Wayne Flask

Author Translator Music Writer Public Annoyance

Sakemm Insibu ż-Żejt…

| 0 comments

Xtaqt nistenna li jasal Mejju biex intenni dak li qed inħoss dwar l-istat ta’ pajjiżna fuq il-palk permezz tad-debutt tiegħi b’Sibna ż-Żejt (Teatru Manoel, f’dawn id-dati).

Madankollu l-avvenimenti tal-jiem li għaddew tellgħuli dik il-boqqa iebsa ħafna f’sidri li diffiċli neħles minnha. Ir-rabja għat-telfa tal-“Le” fir-referendum tal-kaċċa għaddietli relattivament malajr (bis-saħħa ta’ logħba oxxena oħra tal-Milan). Dak li jibqa’ jdarrasni huwa l-istat tal-politika f’pajjiżna u l-ġlieda eterna tas-soċjetà ċivili biex tikseb dak li hu ġust.

Sal-Ħamis filgħaxija, sakemm it-tewmin il-ġodda tal-“Pink Wave”, Renzi u Muscat, kienu qed ibeżilqu fil-pjazza tar-Raħal Ġdid dwar interkonnettituri u ottimiżmu fil-preżenza ta’ Lawrence Gonzi (biex, f’mossa strateġika oħra, Simon Busuttil baqa’ waħdu jippriedka f’dak id-deżert ta’ irrilevenza li hija l-oppożizzjoni), il-kamp tal-Le kellu seba’ punti vantaġġ. L-għasfur, presumibilment qabel jiddobba tir huwa wkoll, qalli li Kastilja kellhom l-istess statistika f’idejhom.

X’ġara?

Huwa ovvju, iżda sempliċistiku, li l-ħtija tintefa’ biss fuq l-ikkampanjar minn taħt tal-PL favur il-vot tal-Iva. Anke jekk Muscat m’għamilx stqarrijiet daqstant qawwijin, kien ovvju li l-istint tal-partit u tal-maġġoranza l-partitarji kien li jsegwi kelmet il-mexxej. Simon Busuttil ftit li xejn għamel oppożizzjoni għal din l-istqarrija favur l-IVA, u wara xi ftit logħob fuq il-calculator iddeċieda li ta’ min il-Partit Nazzjonalista jagħmel lilu nnifsu skjav tal-lobby tal-kaċċaturi, eżatt kif għamlu “Joseph” u l-PL. Statistikament, il-PN tkellem aktar dwar il-permess tar-raġel ta’ Helena Dalli milli kontra l-kaċċa.

L-elezzjoni tal-2008 tgħallem li faċli ħafna tikseb telfa fl-aħħar ftit sigħat ta’ kampanja.

Is-SHout marru jivvutaw u ntefgħu jħokku taħt abthom matul il-ġurnata kollha tas-Sibt. Tal-IVA baqgħu jaħdmu. L-ambjent, l-għasafar, is-sostenibbiltà, il-mixjiet fil-kampanja u s-soċjetà ċivili tilfu l-ġlieda tagħhom matul dawk il-ftit sigħat. Sas-Sibt f’nofs il-lejl, meħud kont tal-perċentwali ta’ votanti f’kull distrett, kieku kont votant tal-IVA kont immur inkessaħ ix-xampanja (jew il-lager).

SHout urew li ma kinux organizzati, u d-determinazzjoni tagħhom li jirbħu r-referendum sfat fix-xejn meta mqabbla mal-isforzi tal-kaċċaturi. Barra minn hekk għandi tħassib serju dwar jekk il-kampanja kellhiex tuża lil dawk il-persunaġġi partikolari biex jippromwovuha. Lil Salvu Balzan inħobbu bħala ġurnalist li ma jibżax jitkellem minkejja theddid u libelli u bibien li jieħdu n-nar b’mod misterjuż ftit passi bogħod minn għassa tal-pulizija; id-dubji tiegħi dwar kemm kien artikolat biex iwassal il-messaġġ huma pjuttost kbar. Niddejjaq ngħid li Mark Sultana, informat ħafna dwar is-suġġett, ma laqatni xejn kif tkellem; u dwar Moira Delia, li nafu u xbajna nsiru nafu kemm tħobb l-annimali, nippreferi ma ngħaddix kummenti. Anzi mhux se nżomm lura: intużat bħala ċelebrità u serviet aktar bħala distrazzjoni milli għall-persważjoni.

