Sunday, May 28, 2006

The Eagles u Jien

Kemm hi sabiħa Ruma. Anke jekk sen'ilu kont diġa rajt il-monumenti, u ġbidt ritratt lil kulma kien tal-granit u allura ma setgħatx tiċċaqlaq, il-mixja madwar Ruma xorta gawdejtha.

Konna tfarrakna, mexjin minn ħdejn il-Kolissew sa l-Olimpico. Imma s-sena l-oħra ġejna naraw il-U2, u allura kull sagrifiċċju li għamilna kien f'waqtu.

Dis-sena ġejna naraw l-Eagles. Dawk ta' Hotel California, biex niftiehmu. L-aħwa Tanti ltaqgħu Ruma bis-saħħa ta' dan il-kuncert. Anna, Joe u Vince għexu żgħożithom meta l-Eagles kienu qed jiktbu l-parti tagħhom fl-istorja tal-mużika. Jien, li bħas-soltu dejjem tard, twelidt fiż-żmien meta kont tixgħel ir-radju u tisma' lil Spandau Ballet u Duran Duran (bħal meta tkun qed tqalleb l-istazzjonijiet tar-radju fil-karozza u tinzerta fuq Capital Radio).

Joe kien bgħatli messaġġ fis-sitta u nofs ta' filgħodu dwar dan il-kunċert. Hu kien ilu sagħtejn imqajjem, jagħmel il-programm fuq is-Super 1. Jien kont għadni mxaħxaħ fis-sodda ngawdi dik l-aħħar nofsiegħa qabel ma nitkaxkar lejn ix-xawer, għax ix-xoghol salmura tal-gisem. Malli rajt il-messaġġ tiegħu, għedt "ara dan kemm iqum fuq tiegħu filgħodu..." u erġajt dort lejn l-imħadda.

Il-pjan, bħal tas-sena l-ohra, kien li mmorru noqogħdu għand oht Joe, li tgħix Ruma. Ma nafx nistax ngħajtilha zija Marija, iżda tant għamlet magħna li tfakkarni f'dik iz-zija li tgħix il-boghod ħafna, u tilqgħek b'qalb kbira u bil-paċenzja ta' Ġob.

Ftit issib bħal dawn in-nies. Bil-familja tagħha b'kollox.

* * *
Fil-PalaLottomatica ssoltu jilagħbu l-baskitbol. Sala kbira, magħluqa b'saqaf, tilqa' nies fiha mhux ħazin. L-Eagles kellhom idoqqu fl-Olimpico imma ċaqalqu kollox lejn din is-sala, u bejni u bejn ruhi ħsibt li ahjar hekk.

Wasalna lejn it-tmienja, bejn wieħed u ieħor nofsiegħa qabel ma kellhom jitilgħu l-artisti. Barra bdew ibiegħu it-t shirts bil-prezz ta' tletin ewro. Mhux ħazin.

Il-PalaLottomatica bdiet timtela' bil-mod. Aħna sibna post fit-tielet sular, fil-ġenb tax-xellug, u stajna naraw kważi kollox (ħlief għad-drummer). Għamilna siegħa nistennew lil The Eagles ġejjin. It-Taljani bdew jitilfu l-paċenzja. Ma tistax tkun minuta tard, għax inkella tibda dik iċ-ċapċipa sarkastika, segwita minn tisfir li jtarrax. Minjaf xi tħoss, tkun qiegħed tipprepara sagħtejn mużika u tismagħhom isaffrulek qabel ma biss bdejt iddoqq. Jew forsi, ħsibt bejni u bejn ruħi, qed jaraw DVD u riedu jlestuh qabel ma jitilgħu.

Sadattant, ta' warajja bdiet tgħid u tgħid, u tant drajtha li meta waqfet (kemm tieħu boqqa ilma) ħsibt li ttarraxt.

Fl-aħħar telgħu. Bejniethom kellhom tlett mitt sena.
Take it Easy kienet l-ewwel diska. Ma kontx naf kif inhuma, minn wiċċhom. Glenn Frey, gitarra u vocals, kien libes jeans u sidrija sewda, bħal dawk tal-country. Joe Walsh, il-bjond, gitarra u vocals hu wkoll, kien liebes flokk aħmar li ma tantx ħadem biex jgħattilu ż-żaqq. Don Henley, drums u vocals, ukoll kien iżżaqqaq mhux ħażin.

L-iktar wieħed li laqatni kien il-bassist, Timothy Schmitt. Figura pulita, xagħar twil. Preċiż daqs arloġġ Svizzeru. Ħasra li kollox beda jirbombja fis-sala u ntilef xi ftit mill-ħoss tal-bass.

