Sunday, May 28, 2006

The Eagles u Jien

Kemm hi sabiħa Ruma. Anke jekk sen'ilu kont diġa rajt il-monumenti, u ġbidt ritratt lil kulma kien tal-granit u allura ma setgħatx tiċċaqlaq, il-mixja madwar Ruma xorta gawdejtha.

Konna tfarrakna, mexjin minn ħdejn il-Kolissew sa l-Olimpico. Imma s-sena l-oħra ġejna naraw il-U2, u allura kull sagrifiċċju li għamilna kien f'waqtu.

Dis-sena ġejna naraw l-Eagles. Dawk ta' Hotel California, biex niftiehmu. L-aħwa Tanti ltaqgħu Ruma bis-saħħa ta' dan il-kuncert. Anna, Joe u Vince għexu żgħożithom meta l-Eagles kienu qed jiktbu l-parti tagħhom fl-istorja tal-mużika. Jien, li bħas-soltu dejjem tard, twelidt fiż-żmien meta kont tixgħel ir-radju u tisma' lil Spandau Ballet u Duran Duran (bħal meta tkun qed tqalleb l-istazzjonijiet tar-radju fil-karozza u tinzerta fuq Capital Radio).

Joe kien bgħatli messaġġ fis-sitta u nofs ta' filgħodu dwar dan il-kunċert. Hu kien ilu sagħtejn imqajjem, jagħmel il-programm fuq is-Super 1. Jien kont għadni mxaħxaħ fis-sodda ngawdi dik l-aħħar nofsiegħa qabel ma nitkaxkar lejn ix-xawer, għax ix-xoghol salmura tal-gisem. Malli rajt il-messaġġ tiegħu, għedt "ara dan kemm iqum fuq tiegħu filgħodu..." u erġajt dort lejn l-imħadda.

Il-pjan, bħal tas-sena l-ohra, kien li mmorru noqogħdu għand oht Joe, li tgħix Ruma. Ma nafx nistax ngħajtilha zija Marija, iżda tant għamlet magħna li tfakkarni f'dik iz-zija li tgħix il-boghod ħafna, u tilqgħek b'qalb kbira u bil-paċenzja ta' Ġob.

Ftit issib bħal dawn in-nies. Bil-familja tagħha b'kollox.

* * *
Fil-PalaLottomatica ssoltu jilagħbu l-baskitbol. Sala kbira, magħluqa b'saqaf, tilqa' nies fiha mhux ħazin. L-Eagles kellhom idoqqu fl-Olimpico imma ċaqalqu kollox lejn din is-sala, u bejni u bejn ruhi ħsibt li ahjar hekk.

Wasalna lejn it-tmienja, bejn wieħed u ieħor nofsiegħa qabel ma kellhom jitilgħu l-artisti. Barra bdew ibiegħu it-t shirts bil-prezz ta' tletin ewro. Mhux ħazin.

Il-PalaLottomatica bdiet timtela' bil-mod. Aħna sibna post fit-tielet sular, fil-ġenb tax-xellug, u stajna naraw kważi kollox (ħlief għad-drummer). Għamilna siegħa nistennew lil The Eagles ġejjin. It-Taljani bdew jitilfu l-paċenzja. Ma tistax tkun minuta tard, għax inkella tibda dik iċ-ċapċipa sarkastika, segwita minn tisfir li jtarrax. Minjaf xi tħoss, tkun qiegħed tipprepara sagħtejn mużika u tismagħhom isaffrulek qabel ma biss bdejt iddoqq. Jew forsi, ħsibt bejni u bejn ruħi, qed jaraw DVD u riedu jlestuh qabel ma jitilgħu.

Sadattant, ta' warajja bdiet tgħid u tgħid, u tant drajtha li meta waqfet (kemm tieħu boqqa ilma) ħsibt li ttarraxt.

