Wayne Flask

Author Translator Music Writer Public Annoyance

Ir-Raġel li Miet Darbtejn, Tlieta

| 0 comments

Għeżież,

M’inix membru jew tesserat f’ebda għaqda, organizzazzjoni, partit politiku, każin tal-boċċi, ma nilgħabhiex tan-newtrali għax in-newtralità hija raħal bejn l-ipokrezija u l-injoranza, m’inix intellettwali u ma nixtieq qatt inkun jekk dan ifisser li għandi noqgħod lura, jew b’xi mod attent, milli ngħid biss dak li tassew naħseb. Dalgħodu, filfatt, qomt kmieni biex ngħidu.

L-aħħar tliet ġimgħat kienu ddominati mill-każ tax-xufier ta’ Manuel Mallia. Intqal li kellu jintqal, tar it-tajn li kellu jtir miż-żewġ naħat, intalbu riżenji, inkjesti, verifiki, inħliet skoss linka u fl-aħħar, il-ġrajja ntemmet bir-riżenja… skużawni, bit-tkeċċija ġusta tal-Ministru, xi ħaġa li setgħet ħadet ferm inqas mit-tliet ġimgħat żmien.

Qed ninnota żball fil-kitba tiegħi stess, fejn semmejt li l-ġrajja “ntemmet”.

Ma ntemmet xejn, anzi, għax il-magna politika tuża bħala żejt it-tpattija u n-nuqqas ta’ moralità. Bilkemm kienet għadha kemm taret is-sħana minn fuq it-tron ta’ Mallia li l-Prim Ministru ma waddabx akkuża tqila ħafna lil Carm Mifsud Bonnici, jiġifieri, dik li waqqaf xi sospensjonijiet ta’ persunal mis-Servizzi ta’ Detenzjoni li kien involut fil-mewt ta’ immigrant fl-2011.

Din il-mewt kienet traġedja fi tliet atti.

L-ewwel mewta kienet il-mewta fiżika.

Ħa nikkwota, mingħajr ma nittraduċi, mir-rapport tal-awtopsja kif imxandar mill-gazzetti:

According to two separate post mortem examinations he suffered a haemorrhage around the left testicle after being forcefully kneed in the groin. The trauma was so severe it caused a fatal heart attack. Clouding around the eyes, one post mortem report adds, was proof that Mr Kamara died in severe pain.

Daqqa ta’ rkobba fil-bajd li wasslet għal attakk tal-qalb. Mamadou Kamara miet muġugħ. Mamadou Kamara nqatel bħal kelb.

Mamadou Kamara: din hija d-dinjità li tajtuh wara mewtu.

Mamadou Kamara: din hija d-dinjità li tajtuh wara mewtu.

Il-gvern tal-ġurnata talab inkjesta. L-inkjesta, bħal ħafna rapporti oħrajn, ilha tiġbor it-trab mill-2012. U hawnhekk naslu għat-tieni mewta ta’ Kamara, dik li tneħħilu d-dinjità tiegħu bħala bniedem u twaqqgħu f’diviżjoni aktar baxxa, dik tal-ballun politiku. Mingħajr mistħija ta’ xejn, il-Prim Ministru (diġà rrabjat li Sheehan sparalu fil-bużżieqa tal-baġit) għażel li l-mewt ta’ Kamara tintuża biex titfa’ pressjoni fuq l-Oppożizzjoni.

Stennejt li se jqumu l-irwiefen. Ma qamux. Stennejt li jsiru l-protesti fit-toroq. Ma sarux. Stennejt l-iżdenn fil-midja. Ma ġiex (bl-eċċezzjoni ta’ James Debono, imma dak tassew onest intellettwalment). Stennejt nies bil-katini jgħajtu u jitolbu riżenji u ġustizzji. Ma ġewx lanqas.

Forsi għax żmien il-Milied u kulħadd jara mċajpar bir-riklamar.

Jew forsi għax miet raġel iswed.

Stennejt ukoll li l-NGOs joħorġu bis-saħħa kollha tagħhom. Minflok ħadt qatgħa liema bħalha meta, wara aktar minn 24 siegħa mill-aħbar li Carm Mifsud Bonnici talab li ma jsirux sospensjonijiet (veru? mhux veru?) wara mewt ta’ immigrant, l-NGOs għadhom ma fetħux ħalqhom.

Imbagħad beżqu xi ħaġa żgħira, se nikkwota minnha mingħajr traduzzjonijiet.

