Wayne Flask

Author Translator Music Writer Public Annoyance

Il-Ħamsa u Nofs

| 0 comments

Din hi l-ġrajja ta’ John Borg magħruf aħjar bħala l-Ħamsa u Nofs. Il-Ħamsa u Nofs kien bniedem twajjeb – insomma, sempliċiment kien alright, imma qatt ma dejjaq lil ħadd miskin – insomma lill-Ħamsa u Nofs ħadd ma kien jafu sew.

Il-Ħamsa u Nofs twieled f’nofs Mejju, il-ħames xahar tas-sena. Kuntrarju għal dak li jaħsbu xi wħud – u mhux li jqattgħu xagħarhom f’dan il-ħsieb – il-Ħamsa u Nofs ma twelidx fil-ħamsa u nofs iżda bħas-soltu wasal tard, twieled fl-għaxra u kwart tal-ġimgħa ta’ wara li kien suppost faqqas.

Il-Ħamsa u Nofs mar l-iskola bħal ħaddieħor imma kien ibati: l-ogħla marka tiegħu kienet il-55 fl-eżamijiet u l-5.5 fit-testijiet ta’ kull xahar. Kien medjokri fil-Malti, l-Ingliż, il-Matematika, l-Accounts u l-Economics, u jġaħġaħ xi ħaġa fit-Taljan – fl-O levels ġab 5 f’ħames suġġetti u nofs (6 fit-Taljan). Ġieli jaqbad ktieb b’idejh, jaqra ħames paġni u nofs, u jerġa’ jpoġġih fuq l-ixkaffa.

Il-Ħamsa u Nofs kien batut fl-iskola u fl-isport ma kienx wisq aħjar. Kien twil 5″5′ li ma kienx jaf sew kemm jiġu. Għamel ħames snin u nofs imur it-training għalxejn mad-Dinamo Ħas-Saptan. Darba kien imissu jilgħab wara li weġġgħu l-ħames full backs ta’ qablu; għamel ħamest iljieli u nofs imqajjem jippjana kull mossa tal-logħba. Dakinhar, fil-logħba kontra s-CSKA Għammieri, wara ħames minuti u nofs id-Dinamo kienu diġà minn taħt wara żball minn throw-in tal-Ħamsa u Nofs. Il-Borra, ġurnal indipendenti ta’ kuljum li kienet tħaddem ħames ġurnalisti u student li qatt ma kien jitħallas, fil-paġni tal-isport kienu taw il-marka tagħhom lill-players tagħhom. Lill-Ħamsa u Nofs tawh 5,5, għax darba jew darbtejn kien irnexxilu jarmi l-ballun ‘il barra mill-kaxxa tiegħu mingħajr ma jtih lil ta’ kontrih.

Il-Ħamsa u Nofs b’xi mod beda jagħmel ta’ skrivan wara ħames snin u nofs diżokkupazzjoni. Kien iqum kull filgħodu fil-ħamsa u nofs u fis-sebgħa jkun diġà fl-uffiċċju, waħdu, siegħa sħiħa żejda qabel il-ħin tal-ftuħ – siegħa żejda li qatt ma tħallas tagħha. Kuljum kien ipejjep ħames sigaretti u nofs fil-gallerija li kellha ċint għoli ħames filati u nofs. Bl-għaraq ixoqq għalih anke f’Jannar kien jistenna bil-ħerqa l-ħin tal-ħamsa u nofs, meta kien ikun f’dik ir-rassa kbira barra l-lift biex kulħadd jitlaq lejn id-dar.

Il-Ħamsa u Nofs kien jogħġbu x-xogħol bir-reqqa basta jagħmlu ħaddieħor.

Il-Ħamsa u Nofs ma kellu opinjoni dwar xejn ħlief dak li diġà jaqbel miegħu.

Il-Ħamsa u Nofs kien jixtri s-sitt gazzetti tal-Ħadd u dejjem jorqod meta jkun fil-paġni tan-nofs tas-sitt waħda.

Il-Ħamsa u Nofs darba kien se jiżżewweġ. Jgħidu li meta kien għadu namrat ħareġ magħha ħames darbiet, f’nofs is-sitt ħarġa pproponielha, b’ċurkett tad-djamanti ta’ 0.55 karati.

Ftiehmu d-data, il-15 ta’ Mejju fil-ħamsa u nofs.

Filwaqt li hu bħas-soltu wasal tard, martu waslet ferm aktar tard minnu, anzi ma waslitx. Minflok tfaċċat il-knisja bagħtitlu messaġġ li kien fih ħames żbalji ortografiċi u artiklu barra minn postu, fejn spjegatlu li kienet qalbithielu ma’ ħamest’irġiel u li kieku ma qabadhiex missierha f’nofs l-att, kienu jkunu saħansitra sitta.

Il-Ħamsa u Nofs ra l-ħolm tiegħu jgħib quddiemu. Addio mara u l-ħamsa-virgola-ħamest itfal li jsemmu fl-istatistiki.

Il-Ħamsa u Nofs għex il-bqija ta’ miżerja ta’ ħajja fid-dwejjaq u l-għażż li dejjem kien idur bih, donnu ma ġara xejn. Il-Ħamsa u Nofs daħħluh fi sptar meta kellu 55 sena, ibati minn uġigħ fl-għaksa. Miet wara ħames sigħat u nofs. Kien ikun xieraq kieku miet fil-ħamsa u nofs iżda lanqas l-aħħar att ta’ ħajtu ma ġieh tajjeb: miet fil-ħamsa u għoxrin ta’ waranofsinhar, ikkonfortat mir-riti kollha li nsew jagħtuh matul ħajtu.

Xtaqna niddedikawlu ħames paġni u nofs ta’ epitaffju, imma, xiż-żikk, ma ħaqqux; saru l-ħamsa u nofs, u tlaqna d-dar.

Leave a Reply

Required fields are marked *.