Wayne Flask

Author Translator Music Writer Public Annoyance

Mejju (4)

| 0 comments

Kaxkart saqajja lura lejn l-uffiċċju, bit-togħma tat-tiġieġ kiesaħ għadha f’ħalqi. Kelli aptit stramb li ma nagħmel xejn fuqi, xi ħaġa mhux tas-soltu, għax biex ninsa x-xogħol ninfexx f’ iktar xogħol.

Waranofsinhar għadda fid-dieqa tax-xejn. Jien u l-arloġġ tal-kompjuter qbadna logħba ta’ tehmiż u teptip tal-għajnejn. Inteptep tiegħi u nara l-arloġġ teptipx minuta. Xejn. Daħlu xi żewġ telefonati kemm jiksru ftit il-monotonija, u daqshekk.

Malli saru l-ħamsa u kwart sparajt ‘il barra, żewġ tislimiet ta’ malajr lil min inzerta fi triqti, fil-lift ftakart li ma tfejtx il-kompjuter iżda ġejt nitnejjek mill-OCD apparenti tiegħi u ma dortx lura biex nitfih. Lebbitt lejn il-karozza, weħilt fit-traffiku tas-soltu, u soqt lejn il-ħanut ċkejken tal-ħaxix fis-Swieqi fejn, darba ftit snin ilu, taħt xi forma ta’ sakra jew voodoo, bdejt niġi nixtri.

Il-lista tiegħi dejjem l-istess: ħass; bajd; qargħa aħdar; zunnarija; brunġiel; tadam; xi bżaru; kaboċċi; pastard; dulcis in fundo, il-broccoli, l-assassin infallibbli tal-palat. Qiegħed indur nofsni mitluf qalb l-ixkafef qisni ġejt nixtri l-ewwel darba, avolja hawn ġew nafu bl-amment. Il-ħaxix nieklu mingħajr passjoni ta’ xejn, nieklu għax ta’ bilfors bħalma nagħmel kważi kollox.

Warajja għaddejja l-parlata tas-soltu bejn żewġ nisa li sforz kemm jiltaqgħu spiss lanqas għandhom xi jgħidu sew bejniethom. Jieqfu eżatt f’nofs il-korsija, forsi biex ikollok titħaxken ftit magħhom jekk trid tmur għall-frott, u rħilhom jgħawġu bl-Ingliż, b’dik l-“ey” aċċentwata li tiżżerżaq minn fuq ilsienhom donnha karozza qed tikser mal-kantunieri fit-toroq Amerikani ta’ Starsky and Hutch. Għandhom madwar erbgħin sena, probabbli għandhom l-istess isem (Pat jew Kate), u qishom kopja ħażina tal-karattri ta’ Desperate Housewives. Ili ninnutahom żmien: kull darba li jiltaqgħu, festa ta’ xahar miżbugħ isfar u tlellix ieħor varju, jgħaddu kwarta jtaqtqu dwar uliedhom li wkoll jagħmlu prattikament l-istess ħwejjeġ: jilagħbu football, jew aħjar jippruvaw jiddeffsu fl-ewwel ħdax tal-Luxol; jeħlu ripetutament fil-matematika u jitkaxkru fil-Malti (miraklu jew korruzzjoni?); u jilagħbu FIFA (‘maaa that bloody game’) ilħinkollu. Anke żwieġhom jidhru pratikament l-istess persuna: dejjem jaslu tard mix-xogħol għajjenin mejtin, jaħdmu ta’ konsulenti, jaqilgħuha tajjeb u jsuqu, kumbinazzjoni, BMW it-tnejn li huma. Ikolli ngħid li kieku mhux għax jgħixu faċċata ta’ xulxin li dawn iż-żewġ Pats, jew iż-żewġ Kates, miżżewġin l-istess raġel.

Il-ħanut mimli b’diskursati ċkejknin bħal dawn bejn nisa simili ħafna. Xi darba s-Swieqi kien komunità ċkejkna ta’ nies li kollha jafu lil xulxin, djar sbieħ u xi żewġ vilel. Illum huwa orġa ta’ bini fuq xulxin fejn il-blokok ta’ appartamenti (nofshom mhux mibjugħin) qegħdin hemm biex iwaqqfu lix-xemx milli tiddi.

