Wayne Flask

Author Translator Music Writer Public Annoyance

Dak li ma lħaqtx għedt ilbieraħ

| 0 comments

Sforz id-daqsxejn tensjoni li kelli qabel il-programm, batejt ftit biex nipparkja sew fil-kaxxa l-bajda minkejja li kien hemm waħda vojta kemm quddiemi kif ukoll warajja. Stajt faċilment ndeffes l-Ark Royal f’dak l-ispazju kollu…

… u ftit minuti wara qiegħed fl-ispazju wiesa’ l-ieħor, dak tal-Creativity Hub tal-PBS, bid-dawl jgħammex kull fejn timxi, nies ħerġin jitbissmu minn kmamar fil-ġenb (preżumibilment jerġgħu jidħlu lura jidgħu?). Imbagħad ir-ritwal tal-makeup u ftit battuti sarkastiċi jtiru fl-arja bejn preżentaturi u mistednin.

Qsamt għall-ewwel darba f’ħajti minn ġo newsroom tat-televiżjoni; kont l-uniku bil-leħja mhux imqaxxra li għadda minn dak l-ispazju ġimgħa sħiħa u rajt b’għajnejja lil Keith Demicoli (jeżisti tassew u ma kienx hologram li ħoloq Anton Attard).

L-ewwel esperjenza tiegħi bħala “espert” f’xi ħaġa (“espert fil-materja”, kien issuġġerili sieħbi xi ġimgħa qabel, għalkemm ma tantx nifhem fil-materja per se) kienet ilbieraħ fuq TimesTalk (TVM, 6.50pm). Id-diskussjoni kienet dwar suġġett għall-qalbi ferm, is-satira lokali, jew aħjar in-nuqqas tagħha. Fl-istudjo flimkien miegħi kien hemm, fi spazju ta’ żewġ metri kwadri, żewġt’iħbieb antiki tiegħi (antiki: ili ma narahom żmien) Alan Montanaro u Pawlu Borg il-Kajboj Bonaci. Jippreżentaw faċċata tagħna, dritti daqs żewġ monumenti tar-ram, Mark Micallef u Herman Grech. U xagħru.

Il-ħin tar: kien hemm ħafn’iktar li xtaqt ngħid u kont inkun antipatku ferm iktar mis-soltu kieku taqtaqt għall-programm sħiħ biex nilħaq ngħid kulma xtaqt ngħid (tistgħu taraw stream tal-programm hawnhekk).

Xtaqt nagħti l-interpretazzjoni tiegħi ta’ satira, li mhux neċessarjament taqbel ma’ dik tad-dizzjunarji u l-enċiklopediji. Sfortunatament f’pajjiżna hawn ix-xejra dejjem aktar tiżdied li s-satira tfisser “titnejjek b’xi ħadd jew bil-politika.” Frankament inħoss li s-satira m’hemmx għalfejn tkun dwar il-politika. Tista’ tissatirizza l-midja, is-soċjetà, il-kummerċ, l-edukazzjoni, il-kultura (għalkemm hawnhekk kollox donnu awtomatiku, jissatirizzaw lilhom infushom).

Minn naħa tiegħi naqbel ma’ min jgħid li s-satira u l-komiċità huma differenti bejniethom: anzi, hemm baħar jaqsam. Fi kliem fqir, inqis il-komiċità bħala dak l-umoriżmu fejn l-attur jew il-protagonista jitla’ fuq palk jew fi studio, jgħid erba battuti u jisraq erba’ daħkiet, u xogħlu lest. Il-komiċità hija fini għalija nnifisha, m’hemmx messaġġi jew tagħlimiet x’jittieħdu minnha; il-valur ewlieni tagħha huwa tal-intratteniment.

Is-satira, minn naħa l-oħra, mhix neċessarjament marbuta mad-daħk. Hemm tassew ftit tad-daħk f’1984 u Animal Farm ta’ Orwell, satira allegorika tat-totalitarjaniżmu (komunist) eżegwita f’żewġ kapolavuri litterarji. Hemm satira li ddaħħak xi ftit aktar, pereżempju, l-ispettakli teatrali ta’ Beppe Grillo mis-snin tmenin ‘l hawn qabel ma daħal fil-politika. Jien inqis lil Grillo bħala satirista soċjali – idejjaqni t-terminu “komiku” li jintuża fil-gazzetti – u kien permezz tas-satira tiegħu li kien inkixef l-iskandlu tal-Parmalat u l-frodi għad-dannu ta’ eluf ta’ investituri.