“It is one of the most constructive and thorough reports to date, joining so many other reports in unequivocally condemning a policy that seeks to deprive migrants of their very humanity by locking them away out of sight, out of scrutiny and out of human rights protection. Yet we are not shocked,” the NGOs said.

“We cannot hesitate to express a serious condemnation of every single person who read this report, failed to act and chose to remain silent.

“We have been expressing our concern at the situation in Safi and Lyster Barracks, and despite minimal improvements often of a cosmetic nature, our concerns remain as valid and urgent as ever.”

“Despite our repeated calls to be invited to discuss Malta’s detention regime, the process was wholly ignored, its findings shelved and our concerns disregarded. We hope that the publication of this report is made with the intention of implementing its comprehensive and insightful recommendations.

“Mamadou Kamara died a terrible death in detention. His violent death could and should have been avoided. This further shaming of his dignity could and should have been also avoided.”

Żomm ħa nifhem.

L-NGOs inkwistjoni (aditus foundation, Integra Foundation, Jesuit Refugee Service (Malta), KOPIN, Malta Emigrants’ Commission, Migrant’s Network for Equality, Organisation for Friendship in Diversity, SOS Malta) semmew bir-raġun li ilhom jilmentaw dwar il-ħmieġ ta’ sistema ta’ detenzjoni (anke l-UE ilha tgħidilna li illegali!) li tapplika f’pajjiżna. Eh, konna nafu aħna ta! Taf kemm ilna ngħidu dwarha din hux!

Madankollu jgħidu li “we are not shocked”. Kif?

Jien maħsud waħda sew li eks-Ministru tal-Intern li llum għadu fil-Parlament, flimkien ma’ bosta membri tal-armata, huma politikament responsabbli (xi ħlew ta’ buzzword) mill-mewt ta’ żewġ persuni (minbarra Kamara kien diġà miet Ifeanyi Nwokoye, sena qabel). Jien maħsud sew li ċertu membri tal-persunal tas-servizz tad-detenzjonijiet kienu involuti fl-użura, jew agħar minn hekk, predaturi sesswali li jisfruttaw, fis-silenzju, lin-nisa immigranti. Maħsud sew li l-NGOs għażlu din il-linja ta’ dibattitu – dik tal-moral high ground – minflok ma talbu ġustizzja, dinjità għaż-żewġ immigranti li mietu. Huwa wisq li tintalab ir-riżenja ta’ Carm Mifsud Bonnici, jew li tinfetaħ azzjoni legali kontra dawk kollha li huma direttament jew indirettament involuti f’dawn iż-żewġt imwiet?

Nifhem li hemm il-biża’ ta’ strumentalizzazzjoni politika. Din l-istrumentalizzazzjoni hija fatt ovvju daqs it-tlugħ u l-inżul tax-xemx. Jibqa’ l-fatt li hemm żewġ persuni mejtin. (U biex inżid, fejn jidħlu ritratti mal-PM waqt xi LGBTI awards, hemmhekk m’hemmx biża’ ta’ strumentalizzazzjoni politika taħt il-kappa tar-relazzjonijiet pubbliċi).

Personalment inħoss li l-istqarrija li ħarġu l-NGOs (u ma nafx għalfejn ħarġuha flimkien – possibbli li kulħadd jaqbel ma’ kollox?) mhux biss damet wisq biex toħroġ, iżda wkoll għażlet li tinjora li qatt mhu se ssir ġustizzja maż-żewġ vittmi. Ma ntalbu ebda riżenji. Kulma ntqal kien li “eh, din ilna ngħiduha aħna.” Kif? Wara dak ix-xogħol siewi kollu li sar fi żmien il-pulċinellata tal-pushbacks, issa għandna żewġ kadavri u ħadd mhu qed jitlob ġustizzja?

X’diżappunt! Fejn hija l-onestà intellettwali? Fejn hi l-konsistenza?

Fejn qiegħda l-Alternattiva Demokratika? Jirriżenja (ġustament) ministru għax xufier jispara żewġ tiri fuq karozza. Imutu żewġ immigranti… lanqas “PLPN” ma jifilħu jgħajtu.

Xi skiet!

X’ħemda!

Użgur. Miet raġel iswed.

Hekk imut raġel iswed, imut tliet darbiet. Bid-daqqiet, miet meta għamluh ballun, u miet meta lil dak il-bniedem-ballun ħallewh minsi, u kulħadd ġie jitnejjek.

PS M’inix se nissieħeb f’ebda NGO biex “inkun naf x’jiġifieri tkun f’NGO”. L-opinjonijiet tiegħi ma nbigħhomx għal tessera jew titlu.

Leave a Reply

Required fields are marked *.