Wayne Flask

Author Translator Music Writer Public Annoyance

Malta – Italja: Is-Salott Ċkejken Wisq

| Comments

L-ewwel darba li lħaqt l-Innu Malti fi 8 logħbiet tan-nazzjonal fl-aħħar sentejn kellha tkun bis-saħħa tat-TV. Normalment, tkunx logħba mal-Moldavja, man-Norveġja, mal-Kroazja jew imqar max-Xlendi, inkun għadni qed nidgħi f’xi kju diżorganizzatissimu barra Ta’ Qali, fost paranojja u biża’ minn daqqiet ta’ umbrella, xi rifsa tajba, xi ħarqa b’sigarett.

Ilbieraħ rajtha mill-“kumdità” tad-dar (għandi sufan iebes ġebel). Mgħawweġ ganċ lejn it-TV qishom qed jilagħbu l-Milan, inżomm kontra dawk li s-soltu nkun qed inżomm magħhom matul il-bqija tas-sena. Ma bdejtx nistenna damdima, ma bdejtx nistenna rebħa, iżda kelli tamiet tajbin għal Malta u ma nistax ngħid li ħriġt diżappuntat.

Il-marki tal-Gazzetta dello Sport lill-players Maltin: hemm min ħaqqu marka aħjar.

Il-marki tal-Gazzetta dello Sport lill-players Maltin: hemm min ħaqqu marka aħjar. (ritratt meħud mingħajr permess ta’ Mark Muscat).

Xi punti dwar ilbieraħ:

  1. L-innu Malti huwa innu sabiħ. Inkiteb fi żminijiet iebsin għal pajjiżna meta niesna ma kellhom xejn. Pajjiżi oħra għandhom innijiet fejn jimmasturbaw għall-glorja imperjalista tagħhom stess (“send them victorious” – fejn? iġibu pizza mill-Maxokk?) jew għal xi forma ta’ unità nazzjonali li ilha mitlufa qalb piki politiċi u territorjali (l’ Inno di Mameli in primis). Ma naqbilx li l-innu Malti għandu jinbidel, u dan, ejja ngħiduha kif inhi, huwa wieħed mill-ftit testamenti tal-istorja li għad għandna flimkien appuntu mal-bandiera. Fl-aħħar: m’għoġbitnix il-verżjoni tal-bieraħ. L-innu Malti ħaqqu sopran, jew tenur, xi ħadd li jbikkik bil-kant tal-innu, mhux kantant popolari. Għal xi raġuni ma nimmaġinax lil Jovanotti jkanta l’ Inno di Mameli.
  2. Dawk l-ostja penalties hemm bżonn nagħmlu ftit taħriġ sew, Michael. Huwa t-tieni penalty li ma skorjajtx, veru quddiemek kellek l-ewwel lil Cech u mbagħad lil Buffon (!!) imma x-xutt tal-bieraħ kien diżappuntanti. Immaġina kieku ġejna 1-1 kemm kont tferraħ nies! Kont saħansitra tneffaqni tavolina ġdida. Sadattant, filwaqt li ma nistax nirriproduċi eżattament l-espressjoni li użajt ilbieraħ x’ħin Buffon laqa’ l-penalty, l-ispirtu ta’ kliemi kien għadu jdur mas-salott saħansitra dalgħodu. Ħassejt ukoll li l-foul ta’ Dimech fuq El Shaarawy kien pjuttost inutli u seta’ jevitah.
  3. Balotelli ħobbu, obogħdu, imma mhux għax għandu kulur tal-ġilda differenti. Minn fuq ir-RAI (li m’għamilx xi mikrofonaġġ tal-pubbliku żul minn hawn) kienu jinstemgħu serje ta’ “booo” kull darba li jersaq lejh il-ballun, li jegħrqu wara ftit sekondi taħt baħar ta’ tisfir. Li nisma nies sejrin il-logħba li qishom iktar interessati li jsaffrulu milli jżommu ma’  Malta ma nistax nifhimha. Tgħajjar lil ta’ kontrik mhux sinjal li qed iżżomm ma’ pajjiżek lanqas (jien stess ħati, kont għajjart lil Ibrahimovic xi ftit tas-snin ilu meta ġie Malta, ovvjament mill-bogħod għax kieku m’għadnix hawn biex nitkellem dwarha). Għalkemm jekk huwa fatt li ma nistgħux nieħdu lezzjonijiet dwar ir-razzismu mill-Italja, dan il-fenomenu rridu naraw sew x’inhu.
  4. Żammejt mat-Taljani? Qisek tippreferi lil Justin Bieber mil-Led Zeppelin, jew Pimp my Ride minn dokumentarju. L-importanti li jleqq.
  5. “Si lascia cadere…” qal il-kummentarju tar-RAI dwar il-penalty mogħti lil Malta. Ħeqq, narawh anke f’pajjiżna l-kampjonat Taljan, xi ħaġa nitgħallmu – għalkemm xorta jidhirli li kien penalty ċar.
  6. Fl-aħħar rajt xeba’ grinta minn naħa tal-Maltin kontra team li rebaħ it-Tazza tad-Dinja fl-2006 (għalkemm inbidlet sew il-ġenerazzjoni) u spiċċa t-tieni wara Spanja fl-EURO 2012. It-taqtiegħa bejn David u Gulija ma kinitx daqshekk żbilanċjata; apparti li fuq it-TV il-Maltin, speċjalment meta jidħlu għall-ballun, jidhru tassew bla grazzja, ma tantx għamlu li riedu t-Taljani. Kien hemm mumenti fejn tistenna li t-Taljani se jdaħħlu s-second u jimlewna goals, imma għal xi raġuni li jafu huma biss, ilbieraħ baqgħu lura. Iżda ħadt ħafna pjaċir li ma konniex qed nagħqdu mal-ground qisna tiġieġ mitluf, u xi erba’ through balls tal-Maltin qalgħu naqra inkwiet lid-difiża Taljana, u tajna xuttijiet fil-lasta u… ħaqq għal qaħba… ħabat mal-lasta ta’ fuq ukoll.
  7. President u Prim Ministru jaraw lil Malta. Nittama li jkunu preżenti għal kull logħba ta’ Malta, mhux għax hemm ċans li nieħdu firma mingħand El Shaarawy biss. Nispera li ma kienx hemm xeni fid-dressing room bħal meta Angela Merkel marret tara kif inhu mibni Ozil.
  8. Il-koreografija ta’ qabel il-logħba: prosit Louis Agius.
  9. Il-banda ta’ waqt il-logħba għadha naqra skurdata. It-trumbetta kienet partikolarment irritanti. Tgħid ta’ min jimla żewġ fillieri bil-perkussjonisti biss?
  10. Ġietni l-impressjoni li xi wħud mill-players Taljani kienu qed jitkessħu xi ftit. Rajt mossi żejda ta’ Pirlo u anke Montolivo fil-konfront tal-Maltin, normalment meta nkun qed nilgħab 5-a-side naqla’ argument dwar ċertu atteġġjament ta’ qżież lejn player ieħor fil-ground. Kien hemm ukoll battalja twila u kważi mdemmija bejn Dimech u Balotelli, ma nafx fuq liema parametri, għalkemm naħseb li kienet sempliċi kwistjoni ta’ handbags strettament relatata ma’ xogħol.
  11. Darb’oħra, anke jekk imqar nilagħbu ma’ Swaziland, immur il-grawnd.
  12. Forza Malta ma nixba ngħidha qatt.