Thursday, April 17, 2008

Kafe Konġesto

Il-bonġu ta' kull filgħodu qed jibbies aktar ma nikber.

Fiż-żmien kont insib xi biċċa ħobż mixwija tistennini fuq il-mejda, naqra butir jew ġamm, flimkien ma' kafe ħafif b'waħda zokkor. Lil ommi kont ngħidilha li nieħu tnejn zokkor. Dak iż-żmien kienuet tinkwieta xi ftit dwar is-saħħa ta' snieni u għaldaqstant kienet "tbellagħli" waħda zokkor anqas. Fi żmien kont inqum fis-sitta ta' filgħodu, ninħasel b'xi ftit kalma, naħli l-misħun li jkun għad fadal fil-geezer sabiex min jidħol warajja joħroġ mix-xawer ibati mill-ipotermja.

Imbagħad, l-uniformi tas-soltu, bil-ġlekk blu, il-qmis bajda u l-ingravata bajda u ħamra, assortiment ikkonċeput minn xi manijaku Ġiżwita bil-ħsieb li jistordi lil kull min jiltaqa' mal-povru student. Speċjalment l-għalliem lajku, żgħir fl-eta, twil u bil-leħja donnu ribell Żapatist.

Il-vann tal-Bafflu kont tisimgħu jżomm il-brejk minn ħdejn tal-Brumi, Ħaż-Żabbar, avolja inti, fis-sebgħa neqsin kwart ta' filgħodu, qed tistennih jiġbrok minn ħdejn ir-Razzett tal-Ħbiberija f'Wied il-Għajn.

* * *
Wara sebgħa snin Kulleġġ, fejn dħalt innoċenti u ħriġt korrott, kważi lest għall-politika, infetħu l-bibien ta' l-Universita'.

Addio ħobż mixwi u vann tal-Bafflu. Issa kollox idur mat-timetable tal-lezzjonijiet. Pereżempju, it-Tnejn filgħodu fit-tmienja konna nsibu ma' wiċċna lill-Professur Xuereb tal-EDRC (European Documentation and Research Centre, l-ewwel darba li smajt bih ħsibtu xi proġett spajzali illegali) li kien ifhiemna xi ftit affarijiet dwar il-liġijiet ta' l-Unjoni Ewropea. U mbagħad il-Ħamis ma kontx nibda qabel il-ħdax ta' filgħodu.

Flok uniformijiet u ġlekkijiet blu (parenteżi żgħira, kelli sentejn Sixth Form bl-istess erba' flokkijiet ta' l-Iron Maiden, fi żmien meta kelli ħafna xagħar u gosti tal-mużika oxxeni) beda ż-żmien tal-jeans, u l-polo neck biex nidhru ntellettwali. Il-ħobża mixwija ta' kull filgħodu kont nibdilha ma' sigarett u tazza kafe' kważi bierda li żifnet tmenin metru mill-canteen sal-quadrangle. Ix-xemx tkun għadha bilkemm telgħet u diġa kont inkun qed inħabbel moħħi fuq il-Chi Squares ta' Salvu Chircop.

* * *
Ave, dinja tax-xogħol. Meta bdejt naħdem full-time kważi ħames snin ilu, kont inqum filgħodu kmieni, fis-sitta u nofs, inqaxxar il-leħja, naħsel wiċċi, inlesti l-ġlekk u ngħallaq miegħi l-ingravata... issa sirt ieħor mill-Ġemgħa.

Il-Ġemgħa tiltaqa' kull filgħodu. Il-membri tagħha huma stabbiliti u għandhom eta' li tvarja mit-tmintax-il sena sas-sittin, wieħed u sittin. Kulħadd għandu wiċċ, isem, dagħwa favorita, uġigħ fis-sieq ix-xellugija (dik tal-clutch) u ħarsa bierda lejn l-arloġġ, jgħoddu l-minuti li għad fadal sabiex jibdew jinkwetaw serjament dwar il-futur tal-ġurnata tagħhom.

Il-Ġemgħa hija mażunerija siekta li m'għandha ebda funzjoni aktar milli taħli l-petrol jew diesel tad-dinja u tarmih fl-arja. M'għandha poter la mal-pulizija, la mal-Kunsilli Lokali, u lanqas ma' min irid futur għas-sewwieqa tal-karozzi tal-linja f'Malta. Hija organizzazzjoni maqsuma f'ċelloli, iżda ma tafx fejn hu r-ras u fejn hu s-sieq. Wara d-disgħa ta' filgħodu l-Ġemgħa xxolji, u terġa tiltaqa' f'seduta oħra li tibda mill-erbgħa ta' wara nofsinhar u tkompli sas-sitta u nofs ta' filgħaxija, fost tamiet ta' għaġin biz-zalza tat-tadam, xogħol li għad irid isir mid-dar, it-tfal u l-kelb jistennew ħerqana, u ftit tal-ħin lilhinn mit-telefonati ta' Anna li dejjem tistaqsi l-istess ħaġa. Fil-Ġemgħa hemm simpatija reċiproka li tesprimi ruħha f'għajat u hornijiet u tgħajjir lir-razza u r-radika.