Is-satira għandha għan differenti minn tal-komiċità, għax tipprova twassal messaġġ permezz ta’ angolu differenti, u m’għandhiex l-obbligu li tisraq daħka; għandha l-obbligu iżda li tkun messaġġ ta’ kritika lejn sitwazzjoni jew anke persunaġġi. Il-livell ta’ intratteniment tas-satira m’għandux ikun marbut direttament mad-daħk li jisirqu l-battuti (jekk ikun hemm battuti).

Nemmen ukoll li s-satira ma tistax tkun imparzjali (mhux indipendenti, kif għedt ilbieraħ). Is-satira trid tkun bilfors skjerata ma’ ideoloġija jew ma’ kurrent jew linja ta’ ħsieb biex tgħaddi l-messaġġ tagħha b’mod effettiv. Dan imur lilhinn mill-partiġġjaniżmu Malti taż-żewġ partiti li jiġġieldu bejniethom fuq kwistjonijiet individwali u mhux minħabba xi baħar jaqsam tax-xellug kontra l-lemin (o żmien ħelu!); fil-verità ħafna mis-satira “ideoloġika” kieku tiġi applikata f’Malta tagħmel ħerba minn fost l-iskjaramenti taż-żewġ partiti. (Nota ċkejkna: anke satira fuq l-AD hija meħtieġa, u mhux biss fuq il-masġar li hemm fix-xagħar t’għajnejn Cacopardo).

Hemm il-kwistjoni tas-sjieda tal-midja wkoll. Ejja nsemmu lil Striscia la Notizia, il-ġurnal “satiriku” li ilu jidher kważi 30 sena. L-ironija fuq Berlusconi hija limitata għal kwistjonijiet elementari bħat-tul, jew il-fatt li huwa Il Cavaliere, iżda rari niftakar puntata ta’ Striscia li ser tattakka fil-laħam il-ħaj lil dak li huwa effettivament sidha. Nemmen li Berlusconi kuntent ferm bi Striscia, jarah bħala eżerċizzju ta’ limitazzjoni tad-danni, għax qatt u qatt mhu ser jikkritikawh, biċ-ċajt jew mhux, dwar il-qassata tal-Mondadori. Anke l-programm Le Iene, li semma Mark Micallef ilbieraħ, ġieli joqgħod lura. Tant hu hekk li wieħed mill-ġurnalisti li kien preżenti fis-snin tal-bidu ta’ Le Iene, Alessandro Sortino, kien irriżenja minħabba storja minn tiegħu li d-direzzjoni ta’ Le Iene ma riditx tippubblika.

Huwa minnu li l-mudell kummerċjali ta’ Bla Kondixin, biex nieħu eżempju, jaħdem u jaħdem sew. Is-swali jimtlew, u mbagħad jinbiegħu d-DVDs u tista’ anke tieħu ritratti mal-Kajboj. Dan ma jfissirx li Bla Kondixin u l-karattri tiegħu jittraduċu ruħhom f’satira li taqta’. Anzi, pjuttost naraha li tagħrax. Pawlu lbieraħ semma “tiġbed is-saqajn.” Jien tal-opinjoni li s-satira trid tiġbed il-widnejn sakemm ikun hemm par palelli ħomor nar. Kif għedt ilbieraħ, Bla Kondixin huwa forma ta’ intratteniment sanitizzat, m’hemmx spunti u skoperti xi jsiru minnu: l-għan aħħari huwa li tiġi kkonsmata daħka u xi ftit ikel moqli fl-intervall. Kienet ta’ serħan għalija l-ammissjoni ta’ Abigail Mallia matul il-programm li l-kumpanija tagħha mhux qed toffri satira iżda komiċità, nemmen li biex treġi fuq it-televiżjoni trid ikollok bażi finanzjarja soda u li trendi, u dan ifisser li t-TV qiegħda awtomatikament teskludi s-satira favur l-intratteniment u r-riklamar li jġib miegħu.

Immanuel Mifsud kien mar lilhinn minn dan meta qal, u naqbel miegħu, li l-Maltin jidħku bl-ovvju, u li l-komiku huwa dejjem il-ħamallu, il-ġaħan, il-fqajjar. Jien noħlom b’satira tajba li tinvolvi l-bankiera, l-avukati, dak li fadal min-nobbiltà Maltija (Sorrentino kien uża din l-idea f’La Grande Bellezza), satira dwar is-sidien tal-lukandi, satira dwar ir-regolamenti tax-xogħol, dwar l-istat tal-kultura, dwar l-akkademja (issa naraw kemm jieħdu ċajta), dwar ix-xandir nazzjonali.