Ma stajtx ma nitbissimx nara lill-aħwa jieħdu gost daqshekk, donnhom marru lura b'għoxrin sena. Vince kien jaf id-diski kelma b'kelma. Jien xtaqt li stajt ingawdihom aktar. Imma, jien wasalt għaxar snin tard.

L-Eagles mhux li bdew itajru n-nar minn idejhom fil-bidu tal-kunċert. Ħafna country. Ħin minnhom innutajt lil Joe Walsh idoqq bilqiegħda fuq amplifier. Ma tantx kellu aptitha llejla, lanqas ħaqq ħallew id-DVD fin-nofs.

Intervall. Nies jaraw minn fejn se jixtru l-ilma. Wieħed minn Reggio Calabria jsaqsini x'temp jagħmel waqt is-sajf Malti. Ta' warajja reġgħet bdiet ittaqtaq. U parti mill-għoxrin elf ruħ reġgħu bdew isaffru. Tuhom kwarta ċans, ħsibt bejni u bejn ruħi.

Meta reġgħu telgħu għat-tieni parti, kienu bilqiegħda fuq il-banketti. U fis-set unplugged li għamlu, kollha kantaw xi diska jew oħra. Frey, Walsh, u Schmitt li kellu leħen ta' mara. Anke Henley. F'din il-band kulħadd leader.

Imbagħad bdew juru x'jafu. Walsh beda jilgħab bil-gitarra. Daqqew id-diski li Don Henley kien ħareġ waħdu (Boys of Summer u Dirty Laundry). Is-session musicians (jazz quartet, kitarrist ieħor, u percussionist) bellħuni. Tajbin immens. Minjaf x'unur tkun fuq tour ma' l-Eagles. U għamluhom kollha, l-hits li kont nisma' li Joe kien idoqq meta konna naħdmu il-Calypso.

Għamlu tlett encores. Taw sorpriża meta ħareġ dak l-Olandiż, idoqq it-trumbetta, u daħlu bil-mod f'Hotel California. Joe Walsh għamel
instrumental bil-gitarra u bil-kazoo.

Meta għalqu b'Desperado, li kulħadd kien għadu qed jistenna, fhimt għalfejn kienu għamlu daqshekk isem.

U l-aħwa Tanti kellhom l-istess tbissima soddisfatta fuq wiċċhom. Kienu għadhom kif raw il-leġġenda li xegħlet ftit mill-isbaħ snin ta' ħajjithom. L-istess kif kont jien meta, aħna u ħerġin mill-Olimpico sena ilu, dort fuq Joe u għedtlu "Aqqas nista' nemmen. Rajt lill-U2. Rajthom jagħmlu Zoo Station..."

* * *
Joe għamel skoss storbju u qajjimni. "Siegħa oħra mmorru." Siegħa oħra mmorru lura Malta. Dak tat-toroq bl-iskossi. Mill-pajjiż ta' Fiorello għal dak ta' Montesin. Minn Biagio Antonacci għal Faniello. Lejn it-Tnejn filgħodu fi Triq Diċembru Tlettax. Din id-darba, veru xtaqt nerġa' indur lejn l-imħadda. Imma r-riħa tal-kafe kienet qawwija wisq.

Grazzi ta' kollox, Marija.

Saturday, May 27, 2006

Bertolino

Ġejna kmieni wisq. L-ajruplan għal Fiumicino jitlaq fis-sitta u sagħtejn fid-departures ta' Ħal Luqa veru ħela ta' ħin.

Joe u Anna jafu kważi lil kulħadd. Waħda li taħdem fid-Duty Free tax-xorb weħlet tparla ma' Joe. Id-diskursati kienu dwar it-tfal, il-kunċert li konna sejrin naraw, sigaretti, min se jkollu tifel, u kemm idoqq tajjeb sat-tmienja ta' filgħodu. Dak il-basket li kelli fuq spallti bdejt inħossu tqil, tant li bdejt naħseb li mlejt il-basket bil-blat.

F'daqqa waħda tfaċċa wiċċ familjari. Imma mhux Malti. Kont għadni kif rajtu l-lejl ta' qabel fuq ir-Raitre.

"Joe, ara min hawn!"
"Min?" Joe baqa jikteb il-messaġġ.
"Joe..." Ġbidtu ftit mill-flokk.

Joe għolla rasu u rah. Ħariġlu fin-nofs, lest biex jeħodlu b'idejh. Dak il-ħin ma setax jiġih f'rasu x'kien jismu, imma ftakar li kien komiku interist. Hemm ħafna minnhom l-Italja. L-intersti kollha jdaħħku.