Dan il-ħanut tal-ħaxix ilu hawn għoxrin sena u l-antiki tar-raħal jibqgħu jiġu hawn. Il-kaxxiera titkellem bl-Ingliż, u jiġu jixtru hawn anke nies mill-Madliena, saħansitra minn irħula fejn il-ħaxix jaqa’ mis-smewwiet (bħal Burmarrad). Kull tant ngħolli rasi mil-lista u nistħajjilni dħalt f’xi sala tal-assemblea ta’ nisa li xebgħu d-dar u ħassew impuls inkontrollabbli li jixtru l-ħaxix, u dejjem nistaqsi ruħi għala nibqa’ niġi hawn meta x’imkien qribi żgur li hemm ħaxix jinbiegħ bi prezz aħjar, irħas, isbaħ, minn bejjiegħ li jitbissem u li forsi ma jfottikx, li jtik l-irċevuta, li jsegwi l-futbol u li bħali jżomm mat-Torino. X’imkien dejjem hemm xi utopija.

Ħarist ‘il fuq u ħadt qatgħa f’qalbi. Erbat ixkafef ‘il bogħod rajt figura qsajra u mimlija leħja. Żgur li hu, ma jista’ ikun ħadd ieħor. Ippruvajt nevitah, dort biex intih dahri, iżda hu donnu kien induna bija qabli.

Kien David. Iż-żobb. Minn tant nies li tista’ tara hawn…

David u jien konna skola flimkien għal snin twal iżda qatt ma konna ħbieb. Qatt ma ħadna l-lunch flimkien, qatt ma partatna Calciatori u qatt ma poġġejna ħdejn xulxin fil-vann ħlief xi darbtejn. Diġà meta kont żgħir kont naqra stramb u mgerrex, imma David… David kien is-sick fuck tal-klassi. Kien hemm stigma lejh, ma kien cool b’ebda mod assolut anzi ħafna mill-klassi kienet tarah bħala iblaħ u infaldat. Kien ħażin fl-isports mhux għax nerd imma għax kien bniedem medjokri – dejjem ta’ qabel tal-aħħar fil-marki tiegħu, kien qisu n-Norwich fil-league.

Darba kien intortament qala’ xebgħa mingħand Christian, li rrepeta l-Form 1 u b’hekk stabbilixxa ruħu bħala l-bully tal-klassi għal ħames snin. Kien lagħablu waħda kif imiss ġo dahru u bl-iskoss temmagħlu l-ħadid li jifred il-grawnd mill-bqija tal-bitħa. Kont ħadt ir-ruħ meta, avolja qatt m’għamilli xejn, David ħa s-sciences meta wasalna Sixth Form u sparixxa għal dejjem mill-kuxjenza ta’ kulħadd. Kont smajt biss li ommu u misseru isseparaw u li hu kien telaq minn Malta u mar f’xi toqba fl-Asja jfittex lilu nnifsu.

Ħadt nifs hekk kif resaq lejja.

“Hey, kif inti?”

Illostja kemm inbidel, ħsibt. Leħnu kien differenti ħafna. Is-sonża li kellu sparixxiet. Idejh, wiċċu, m’għadhomx bojod u mpaħpħin; kien qaxxar xagħru u ħalla l-leħja tikber. Kien liebes ġakketta sewda sa qaddu, jeans u speċi ta’ boots kannella.

“Aw xbin, x’minnek?” weġibt jien. L-ewwel impatt miegħu kien ferm inqas traġiku milli ħsibt, għalkemm xi ħaġa baqgħet tgħidli li m’għandix aptitu.

“Ġejt nixtri naqra veg għal-lejla.” Iss prosit, ma ġejtx hawn għal pitrolju hux? Dan is-smalltalk ta’ bilfors jirritani.

“Eh, iva, anke jien,” għedtlu b’ton ferm inqas allegru minn tiegħu.

“Fejn qed taħdem? Iżżewwiġt?”

“Mal-avukat hux… imma le ma żżewwiġtx ta.” Wiċċi beda jitqarras mingħajr ma għedtlu biex; u biex inpatti għat-tingiża, weġibtu. “Inti x’għamilt, sibt xi waħda minn hemm b’għajenjha mġebbdin?”

“Imġebbdin? Le le, jien l-Awstralja kont. Ma tantx fittixt biex niżżewweġ ifhem, taf kif jien.”

“Iva, naf kif int… Isma ħa jko…”

“Iva anke jien irrid inkompli. Tini ċempila. Ejja nieħdu lager, xi ħaġa, nitkellmu.”

“Iva iva,” għedtlu, mingħajr interess minimu f’li kien qed jipproponi. Tani n-numru, għamilt tabirruħi li ktibtu fil-mobile, sellimtlu, u mort fil-kju.

Jien u ħiereġ, qisni l-istordut, ftakart li nsejt nixtri l-frott. Kien għad hemm dawk it-tnejn itaqtqu, fin-nofs tal-korsija. Fuck it, dil-ġimgħa mingħajr frott se jkolli ngħaddi.

(ikompli)

Leave a Reply

Required fields are marked *.