Wayne Flask

Author Translator Music Writer Public Annoyance

Minn Skalin għal ieħor – ittra miftuħa lis-Sindku Mario Calleja

| 0 comments

“Nofs dawk li marru jipprotestaw lanqas jafu fejn hu ż-Żonqor…” – kliem Mario Calleja, li ħarab mill-gaġġa tal-paguni li kien ikun hemm taħt il-knisja u sar sindku ta’ Wied il-Għajn, diżgrazzjatament għar-raħal li trabbejt fih. Ma nafx minn fejn ġabha l-istatistika, għalkemm dan l-aħħar bejn surveys u firem qed narah jinteressa ftit ruħu fin-numri.

Għall-informazzjoni tas-sindku, jien kont wieħed minn dawk li marru jipprotestaw kontra l-università li se tinbena kontra l-liġijiet tal-ippjanar fuq art agrikola. Għall-informazzjoni tiegħek, Sur Sindku, jien trabbejt Wied il-Għajn u jidher li għandi r-raħal għal qalbi iktar minnek (qatt ma kont inbigħ ħobż iżda).

11535804_10153487161654416_5249549901652106615_nInħoss li l-attitudni tiegħek hija stupida, din li tipprova tkeffen lil kulħadd fi ġlieda ta’ aħna kontra huma, minflok tagħmel ħiltek biex l-università tinbena f’Wied il-Għajn mingħajr ma tgħarraq waħda mill-isbaħ veduti u żoni ta’ paċi fir-raħal. Suppost qed tagħmel ħiltek biex tiddefendi l-valur tal-proprjetà tal-Iskalini li tant tgħid li tħobb, biex tiddefendi l-kwiet li jgawdu r-residenti, biex Wied il-Għajn ma jegħriqx fit-traffiku, u biex kulħadd ikun jista’ jgawdi l-ġmiel ta’ żona kostali li hemm iż-Żonqor. X’se tgħid lil min għereq l-għaraq tad-demm u ssallab mal-banek biex jixtri post iż-Żonqor u jgħix fil-kwiet? “Sorry, imma jien ma jinteressanix mill-paċi u l-kwiet?” Sparat titla’ meta toħroġ għall-elezzjoni ġenerali… (EDIT – elezzjoni ġenerali li tikkontesta fuq iż-Żurrieq u mhux fuq it-tielet distrett, biex tara kemm jieklok biex tirrappreżentahom lill-Iskalini…)

Madankollu l-interess tiegħek f’dan il-proġett iħallili ftit dubji dwar l-operat tiegħek, inti li ħlief tparla fuq tisbiħ ma tagħmilx, iżda mostru bħal dak fl-għelieqi lest tilqgħu b’idejk miftuħin. Dan wara li l-Kap Eżekuttiv tal-MEPA mar jiddefendi studju/rapport bażwi li lanqas biss jikkunsidra l-impatt fuq l-ambjent, fuq il-biedja u fuq ir-residenti. X’garanzija hemm li wara l-kampus ma jinbeniex supermarket, u iktar appartamenti li m’hemmx bżonn? Lest titfa’ ismek bħala garanzija li ma jsirx dan li qed ngħid jien?

Kieku inti sindku serju topponi dan il-proġett u tissuġġerixxi programm ta’ biedja, iffinanzjat mill-UE, li jerġa’ jagħti l-ħajja lil din l-industrija li qed tmut, mhux ittaptap fuq dahar proġett fejn il-konkos jeqred il-ħamrija.

Iżda nsejt, il-pagun jippreferi jidher milli jirraġuna.

Wayne Flask
20/6/2015

PS inti personalment tiggwadanja xi ħaġa mill-bini tal-Università? Il-mistoqsija oħt il-għerf, u tajjeb li nistaqsi.

Leave a Reply

Required fields are marked *.