Friday, August 04, 2006

L-Ewwel BBQ tax-Xogħol

Fis-sentejn li għaddew, meta kont għadni naħdem ma' dawk, il-BBQ tax-xogħol kien ikun mistenni daqs l-Oktoberfest fil-Ġermanja. U kien jiġi bejn wieħed u ieħor kulħadd, anke x-xjuħ nett (li kienu biss tnejn, li Sean kien laqqamhom The Witches of Eastwick).

L-ewwel sena konna għamilnieh f'Settembru, għax fl-aħħar ta' Lulju kien ħalliena Mario Ellul, li kien jaħdem mal-Blaze, u dik is-sajjetta kerha kienet neħħitilna l-aptit kollu li nagħmlu ikliet. Morna Hola Beach, il-Marfa, f'rokna mill-imperu taċ-Ċaqnu. Ma tantx kien hemm wisq biex tieħu gost. Ma garrejniex la fuq l-ikel u anqas fuq ix-xorb, avolja kien dlam ċappa u triq toqgħod attent fejn timxi.

Ma konniex xurbana wisq imma niftakar li bdiet gwerra bil-biċċiet tal-ħobż. Jekk m'inix sejjer żball kien bdieha James Vella Clark. Ftit wara ovvjament laqtu lil Victor il-Balla li normalment ma jiħux gost meta jkunu għaddejjin dan it-tip ta' bawxati. Becky bdiet twerżaq biex nieqfu u tipprova teħdilna l-ħobż minn quddiemna. Eventwalment qam il-Balla b'ġebla f'idejh u hedded li jwaddabhielna, u l-ewwel wieħed fil-lista kellu jkun Sean.

Imbagħad kien hemm 'sieħbi' il-Pete, li waddab waħda lili u laqatni bit-tazza ta' l-inbid f'idejja. Inħsilt jien u miegħi Jessica. Ma ġara xejn.

"Issa jekk int bully aħsel lilu..." qalli xi ħadd. Min qalha mhux ser insemmih, imma kien jaf li kien hemm, biex insejħilha hekk, it-tensjoni bejni u bejn Peter. Mhux minħabba dik il-qatra nbid. Kienet ilha għaddejja mill-ewwel ġurnata li dħalt naħdem hemm.

Kemm inħobbha dik il-frażi ta' Bono: Ambition Bites the Nails of Success. Jekk tħares f'għajnejn Peter kont tara l-kurrent ta l-ambizzjoni mqita tiegħu, u s-suċċess kien jaħdem għalih billi jitla' minn fuqi. U jien niddejjaq inkun banketta taħt saqajn ħaddieħor.

Insomma. Jien qomt, b'daħka fuq wiċċi, u ferrajtlu qiegħ, żewġ qatriet ta' tazza nbid ġo dahru.

Donnu sploda l-Etna. Ħa għalih, kif qalli ftit wara, għax ridt nagħmel punt quddiem ħaddieħor. Hu kien diġa xeba jagħmilha. Fost theddid u affarijiet oħra, sa wasal biex tefa l-irmied tas-sigarett li kien qed ipejjep f'idejja. Hekk mhux sew xbin.

Wara ftit tefgħuni l-baħar (għax kont il-ġdid) u x'ħin tlajt mort ngħannaq waħda lil Pete. U dak ta' kesaħlu li kien imbuttani l'hemm u qalli "Don't touch me". L-oħrajn ħasbu li nqalgħet ġlieda u ġew iwaqqfuna. Fosthom missier il-Bianco. Il-Fabri rani mdejjaq b'li ġara u qalli, "Tinkwetax, in-nies indunaw min hu t-tifel żgħir." Għallinqas, xi ħadd tani punt.

L-għada fil-kamra ta' Psaila kellna nidħlu nitkellmuha. Jien bqajt ma ħaristx lejn Pete, taparsi kelli għonqi iebes, minkejja li qalli Bongu u ħafna lagħaq tal-pett taż-żarbun quddiem il-Psaila. Il-Psaila lesta l-bla bla tas-soltu tiegħu u bgħatna fil-paċi b'karta safra - jekk tkompli din il-biċċa tax-xogħol bejnietna kien se jieħu l-miżuri. Hekk xtaqt jien.

* * *

Is-sena ta' wara morna Portomaso. X'lussu. Ma kienx hemm Pete, Vicky ukoll kienet telqitna. Sieħbi Jonny kien se jitlaqna għal kollox ukoll.

Ħriġna wara nofsinhar kmieni, morna fil-pool, fejn il-Hopleaf tiswa madwar lira. Spiċċajna morna jien u Jean Pierre nixtru l-birer mis-supermarket u daħħalniehom minn taħt. Għaddejna siegħa tajba, minkejja iż-żewġ mixjiet ma' Portomaso biex inġib ħwejġi mill-karozza. Il-mument memorabbli tal-lejla: eżibizzjonijiet ċensurabbli waqt il-ħin tad-doċċa, b'attendenza qawwija ta' nisa fis-showers ta' l-irġiel.

Wasalt id-dar fl-erbgħa ta' filgħodu dakinhar, fejn is-sena ta' qabel kont id-dar ma' nofs il-lejl.

* * *
Dis-sena il-BBQ sar bejn madwar ħamsin ruħ. Krejna r-Razzett l-Abjad u fil-ħdax ta' filgħodu jien u Keith konna qed narmaw il-post. Ix-xemx ma kinitx kiefra daqs is-soltu, imma l-pixxina xorta tħajrek taqbeż fiha. Kessaħna l-inbejjed, ħlist qadja ta' malajr, u malli ġejt lura qbiżna ngħumu. Kollox kien għal-lest, bejn wieħed u ieħor, u sakemm ġew l-oħrajn intfajna inpappuha ftit. Naturalment kellna l-iskuża lesta biex qbiżna fil-pool daqshekk kmieni: waqgħulna ċ-ċwievet u xi ħadd bilfors kellu jaqbeż.

Bil-mod il-mod ġie kulħadd. Fost l-avvenimenti tal-ġurnata, għamilt erba' riklami fuq il-microphone li kienu ser jissarfu f'arrest immedjat - fost dawn insibu donazzjonijiet fuq helplines li ma jeżistux, riklami tal-Fortress Insurance bil-leħen ta' Godwin (dak li kien ibiegħ il-pompi tal-Beta, biex niftiehmu) u saħansitra daħħalt lil Kenneth tal-Fire fix-xena tal-parties tal-preċett.

Niftakar ukoll li gidmuni xi tnejn min-nies u li l-punch kien veru tajjeb. Naf li qbiżt qabża fuq Pawlu (u tlaqtu biss x'ħin rajtu vjola) u tajt daqqtejn lil Gunther ġo ħalqu (waħda għal kull botta li tefa). Keith waddab lil xi ħadd fil-pool, għax xi ħadd bilfors irid jikolha, u niftakar ukoll ngħid lil Marisa sabiex tevakwa l-kċina għax kien hemm foga stramba.

Naf li bejn wieħed u ieħor kulħadd kien xi ftit imċempel, uħud anke bl-ikel (għax kilna veru tajjeb), u minkejja l-għeja naħseb li kulħadd telaq id-dar soddisfatt.

L-għada filgħodu kien hawn ħmura ġenerali f'għajnejn in-nies.

0 Comments:

Post a Comment

<< Home

Blog Counter