu, isfar jixgħel, b'żewġ linji ħodor neżlin mal-ġnub tiegħu. Jekk jarawni bih illum jidħku bija għax jidher antik. Imma jfakkarni f'ħafna episodji sbieħ, jien mat-TV u t-TV miegħi.

Ronaldo, b'dik il-frenza tal-waħx, għamel tlett kwarti iqabbiżhieli. Jitlef il-blalen. Jaqa' għaċ-ċajt. Il-Ġermanja m'għamlux ħafna ħoss, anqas. U mbagħad qam fuq tiegħu, żewġ xuttijiet, żewġ goals. Kahn ħawwad waħda minn tiegħu fuq it-tieni goal. U għadni niftakarhom kollha... Kleberson jofroq il-Belġju minn nofs... Junior jiskorja mal-Costa Rica (tajniehom ħamsa) u mbagħad jidħol ċertu wieħed Kaka fil-ground.

U mbagħad kien hemm l-iżball ta' Lucio u l-goal ta' Owen. Kemm ma ħmilthomx dakinhar. U mbagħad niftakar kif Ronaldinho seraq ballun lil Scholes u tah lil Rivaldo. 1-1. Soqt bħal indannat lejn l-Universita għax kelli presentation ma' Ġorġ Mallia. Dak li jpinġi fit-Times.

Ġejt għala biebi. Goal ta' Ronaldinho, 2-1. Seaman barra mil-lasta. Għaddejna. Oqogħdu hemm, tlett iljuni.

Imbagħad Denilson jiġri mal-ground, b'ħames difensuri Torok jiġru warajh. Ma nafx x'fettillhom jikxfu difiża sħiħa. U minkejja l-għaġeb kollu li kien għamel Senol Gunes, il-kowċ tat-Torok, li kien tkellem dwar "ġurnata kbira li wliedna ser jibqgħu jiftakru" - donnhom kienu sejrin fuq xi kampanja f'isem l-Imperu - xorta għaddew il-Brażil.

U xeni oħra. Il-messaġġ ta' sieħbi Karl wara li l-Ingilterra rebħu mad-Danimarka ("issa intom imiss"). Alfred jogħla quddiem it-TV hekk kif skorja Montella mal-Messiku, imma r-referee kien ħassarulu. Trapattoni jixxutja flixkun tal-plastik waqt logħba mal-Korea (għal ftit ma laqatx lil Nesta).

Das-sajf għandi fuqhiex noħlom. Forsi wasal iż-żmien nixtri gear ieħor. Forsi jkollna sitt stilel, u dak ta' b'erba jsib postu fil-frame u ndendlu fil-kamra tiegħi. Dis-sena erġajna biċ-ċans.

Hemm Robinho. Hemm Kaka'. Hemm Juninho Pernambucano, li jekk jagħti freekick tara xejn li jitfgħu ġewwa. Hemm Cris u Luisao, żewġ difensuri li huma bil-qabda aħjar minn Roque Junior u Edmilson, li kienu jbeżżgħuni kull darba li jersaq ballun lejhom. Mhux se noqgħod insemmi l-ismijiet li kull ġurnalist isemmi. Il-plejers kbar kulħadd jaf min huma, x'jagħmlu, x'jisimhom in-nisa tagħhom, u kemm jieħdu fil-ġimgħa.

Se nsemmi biss il-kuluri.

It-Tazza tad-Dinja hekk hi... jew kuluri, jew duluri.

Friday, June 02, 2006

Bard u Tama

Kont qed nieħu gost, imxaħxaħ f'sodti wara ikla tajba. Ikla daqsxejn tqila. Tliet biċċiet laħam tal-majjal. Dan l-aħħar xahrejn iffissajt fil-proteina, u kull fejn immur sirt infittixha. Ma nħallihiex taħrabli. Insus għaliha u niġri warajha. Proteina. Int se ssolvi kollox... kollox... kollox... u rqadt.

X'ħin qomt kienu diġa saru d-disgħa u nofs. U fid-disgħa u nofs suppost li kont miftiehem. Suppost kont hemmhekk. Dik in-nagħsa ħelwa kienet kważi kkonvinċietni biex nagħmel bħal nhar ta' Ġimgħa filgħaxija, jiġifieri, indur fuq ġenb ieħor u malli ommi tiġi tqajjimni ngħidilha li mhux ħiereġ. Imbagħad kemm nitfi t-TV (ikun hemm xi CSI jew xi ħaga hekk) u norqod sa l-għada fl-għaxra ta' filgħodu.