Lilhinn mill-antipatiji u simpatiji personali li nbati bihom, dawn it-tliet uċuħ kienu bogħod wisq mill-massa kbira ta’ votanti li riedet tkun taf għala għandha tivvota “Le” jew “Iva”. Jien, tifel tas-South li ma togħġobni xejn il-kaċċa, ma identifikajtx magħhom, ma’ dawk it-Tshirts bojod, mal-isem “SHout,” mad-diski (ommi ma!) ta’ Gianni u Morales. Kieku kont votant indeċiż aktarx kien jolqotni aktar il-kaċċatur sturdut bis-sidrija lewn pannu tal-billiard sejjer kaċċa mal-erbat iklieb tiegħu jisimhom Stills, Crosby, Nash u Young. It-testimonials l-oħrajn: sportivi, atturi, ornitologi… imma eżattament, lilkom minn fejn nafkom? Possibbli ma jeżistux nies BĦALI kontra l-kaċċa? Nisa tad-dar kontra l-kaċċa? Mekkaniks mimlijin żejt kontra l-kaċċa? Nies li mhux ġejjin mill-klassijiet “A” u “B”? (termini demografiċi li jintużaw fir-riċerka, aħfruli, ma vvintajthomx jien u nobgħodhom ferm).

Ċertu argumenti li swew il-voti ma ġewx spjegati sew lanqas. Il-gidba faħxija tal-IVA dwar il-passatempi l-oħrajn (sajd, offroading, ġbir ta’ bolol, bass taħt il-friex eċċ) hija dik li hi: gidba faħxija. L-Ewropa m’għandhiex direttiva li tgħidlek li ma tistax tistad f’ċertu żmien tas-sena (għalkemm jeżistu regolamenti li min hu sajjied serju josserva – u m’hemmx derogi li jipperikolaw il-passatemp) jew tboss taħt il-friex bejn Jannar u Marzu meta l-bruda tkun fl-aqwa tagħha. Ma hemm ebda deroga mill-UE biex ittellaq fil-kwart ta’ mil. Ma jista’ jkun hemm ebda referendum li jħassarlek il-kwart ta’ mil. Il-kamp tal-Le ħareġ lil Giovanni Bonello, qal li kellu jgħid, u daqshekk. Il-kamp tal-IVA baqa’ jtambar dwarha mal-assoċjazzjonijiet tad-dilettanti kollha. Arah jittiekel il-vantaġġ!

Il-kampanji t-tnejn li huma kienu fqar; rajna idjoziji miż-żewġ naħat; rebħet l-inqas waħda idjota. (Biex ma nsemmux il-fatt li marret l-avukat tal-FKNK, dik li biex niftiehmu tiffirma l-libelli ta’ Lino Farrugia dwar il-cartoons satiriċi tal-Maltatoday, titfa’ wiċċha quddiem il-kameras sakemm Perici Calascione, Farrugia u l-ġlekkijiet orribbli tagħhom dehru kemm jista’ jkun mill-inqas).

Ħaġa waħda kienet ċara għal kulħadd: il-front tal-ambjentalisti jixraqlu mexxej suret in-nies. U hawnhekk nistaqsi ruħi għalfejn (ir-raġuni nafha, fil-verità, imma rrid lilkom tistaqsu ruħkom din il-mistoqsija) Michael Briguglio m’għadux imexxi lill-Alternattiva. Nixtieq nistaqsi jekk hux jien biss inħoss li kien hemm “feeling” skars bejn l-Alternattiva mmexxija minn Cacopardo u Cassola (CaCà għall-ħbieb) u l-Birdlife. Nistaqsi ruħi għalfejn 49.xiħaġa% tal-Maltin li urew li għandhom l-ambjent għal qalbhom kellhom jitqannew b’Moira Delia jew bi kwalunkwe ċelebrità oħra fi ġlieda kontra: 1) żewġ partiti kbar 2) lobby ta’ nies li għandhom liċenzja biex iġorru arma 3) ix-xandir tal-istat u tal-partiti. Il-front favur l-ambjent ingħaqad nhar is-Sibt, ġie magħruf mal-pubbliku lbieraħ il-Ħadd, u sal-lum ħadd ma jaf min se jmexxih. Sakemm tasal l-elezzjoni jilħaq imut, għax fl-elezzjoni mbagħad inġelldu lill-blu kontra l-ħomor, iżda fil-verità se nkunu qed naraw irridux lil nies bħal Sandro Chetcuti, l-iżviluppaturi, il-lukandiera, u anke lill-kaċċaturi, daqshekk qrib tal-poter. U dawn in-nies li semmejt, minkejja li xi wħud minnhom bħal Chetcuti jgħidulna li jħobbu l-ambjent iktar mill-ambjentalisti (frażi oriġinali fis-surrealiżmu tagħha), għandhom interessi li ma jagħmlux daqshekk tajjeb lill-ambjent ta’ pajjiżna.

U dan iwassalni għad-diskors dwar l-istat tal-politika u l-mod kif qed jitmexxa pajjiżna.