* * *
Fil-bidu kont membru daqsxejn niexef tal-Ġemgħa. Kont nasal għax-xogħol fis-sebgħa u nofs. Kien ikun hemm Joe li jmur jiġri fil-ħamsa ta' filgħodu u l-bieb kont insibu mbexxaq. Kont inkewwes kafe fil-ħemda, f'dak l-appartament ġonġut ma' ieħor bl-addoċċ, f'Ta' Xbiex. Kien qisu vulkan lest biex jisplodi f'xita tan-nar. Siegħa wara kont immur nibla' kafe ieħor sabiex jgħaddini mill-paniku organiżżat ta' filgħodu.

* * *
Bin-nejk in-nejk, għaddew ħames snin.
* * *
Dalgħodu wasalt tard. Qiegħed f'uffiċċju akbar u aktar arjuż iżda dejjem f'Ta' Xbiex. Kelli argument ħafif ma' Pulizija għax kont membru ribelluż tal-Ġemgħa; daqqejt il-horn. Is-sistema awtomatika, qalli dak. Kieku ġieni l-kuraġġ kont ngħidlu darb'oħra, inġibu erba robots u norbtulhom imħadda ma' żaqqhom biex jiġu jixbħuk. Iżda għedtlu biss, Skużani, bonġu. Kemm jien bla bajd.

Kwarta wara qiegħed biss kilometru 'il bogħod. Fil-kċina ta' kull filgħodu. Hemm kollega qed ilesti sittax-il kafe għal fuq gabarre li jesgħa tnax. It-traġedja hija kważi ċerta.

Il-kafe iswed tiegħi, mimli sa tliet kwarti tal-magg b'waħda zokkor fih, qed iterter fuq il-bank il-kbir. Sieħbi qed jispjegali kif mar fl-eżami tal-liġi ta' l-assigurazzjoni. Il-microwave qed idur u jrejjaħ.

Irejjaħ bl-ikrah. Hemm tazza ħalib sħiħa li għandha minuta ddur fuqha nnifisha, ma' kull punt ta' grad li tisħon tarmi riħa li tifga' kull m'hemm. Sieħbi kellu ħarsa ta' wieħed li xtaq jiskuża ruħu minħabba l-indulġenzi ta' xi ħadd fid-dipartiment tiegħu.

Għalaqt it-toqob ta' mnieħri u ħtaft il-magg, għamilt pass meqjus lejn il-bieb u ħrabt minn dik ir-riħa taqsam. Ta' min nibgħat dik l-email, dalgħodu, b'talba ċkejkna u rħisa li se ssalvani mill-irwejjaħ ta' ħalib mgħolli, gamumilla, fusilli bis-salamun li sajret Rosie ta' l-A1, u pot noodles.

L-għadu etern tiegħi, il-pot noodles. Hemm xi kaxxa x'imkien fl-uffiċċju li minnha jieklu kuljum ħmistax-il ruħ, parti minn dieta stramba għaġin qasir u pallidu mgħarraq fl-ilma, maħsuba min-nutritionist ta' Pavarotti li qabel is-sajf beħsiebha ġġibek irqaq minn stekkin. Kultant, għall-gost, hemm min iqatta' xi ftit zunnarija jew faqqiegħ. Saħansitra ketchup.

Iva, illum nibgħatha dik l-email. Fil-lift qed nippjana l-kitba:

"Dear Mr Dalai Lama


Hope this email finds you well.

I forgot to mention in yesterday's email a minor point concerning the circulation of air in the common areas. Could we have an extractor in the kitchen area to ease a substantial chunk of the problem?

Many thanks in advance,


Wayne"

Ġbart ilsieni lura f'ħalqi. Iżda lanqas ilħaqt għamilt il-magg ma' ħalqi li ma nismax ħoss ta' brejk qawwi ġej mit-tielet sular. Kien donnu l-vann tal-Bafflu, iżda dan ma kellux bżonn żejt biex ma jagħmilx ħoss.

L-imgħallem kien qed jibgħatni nieħdu.

2 Comments:

Anonymous Anonymous said...

Kien kwazi nofs seklu ilu li ommi fhemet il-bzonn li id-dinja ghandha bzonn halq iehor biex izid fid-dagha, kliem ghoxxen, fil-guh u l-ghatx u infieq ta flus. Mis-sold ghad-decimali ghall-ewro u min jaf forsi fil-futur ghal lira spazjali.

Jekk hemm haga li tghallimt tul daz -zmien kollu hi li meta tghodd iz-zmien kollu li ghamilt hawn, tghodd ix-xoghol li bdilt u il-kuncerti li rajt,u l-istazzjonijiet li bdilt, jghodd ghal hajja wahda biss. Vera, hemm minn jemmen (wara xi trip fuq il-kannabis) li wara il-mewt tigi lura xadina kannella b'sorm roza. Imma id-DNA tieghi (laburist) inserta jieqaf mat-trab fuq it-tebut.

Allura iddecidejt li il-hajja li ghad ghandi inqattaha ma l-ahjar nies ghalija, fl-ahjar post ghalija u nghamel dak li hemm cans li ghada ma jkollix cans nghamel...life iz nau!!!


Joe Tanti

8:37 PM  
Blogger Sandro Vella said...

My congratulations Wayne.

Somebody voted for this blog post. This vote is valid for the blog of the month (April 2008) and the blog of year (2008).

The thoughts of the voter:
"The way the blogger writes in Maltese simply fascinates me."

Visit www.sandrovella.org for more info about this competition.

10:45 AM  

Post a Comment

<< Home

Blog Counter