Wayne Flask

Author Translator Music Writer Public Annoyance

L-Irrilevanti SPEĊJALI

| 0 comments

“Malta’s President has consigned her presidency to absolute and total irrelevance when she speaks about immigration and integration of the Maltese with African and Eastern European immigrants.”

Immaġinaw għal nofs minuta li qrajtu din il-frażi iżda ma tafux ta’ min hi. Subgħajkom bla dubju tippuntawh lejn xi ħadd mil-lemin estrem, jew minn xi ħadd li spiss jgħidlek “jien mhux razzist, imma…” u jkompliha b’xi ħaġa razzista iktar mill-istatut tal-KKK.

Hija tassew ironika –  u ironija li tbikkem – li l-frażi t’hawn fuq kitibha ħadd ħlief l-invjat SPEĊJALI (sic) għat-Turiżmu Joe Grima, ex-Ministru tal-gvern ta’ Mintoff u bniedem li bata minn strixxa twila ta’ avvenimenti sfortunati, bħall-ħruq tad-dar tiegħu fl-inħawi ta’ Wied il-Għajn u n-nirien li tfew għal dejjem lil Live FM (forsi l-immigranti marru jorqdulu hemm bil-lejl u nsew il-heater mixgħul).

Għal min jaf ftit dwar l-istorja ta’ Malta, Joe Grima mhuwiex eżattament f’pożizzjoni jirridikola lill-President tar-Repubblika. Joe Grima m’huwa f’pożizzjoni jirridikola lil ħadd, anzi.

Jekk ser nitkellmu dwar l-irġulija, Joe Grima ftit li xejn jista’ jitqies bħala xempju. Minn Ministru ta’ Mintoff spiċċa biex mar preżentatur fuq NET TV għal seba’ snin wara li m’għoġbitux ir-riforma tal-MLP li nieda Alfred Sant; sar kritiku ewlieni ta’ Sant u tal-MLP; iżda imbagħad reġa’ lura għas-Super One. Joe Grima, filfatt, huwa biss membru tal-klabb eminenti li jinkludi fih pinnuri mħallsin sew bħal Bondì, Cyrus Engerer u oħrajn.

L-impjieg tiegħu mal-ONE dam sakemm sab keyboard f’idejh u ddeċieda joffendi qassis barrani li għadda kumment dwar l-arkitettura kerha ta’ żmien Mintoff. Wara riżenja-spettaklu li rebbħet xi ftit punti lil dak li llum huwa l-Primo, arah jirrappreżenta lil pajjiżna bħala invjat SPEĊJALI għat-turiżmu.

Għal min għandu ftit tal-melħ, Joe Grima mhuwiex xi bozza tal-elf. Joe Grima huwa relikwa kerha tal-passat li l-mantra ta’ “Tagħna Lkoll” ġibdet fix-xbieki universali tagħha – bħal sajjied tal-lampuki li ġabar lil Orca the Killer Whale. Joe Grima, minflok jirrappreżenta lil Malta bħala destinazzjoni turistika, jidher li jgħaddi aktar ħin jilgħab bil-keyboard u jiżvoga fil-kitba regolari ta’ ħmerijiet razzisti.

Joe Grima qed jgħajjar lill-President b’irrilevanza għax qed taħdem favur il-qerda tal-faqar (forsi jippreferi figurehead tajjeb biex iżejjen, bħal ta’ qabilha), fenomenu magħruf għal ftit nies biss u żgur mhux għal Grima li frankament, jekk tħares lejh, ma tantx ifakkrek fil-faqar.

Fl-istess nifs, Joe Grima qed jgħajjar lill-NGOs li qed jieħdu l-flus minn fuq dahar il-gvern (bħalu), iżda hu stess għadu ma tax rendikont tal-ħidma, ir-riżultati ta’ din il-ħidma, il-laqgħat li għamel barra minn Malta, u mqar lista tal-imsieħba ġodda li qed ifittex għat-turiżmu Malti.