Lanqas naf minn fejn naqbad nibda.

Għax dan li qed iseħħ bħalissa, bħala Soċjalist imwieled f’familja Laburista, iweġġagħni ferm.

Kemm ilu fil-gvern dak li darba kont insejjaħlu “l-Partit” – minkejja li m’inix, qatt ma kont u qatt mhu se nkun tesserat tiegħu, għax nemmen li moħħi tiegħi u ma nbigħu lil ħadd – qed ninnota xejra kiefra li, bħal tumur mistoħbi fejn ma jarax id-dawl, qed tneżża’ fis-skiet lill-Partit mill-identità tiegħu.

L-eżerċizzju li sar fid-disgħinijiet u fl-elfejnijiet, fejn is-Soċjaliżmu jiġi mqabbel ma’ Vjolenza, ħadem u ħadem sew. Mhux talli hekk, talli min suppost qed imexxi dak li huwa l-partit tal-Ħaddiema, qed ibigħ lill-partit lil kull min huwa armat b’vot, u idealment, ikun armat b’xi ftit eluf ta’ ewro. Ir-riżultat ta’ dan huwa partit u pajjiż immexxi minn “Joseph,” li f’taħlita ta’ marketing u makakkerija (“strategy” isejħulha llum) tiegħu ħoloq awra ta’ invinċibilità madwaru; u huwa għalhekk li jista’ jfassal bizzilla bħal dik li rajna fl-aħħar jiem, fejn Prim Ministru joħroġ għonqu kontra l-ambjent, irebbaħ lobby bħal tal-kaċċaturi mingħajr ma jsofri mqar girfa, u joħroġ f’konferenza stampa juri li hu fil-pożizzjoni li jwaqqaf l-istaġun tal-kaċċa.

Ma kinitx l-uniku biċċa bizzilla li rajna kemm ilu fil-gvern “Joseph” (aħfirli tal-familjarità żejda, imma kulħadd hekk dan l-aħħar. Isem b’żewġ sillabi jinbiegħ aħjar hux – Jo-seph, Gon-zi, Ed-die, Min-toff, aħjar milli tgħid ‘Sant’, monosillabiku). Xogħlijiet oħra jinkludu l-bejgħ tal-passaporti, fejn ħafna min-nies li jbigħu dawn il-passaporti huma kumpaniji ta’ avukati li fiż-żmien kienu jiffurmaw il-qafas tal-oppożizzjoni; hemm is-semplifikazzjoni tal-burokrazija fil-MEPA, fejn it-tgħaffiġ ta’ permessi li qed jinħarġu jindika li jgawdu ċertu żviluppaturi u negozjanti li fiż-żmien kienu jiffinanzjaw lil dik li llum hija l-oppożizzjoni; hemm bizzilla oħra li tinvolvi lill-ħabib Matteo Renzi u l-Mare Nostrum (minjaf x’hemm); u mbagħad hemm is-sħab mid-dinja tal-Lvant, iċ-Ċina u l-Azerbaijan, li veru ftit nies huma mħassbin dwarhom għalkemm minjaf, ladarba dawn isiru impjegaturi ta’ ħaddiema Maltin f’pajjiżna stess, x’kundizzjonijiet se jagħtu lil niesna (staqsu lil Palumbo).

X’ma tkunx ottimista Malta? Għandha mexxej li għandu sillabi f’ismu daqs kemm jgħid li għandu kukki fil-qalziet, l-oppożizzjoni ddeċidiet li togħdos fl-irrilevanza għallinqas sakemm jinbidel il-mexxej, u s-soċjetà ċivili għandha ġisem iżda m’għandhiex ras.

Kif, għadek mhux ottimist? Ħa nurik x’għamel il-partit tal-ħaddiema fil-gvern!

X’ma nkunx ottimist, il-gvern tani ċekk ta’ €35! X’ma nkunx ottimist, naqla’ aktar minn €19,501 u qatagħli t-taxxa fuq id-dħul (€35 fuqhom inqas fix-xahar, għalkemm jekk inti single mother, forsi tkun daqsxejn inqas ottimista, imma dejjem għamilna l-interkonnettitur ma’ Sqallija, jekk titħajjar…)

Wara li xtarrejt dan kollu, ma bqajtx sorpriż li r-referendum intrebaħ mill-IVA.

Jurgen Balzan ilbieraħ kiteb hekk:

If you are disappointed and angered by the PLPN’s phobia of potentially vote-losing causes and by Muscat and Busuttil’s failure to stand up for what is right but for what keeps or propels them to power, then do something to reshape the democracy you live in.