Fl-aħħar telgħu. Bejniethom kellhom tlett mitt sena.
Take it Easy kienet l-ewwel diska. Ma kontx naf kif inhuma, minn wiċċhom. Glenn Frey, gitarra u vocals, kien libes jeans u sidrija sewda, bħal dawk tal-country. Joe Walsh, il-bjond, gitarra u vocals hu wkoll, kien liebes flokk aħmar li ma tantx ħadem biex jgħattilu ż-żaqq. Don Henley, drums u vocals, ukoll kien iżżaqqaq mhux ħażin.

L-iktar wieħed li laqatni kien il-bassist, Timothy Schmitt. Figura pulita, xagħar twil. Preċiż daqs arloġġ Svizzeru. Ħasra li kollox beda jirbombja fis-sala u ntilef xi ftit mill-ħoss tal-bass.

Ma stajtx ma nitbissimx nara lill-aħwa jieħdu gost daqshekk, donnhom marru lura b'għoxrin sena. Vince kien jaf id-diski kelma b'kelma. Jien xtaqt li stajt ingawdihom aktar. Imma, jien wasalt għaxar snin tard.

L-Eagles mhux li bdew itajru n-nar minn idejhom fil-bidu tal-kunċert. Ħafna country. Ħin minnhom innutajt lil Joe Walsh idoqq bilqiegħda fuq amplifier. Ma tantx kellu aptitha llejla, lanqas ħaqq ħallew id-DVD fin-nofs.

Intervall. Nies jaraw minn fejn se jixtru l-ilma. Wieħed minn Reggio Calabria jsaqsini x'temp jagħmel waqt is-sajf Malti. Ta' warajja reġgħet bdiet ittaqtaq. U parti mill-għoxrin elf ruħ reġgħu bdew isaffru. Tuhom kwarta ċans, ħsibt bejni u bejn ruħi.

Meta reġgħu telgħu għat-tieni parti, kienu bilqiegħda fuq il-banketti. U fis-set unplugged li għamlu, kollha kantaw xi diska jew oħra. Frey, Walsh, u Schmitt li kellu leħen ta' mara. Anke Henley. F'din il-band kulħadd leader.

Imbagħad bdew juru x'jafu. Walsh beda jilgħab bil-gitarra. Daqqew id-diski li Don Henley kien ħareġ waħdu (Boys of Summer u Dirty Laundry). Is-session musicians (jazz quartet, kitarrist ieħor, u percussionist) bellħuni. Tajbin immens. Minjaf x'unur tkun fuq tour ma' l-Eagles. U għamluhom kollha, l-hits li kont nisma' li Joe kien idoqq meta konna naħdmu il-Calypso.

Għamlu tlett encores. Taw sorpriża meta ħareġ dak l-Olandiż, idoqq it-trumbetta, u daħlu bil-mod f'Hotel California. Joe Walsh għamel
instrumental bil-gitarra u bil-kazoo.

Meta għalqu b'Desperado, li kulħadd kien għadu qed jistenna, fhimt għalfejn kienu għamlu daqshekk isem.

U l-aħwa Tanti kellhom l-istess tbissima soddisfatta fuq wiċċhom. Kienu għadhom kif raw il-leġġenda li xegħlet ftit mill-isbaħ snin ta' ħajjithom. L-istess kif kont jien meta, aħna u ħerġin mill-Olimpico sena ilu, dort fuq Joe u għedtlu "Aqqas nista' nemmen. Rajt lill-U2. Rajthom jagħmlu Zoo Station..."

* * *
Joe għamel skoss storbju u qajjimni. "Siegħa oħra mmorru." Siegħa oħra mmorru lura Malta. Dak tat-toroq bl-iskossi. Mill-pajjiż ta' Fiorello għal dak ta' Montesin. Minn Biagio Antonacci għal Faniello. Lejn it-Tnejn filgħodu fi Triq Diċembru Tlettax. Din id-darba, veru xtaqt nerġa' indur lejn l-imħadda. Imma r-riħa tal-kafe kienet qawwija wisq.

Grazzi ta' kollox, Marija.

0 Comments:

Post a Comment

<< Home

Blog Counter