Wayne Flask

Author Translator Music Writer Public Annoyance

Minn Skalin għal ieħor (kemmxejn konfuż)

| 0 comments

Sur Sindku,

Nirreferi għall-artiklu li deher illum fuq timesofmalta.com fejn qed tgħid li inti għandek ftehim ma’ Sadeen sabiex, jekk jitwettaq il-proġett tal-Università fuq l-art taż-Żonqor, Sadeen jibnu uffiċċju ġdid għall-kunsill lokali tar-raħal.

Billi ninsab xi ftit jew wisq konfuż, se nagħmillek dawn il-mistoqsijiet fil-pubbliku u nittama li tweġibhom kif kont weġibt xi mistoqsijiet oħrajn tiegħi dan is-sajf.

  1. Kemm-il darba ltqajt ma’ Sadeen u kemm ilu li sar dan il-ftehim dwar il-bini ta’ uffiċċji ġodda għall-Kunsill? Meta kont heddidtni b’azzjoni fil-qorti wara li jien staqsejtek għandekx interess personali fil-bini tal-Università (Ġunju ta’ din is-sena), dan il-ftehim ma’ Sadeen kien diġà nħema?
  2. Taħseb li hemm tassew bżonn iddawwar ġnien f’uffiċċju għall-Kunsill, meta tikkunsidra l-ammont ta’ blokok li qed jinbnew f’Wied il-Għajn (u inti stess tgħid li inti kontra li jibqa’ jsir ċertu tip ta’ żvilupp) li jistgħu jservu bħala uffiċċji?
  3. Jekk inti qed taqbeż għall-ispazji pubbliċi f’Wied il-Għajn, kif qed tipproponi li tieħu parti minn ġnien pubbliku għall-użu tal-kunsill (fejn tifhem li avolja huwa bini pubbliku, ma jistax jintuża bl-istess mod li jintuża l-ġnien)? Għandi nifhem li konxju mill-fatt li minbarra l-art taż-Żonqor, ir-residenti se jitilfu parti oħra mill-art pubblika li jgawdu minnha – telfa ta’ żewġ biċċiet ta’ spazju miftuħ bil-prezz ta’ wieħed.
  4. Kemm ilek li ħsibt fl-idea li tibni uffiċċju fi ġnien?
  5. L-uffiċċju l-ġdid huwa interess tiegħek*, jew għandek l-appoġġ tal-membri kollha tal-kunsill dwar din il-kwistjoni, li jagħmel minn dan interess inekwivokabbli tal-kunsill kollu? Fil-każ li m’għandikx il-kunsens tal-kunsill kollu, nistgħu ngħidu li din hija xewqa tiegħek u mhux eżiġenza urġenti li qed tfixkel serjament l-operat tal-kunsill u l-kunsilliera mmexxija minnek?
  6. X’forma ta’ konsultazzjoni saret mar-residenti ta’ Wied il-Għajn dwar il-bini ta’ uffiċċju fil-ġnien? Għandek l-appoġġ tal-maġġoranza tar-residenti biex tieħu ġnien u tagħmlu uffiċċju?
  7. Il-Kunsill qatt ikkunsidra jirrestawra u juża waħda mill-ħafna proprjetajiet mitluqa fi Triq Sant’Anna bħala uffiċċju?
  8. L-Uffiċċju tal-Prim Ministru, bħala sponsor tal-proġett ta’ università fuq art ODZ, tak il-kunsens tiegħu għal dan il-ftehim?

Nirringrazzjak bil-lest.

 

Wayne

21/11/15

*ħa naraw hux ġejja theddida oħra ta’ libell did-darba…

Leave a Reply

Required fields are marked *.