"Dottor Bertolino..." qbiżt jien, bejn għax il-mossa ta' Joe neħħietli l-mistħija (għax jien ma kontx ser inwaqqfu) u bejn biex insalva lil sieħbi minn figura di merda.

"Cavaliere Bertolino," wieġeb hu bit-tbissima ta' fuq it-TV. Kif inti? Rajtek fuq ir-Rai3 ilbieraħ filgħaxija (Glob, L'Osceno del Villaggio). Jien interist. Jien Milanist. Ritratt.

Wara ftit ilmaħtu qed jixtri bott kappar u xi żejt taż-żebbuġ għal ommu. Beda jispjega bl-Ingliż lil dak tal-ħanut li weħlet ma' Joe kif ommu għamlitlu premura biex iġibilha l-kappar minn Malta. U wara ftit erġajna qbadna nparlaw. Kien qiegħed Malta fuq konferenza. Hu jaħdem fl-assigurazzjoni bħala konsulent, u hemmhekk ma tantx naħseb li jista' jgħid ċajt u jżellaq il-loġika fina, sarkastika tiegħu, imħawra bl-esperjenza ta' tletin sena komiċita' f'Milan.

Komplejna diskursata qasira qisna ilna nafuh sentejn. Sejrin naraw l-Eagles. Jien DJ, qallu Joe... anke Wayne. Ir-radios differenti hawn Malta. Jien nisma' lil Linus kull filgħodu, għedtlu. Radio Deejay kbar ħafna l-Italja, weġibni.

Saħħiet, u l-vjaġġ it-tajjeb. Enrico Bertolino mexa lejn il-gate mal-mara/kollega tiegħu.

"Dak Enrico Bertolino..." għedt lil Vince.
"Ehe?... erm. Min hu Bertolino?"

Sunday, May 21, 2006

Wara r-Riklami

Kemm ili ma nikteb. Kemm ghadda zmien mill-ahhar wahda. U graw hafna affarijiet minn dakinhar. Se ntarrfilkom xi ftit.

Mela... lestu t-te.

L-ewwel wahda kienet li biddilt ix-xoghol. Qed nahdem ma' kumpannija ta' l-assigurazzjoni. Ghandi aktar minn mitt kollega, ghadni aqqas iltqajt ma' nofshom u dawk li ltqajt maghhom, nofshom insejt x'jisimhom. Il-maniger tieghi orrajt hafna, mara sew. Ohtha direttrici. U hemm aktar nies mill-familja li ghandhom karigi fil-kumpanija.

Bdejt nahdem hemm fil-bidu ta' Mejju. L-atmosfera tajba hafna. Ghalissa qeghdin tlieta f'kamra, ghax ftit qabli dahlet executive ohra, Ghawdxija.

Ma' xi ftit mill-ohrajn diga qed nikklikkja. It-tieni gurnata tax-xoghol kellna ikla l-iMdina ma' ta' l-ufficcju l-iehor. U t-tlieta li ghadda morna nilaghbu football ghax gej league bejn l-insurances. X'team ghandna.

Hbatt se naghmel in-nervi, l-ewwel gurnata xoghol. Fit-tmienja u ghaxra ghadni mwahhal il-Marsa fit-traffiku. Becky baghtet messagg biex tghidli good luck u kwazi bikkietni. Fid-disgha neqsin ghaxra baghtu messagg Alessandro u Mark. Jien kont ghadni qed nidra d-desk il-gdid, baxx u mahmug minn taht. U dak daqqli tikk ikrah.

Ma damx ma ghadda, izda.

Ma' Alessandro u ma' l-ohrajn iltqajt xi gimgha ilu, il-Jubilee. Lara kienet ghadha gejja minn tliet gimghat it-Tajlandja. Thobb issiefer hafna. U peress li l-ahhar li rajtha kien kwazi xahar ilu, inzilna niehdu xi haga fil-post tas-soltu.

Jew ghax niltaqghu kultant, jew ghax qed nidra sew fil-post il-gdid, imma qisni ma tantx ghadni nibkiehom.

* * *
L-Italja bhalissa hemm kollox ta' taht fuq. Dan Moggi, ukoll. Il-garra gejja u sejra fl-ahhar tinkiser. Tieghu ixxaqqet, inkisret u nfaqghet f'daqqa. U gherrqet kollox maghha.

Mhux se nzid mal-gazzetti, mat-televizjoni Taljana, internet u esperti ohra. Kulma ser nghidilkom huwa li qrajt blogg tajjeb hafna ta' Pierre Mejlak. Mhux se nghidilkom aktar imma, aqrawh, u gawduh.

Blog Counter