Ix-xandir nazzjonali: il-mostru kbir u tqil li jiċċaqlaq b’passi tqal… anzi ma jiċċaqlaqx, sempliċiment bidel il-qoxra u issa jopera minn ġo Creativity Hub. Nammetti li l-Hub rajtha, imma l-Creativity… Jekk taqbad l-iskedi ta’ dawn l-aħħar tliet snin u tagħsarhom ftit li xejn tara tibdil fil-bażi ta’ dak li qed jiġi offrut bħala satira. Sena ilu, f’mossa li fhimtha bħala trolljatura ġenerali fuq il-poplu, taret il-faxxa tal-quiz u tal-intratteniment tal-familja u tfaċċa Norman Vella b’TVHemm (waranofsinhar kien ikun hemm TVPM u filgħodu TVAM. Għażla impressjonanti ta’ ismijiet…). Dis-sena Norman u l-iPad tiegħu marru jaħdmu d-dipartiment tal-immigrazzjoni, u l-faxxa mtliet bi programmi oħra ta’ ġurnaliżmu u ġrajjiet kurrenti. Madankollu mkien, lanqas fl-iktar irkejjen mudlama ta’ TVM2, ma ngħata lok għal xi ħaġa tassew left of centre, sovversiva, rivoluzzjonarja għat-TV Malti.

Insomma, għadna qed niddependu minn fuq drammi, riċetti ta’ reality shows riċiklati u mill-cash cow il-kbira, Xarabank, il-programm li waħdu huwa responsabbli għall-faqar tad-diskussjoni u ta’ xandir ġenerali li beżaq fuqna TVM fl-aħħar 20 sena. Id-dominju ta’ Peppi  fil-midja u ta’ Xarabank fl-ipprogrammar ta’ TVM jista’ jkun spalla eċċellenti għal satira medjatika, iżda ftit li xejn naħseb li TVM huma inklinati li jaċċettaw xi ħaġa li taqta’ dritt fil-ħjata tal-programmazzjoni tagħhom.

Bħala skuża ser jintuża l-eku l-ieħor tar-reġim, l-Awtorità tax-Xandir, in-nanna xiħa u bisbetika li trid kollox ibbilanċjat biex tevita kwistjonijiet tedjanti maż-żewġ partiti. Ma nistgħux nibqgħu sejrin biha din iċ-ċensura legalizzata (kwistjoni li semmiet ukoll Abigail Mallia). L-Awtorità għandha tiżgura mhux l-imparzjalità fis-satira, iżda li jkun hemm standard ta’ xandir diċenti u dan speċjalment fejn jidħlu t-tfal. Għandha tiżgura li ma nxandrux ċuċati u nbellgħu r-ross bil-labra lill-udjenzi; għandha tiżgura li l-valuri li qed jixxandru mhumiex dawk tal-materjaliżmu u l-faqar intellettwali li spiss naraw madwarna u nitkażaw bihom.

Tkun realtà kerha kieku TVM jelimina dak kollu li huwa minimament kulturali u intellettwalment stimolanti kif għamel Berlusconi, bl-għajuna ta’ Maurizio Costanzo u Maria de Filippi, billi fawwar il-Mediaset bir-reality shows u stejjer ta’ fiction fjakki. Noqogħdu attenti, għax ix-xifer huwa eqreb milli naħsbu.

Fl-aħħar niskuża ruħi talli lbieraħ ħadt Ġieh ir-Repubblika on the house biex inbiegħu. Ftakart li t-tifla tal-plumber tiegħi ġiet it-tieni f’kompetizzjoni tal-kant il-Mużew, u nħoss li ħaqqha daqs ħaddieħor.

Inħallikom b’xi ftit biċċiet Satira (bl-S kapitali) li ngħożż li dehru fit-televiżjoni Taljana matul iż-żminijiet. Id-differenza hija ferm ikbar mid-96km bogħod li hawn bejn Malta u Sqallija. Saħħiet.

Beppe Grillo u Craxi – RAI, 1986

Corrado Guzzanti u Corrado Guzzanti: parodija ta’ Il Sorpasso

Neri Marcore – Piero Angela

Sabina Guzzanti – Berlusconi (Presidente Operaio)

Leave a Reply

Required fields are marked *.