Sadattant, minn Kastilja ħierġa dik il-fewġa ta’ arroganza li niftakru minn żmien il-“frejjeġ”. Forsi għax kiefra fuq il-povru Grima li jerġa’ jkollu jirriżenja għat-tieni darba fi tliet snin minħabba ħmerija oħra fuq Facebook. Forsi għax jibżgħu li Grima jmutilna bil-ġuħ, fil-faqar. Forsi għax 36,000 vot telgħu għall-irjus. Tgħid dak li qed jgħid Muscat dwar l-imwiet fil-Mediterran huwa biss faċċata, xi ħaġa biex ma jerġax joħroġ ta’ estremist ma’ sħabu s-“Soċjalisti” tal-Ewropa? Tgħid, fil-verità, għadu jemmen li aħjar pushbacks, Malta bajda u inqas voti invalidi fil-garżelli milli li ngħinu lil min hu tassew batut? Nixtieq tweġiba minn Kastilja imma dalgħodu qaluli li “kieku għandi ħin x’naħli nwieġbek“.

Kelli suspett li din is-sensibilità ġdida għat-traġedja tal-immigrazzjoni illegali hija faċċata pubbliċitarja oħra. Il-faċċata pubbliċitarja numru 91, bejn wieħed u ieħor.

Forsi għax ma hemm dixxiplina ta’ xejn ma’ xi wħud – is-soltu storja ta’ “żgħar mal-kbar u kbar maż-żgħar” li tant ilna naraw bħalha fil-politika Maltija. Kastilja taf sew li kieku l-gvern huwa rispettabbli, l-invjat SPEĊJALI kien jitlef postu mill-ewwel minħabba kumment simili. Għallinqas, il-maġġoranza tal-gvernijiet tal-pajjiżi fejn qed nirriklamaw it-turiżmu Malti hekk jagħmel.

Kif jaf l-invjat SPEĊJALI għat-turiżmu, l-MTA ġieli użat lil Calleja (ambaxxatur kulturali ta’ Malta) fir-riklamar tagħha. Grima għoġbu jgħajjar lil Calleja b’kumpless ta’ superjorità għax dak li qal it-tenur dwar l-injuranza tar-razzismu laqat lilu, u lil parti kbira tar-razzisti Maltin, fil-laħam il-ħaj. Iżda kif jaf kulħadd, meta għandek invjat okkupat jgħajjar testimonial dejjem jinfaqgħu l-lukandi bit-turisti.

Nagħlaq bil-kumment stilla ta’ Grima dwar it-Times (bl-ortografija tiegħu):

RISPOSTA LIT TIMES

Jien nirraguna hekk. It Times u l-klikka ta bedfellows Nazzjonalisti , jghamlu minn kollox biex joskuraw lill kull min huwa assocjat mal gvern prezenti u li jqisuh bhala validu. It Times iriduna nghixu ta naghag, taht xi gebla, mohbijn u siekta, mbezzghin li ma jmorrux isemmuna fil gazzetta taghhom u jtellfuna min jaf x’jahsbu li se jtellfuna.

L-ewwel problema: Joe, min qallek li inti validu? Spiss, dak li naħsbu dwarna nfusna jkun ferm bogħod mir-realtà.

It-tieni: Minbarra t-Times illum teżisti l-midja diġitali (għandek bżonn titla’ kors ta’ aġġornament mal-BBC int ukoll biex titgħallem tużaha) u naħseb li anke inti, xi ftit jew wisq, taf li diffiċli ssikket lil ħaddieħor. Fiż-żmien ġieli kien ikun hemm xi gazzetta tieħu n-nar waħedha, aċċidentalment, bħat-Times pereżempju, u mbagħad kulħadd kien jiskot. Iżda ż-żminijiet inbidlu, u nifhem, għal xi ħadd li kellu metodi ta’ ġestjoni pjuttost eċċentriċi fix-xandir nazzjonali tas-sebgħinijiet, li diffiċli taċċetta li llum ma tistax tipprova tarmi lil xi ħadd minn gallarija biex issikktu… fuq nota aktar serja, (mhux għax din t’hawn fuq ma kinitx serja) trid tkun veru wiċċek bħall-warrani biex tkun Joe Grima u tiġi tipprova tilgħabha tal-vittma u tagħti lezzjonijiet dwar il-libertà tal-espressjoni.

It-tielet problema: Joe, din il-kritika mhux issirlek minn “Nationalist bedfellow”, iżda minn xi ħadd li trabba n-naħa l-oħra. Iżda ejja ngħid li ma rridekx tgħix ta’ nagħġa: konxju li d-dinożawri ilhom estinti żmien twil ħafna. Ħlief wieħed.

Leave a Reply

Required fields are marked *.