Naqbel iżda mhux għal kollox. Wasal iż-żmien li ssir reżistenza differenti, ladarba t-tielet partit mhux kapaċi jikkomunika ma’ min mhux Slimiż u jitmexxa mingħajr indħil u ġlied intern. Wasal iż-żmien li l-artisti u l-akkademja jitkellmu, joħorġu għonqhom, jiskjeraw ruħhom u ma jibqgħux lura mbeżżgħin minn ma nafx xiex. Wasal iż-żmien nużaw il-midja diġitali b’mod aktar intelliġenti kif isir ‘il barra minn pajjiżna, u ma nillimitawx il-protesta tagħna għal status fuq Facebook*. Wasal iż-żmien li ma nibqgħux nistennew ħames snin qabel ma “ngħidulhom bil-vot.” Wasal iż-żmien li nuru wiċċna fit-toroq.

Narakom il-Manoel f’Mejju, inch’allah.

 

* L-eminenti ex-ġurnalista llum konsulent tal-gvern kif ukoll tapit ta’ wara l-bieb, Lou Bondi, tella’ kakata minn tiegħu fuq Facebook, il-post fejn kulħadd kapaċi jagħmel l-arja bis-saħħa tal-buttuna “block” (ironika għal ġurnalist li kien jiddefendi l-libertà tal-kelma, Je Suis Bondì), u attakka lil Saviour Balzan bħala l-moħħ wara ħafna fallimenti (l-Alternattiva, John Dalli, SHout, eċċ).

Matul il-kampanja kollha, Bondì kiteb biss status fejn qal li se jivvota Le.

Balzan kuljum dar Malta juri wiċċu kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa. Balzan qala’ l-libelli mill-FKNK. Balzan ħareġ għonqu.

Lil Bondì kont ili biex inwieġbu, u ladarba qiegħed hawn, għala le?

Jiġuni ħafna ħwejjeġ xi ngħid dwar il-kuntratt li għandu Bondi mal-gvern bħala… x’jagħmel eżatt Bondì? iffirmat mis-Segretarju Permanenti Mario Cutajar.

Pereżempju, jekk il-PN qed jitħajjar jagħmel xi album ieħor tal-istickers qed jitħajjar ipoġġi lil Lou Bondi fih?

Jew pereżempju, xi ħaġa li Evarist Bartolo qatt ma jsemmi, li l-Learning Support Assistants li tant kulħadd jiftaħar bihom jaqilgħu l-bajd fuq il-post tax-xogħol (uħud minnhom għallinqas) għal somma ta’ madwar €9 fis-siegħa biex jaħdmu ma’ tfal b’diżabilità, filwaqt li Lou Bondi jaqla’ €22 fis-siegħa talli joqgħod idur bi flokk tad-Doors li jekk jaħslu darb’oħra jiġih trasparenti. Għax dawn jidher li huma l-prijoritajiet, il-ħidma fid-diżabbiltà tissielet kontra l-festi nazzjonali biex imbagħad nagħmlu xi skoss avvenimenti mqanżħin. U nistgħu nestendu dan il-ħsieb għal bosta oqsma tal-ħidma, mhux komunitarja biss.

Jew pereżempju, jekk l-APAP għandhiex xi ħaġa xi tgħid dwar il-ħatra ta’ Bondì, peress li Bondi ma tantx jifhem fil-performing arts iżda l-fondi pubbliċi jużahom xorta, u dan l-individwu għalkemm ma qalx ċuċati dwar l-Islam, qalhom dwar il-Laburisti u l-individwi.

Jiġuni mistoqsijiet dwar x’seta’ jiġri kieku għażilt li, bħal Bondi, ngħaddi l-ħin tiegħi nitkaxkar fuq żaqqi b’ilsieni barra, bħal kelb li ħxien ħafna bil-“loqom” li jaqgħu mill-mejda.

Tiġini mistoqsija jekk il-kuntratt ta’ Bondi huwiex il-prezz għas-silenzju tiegħu (minn banda, mhijiex ħaġa ħażina). Għax kieku għada stess nibda nagħmel blog, programm, xi ħaġa, u ngħid biss kontra l-gvern. Kif rajtu, hemm ħafna xi tgħid.

Tiġini mistoqsija jekk, bħal Willie Mangion, sarx rapport dwar il-ħidma tiegħu fis-sena u nofs li għaddew.

Tiġini mistoqsija spontanja, tgħid did-darba l-Kanada għalqet il-fruntieri tagħha għal Bondì?

Tiġini mistoqsija li hemm min jistaqsi dwarha iżda biss meta jkun żmien konvenjenti: imma din hija l-meritokrazija?

Il-ħajja mistoqsija, miġbura f’elf għaliex, u ssirlek kuntratt mill-gvern jekk int ma tweġibhiex.

Leave a Reply

Required fields are marked *.