Did-darba qomt. Kelli żewġ messaġġi. Wieħed minnhom kien ta' Kurt. Is-sibt hemm BBQ, filgħaxija. Imma dak ser ikolli nitilfu għax Steve iridni naħdimha. Għadni ġej mill-kunċert ta' l-Eagles u taċ-ċajt ma nidħolx għat-tieni weekend in fila.

Inżilt isfel mingħajr ma rrispondejt lil Kurt. Missieri kien qed jara lit-Taljani. 1-1 ma' l-iSvizzera. F'qalbi għedt li bħas-soltu jibdew jimlew għajnhom li ser jirbħu l-World Cup, imbagħad ikunu fost ta' l-ewwel li jaqbdu l-ajruplan lura lejn pajjiżhom.

U mbagħad iċċekkjajt il-messaġġ l-ieħor. Kien tagħha. Illejla ħerġin, hux? Heqq, iva, la tajtek kelmti.

Kemm jien ċuċ. Dix-xawer qed naraha żejda. Għandi għajnejja mejtin biex jingħalqu. L-ilma għadu ma saħanx. U ħsibijiet bħal dawn baqgħu għaddejjin waqt dik ix-xawer kiefra. Meta nqum fin-nofs veru nqum ħażin.

* * *
Fuq Radio Deejay kien għaddej Joe T. Vannelli. Raġuni oħra biex nibqa' ġewwa. Imma la tajt kelmti...

Ċuċ, erġajt għedt lili nnifsi hekk kif ftaħt il-bieb ta' barra. Kont għadni qed inħoss wiċċi u ħalqi daqsxejn strambi minn dik in-nagħsa maqtugħa fin-nofs. Għaddiet dehxa minn ġo fija, mhux ta' biża imma. Ir-riħ kien qed jonfoħ u bdiet taqa' is-sirda.

Flok fl-għaxra u nofs wasalt fil-ħdax neqsin kwart. Hi kienet diġa bagħtet biex issaqsini wasaltx. Ħsibt se nsibha tistenna fil-parking b'geddum daqs dinja u nervi ta' bagħal. Ma nafx jekk hux dak li kont qed nixtieq.

Le, kienet għadha d-dar. Tagħmel xaharha. Tqabbel żarbun mal-handbag. Jew forsi qed tistenna l-logħba tat-Taljani tispiċċa? U le kienet ilha li spiċċat il-logħba.

Għaddiet nofsiegħa tajba. Daqt ġejja qaltli. Saħansitra ċemplitli. Titlaqx. Le, hawn qiegħed, għedtilha.

Fil-verita' kienet tatni idea tajba, dik li nitlaq. Spiċċat Painted on my Heart ta' the Cult. Bdiet Beautiful Day ta' Three Colours Red. U f'daqqa waħda tfaċċat il-karozza tagħha. Kienet ma' seħbitha.

Ipparkjat ta' kif ġie ġie u ħarget mill-bieba l-oħra għax ma setgħatx tiftaħ tagħha. Konna ilna żmien ma naraw lil xulxin imma kollox baqa' qisu lbieraħ. U naħseb anke tletin sena oħra l-affarijiet hekk jibqgħu. Ma jidħolx xaqq dawl ta' tama.

Inżilna lejn ta' Chris u wasalna mal-bar. Bilwieqfa. Riħ qawwi dieħel f'sidri. Ksaħt kważi mill-ewwel. Hi ħadet l-ewwel vodka coke u bdiet tgħid il-ħmerijiet. Jien ħadt it-tieni Jack Coke u għedt l-ewwel talba.

Siegħa u nofs wara ħarist lejn l-arloġġ u rringrazzjajt lil Alla li kien għadda biżżejjed ħin biex nitlaq mingħajr ma jaħsbu li kont iddejjaqt, jew jgħidu li jien stramb. Saħħiet, ħa mmur għax għada nibda xogħol fit-tmienja u kwart.

Startjajt, u ħrabt. Ħarist fil-mera ta' wara u rajt id-distanza bejni u bejn l-illużjoni tikber, dejjem tikber.

Blog Counter