Wayne Flask

Author Translator Music Writer Public Annoyance

Mejju (3)

| 0 comments

Ma niflaħx inħares ‘il fuq dalgħodu. Kaħħalt wiċċi fil-monitor, imsakkar fil-mikrokożmu tiegħi nnifsi, ma rridx nisma l-battuti tal-oħrajn, ma rridx inkun naf x’kielu, x’qaltilhom il-mara lbieraħ, min qed ibaqqan lil Estelle. Nixtieq imqar għandi ktieb fiex ninfexx iżda madwari sibt biss il-Yellow Pages. Tfajt l-earphones f’widnejja u qgħadt nipprova ngħarraq il-ħoss tal-kollegi fl-Afterhours.

“ora attirami a te per andare
in un mattino sovrannaturale
fra cavalieri sieropositivi
e nuova luce e verità
che noia devo vio…”

Dak il-ħin tfaċċa fil-kamra Sammut u siket kulħadd; għamilt mossa ħafifa biex inneħħi l-earphones bojod minn ġo widnejja.

“Bonġu lil kulħadd!” tenna Sammut bl-entużjażmu ta’ sewwieq ta’ xarabank qabel xift fl-erbgħa ta’ filgħodu.

“Bonġu sur Sammut,” wieġbu f’daqqa tnejn minn sħabi, donnhom miftiehmin. Lanqas meta konna l-iskola  bilwieqfa qisna reġiment ma konna nkunu daqshekk pronti.

Sammut kien ilu maniġer fl-uffiċċju fejn naħdem għal dawn l-aħħar għoxrin sena. Kien sar parti mill-għamara hemm ġew u laħqet anke kilitu s-susa. Kien raġel sew, tal-familja, bożju u ħabrieki. Kultant, ngħidu aħna darba f’sena, taqbiżlu xi waħda sew. Il-kollegi kienu jirrispettawh, forsi għax ma kien iħalli lil ħadd jersaq wisq viċin tiegħu. L-uffiċċju tiegħu qatt ma kien miftuħ għalik, ħlief l-Erbgħa bejn is-siegħa u s-sagħtejn u biss jekk ikollok appuntament miftiehem minn xi ġimgħa qabel. Ikollok problema, jipprova jsolvihielek; jekk ma tissolviex mal-ewwel darba, jipprova mat-tieni u forsi anke t-tielet darba.  Fiż-żmien meta Sean u Gareth kienu qishom żewġt iqtates jiġġieldu fuq landa tonn kien qagħad kwiet josserva x’ser jiġri. Meta fl-aħħar ġew fl-idejn, it-Tlieta filgħodu jumejn qabel ma beda s-shutdown, kien ħareġ għalihom bħal sajjetta u daħal f’nofshom iferraqhom (li ma kienx għalih wieħed minnhom kien jispiċċa l-isptar bl-għeruq ta’ xagħru maqlugħ.)

Tersaqx lejn l-uffiċċju tiegħu u tgħidlu ċajta jew tkellmu dwar il-futbol, għax jibqa’ iħares fiss lejk sakemm jiksrek bil-ħars u jkollok tmur lura lejn l-iskrivanija bħal kelb mismut minn kaldarun misħun.

Dalgħodu kien qed jagħfas xufftejh ma’ xulxin aktar mis-soltu, donnu qed iżommhom marbutin biex ma joħroġx kurrent ta’ dagħa u riħa ta’ sigaretti minn ġo ħalqu. Għadda minn ħdejn l-iskrivanija tiegħi, telaqli żewġ karti fit-tray u kompla miexi ‘l ġewwa. Daħal fl-uffiċċju tal-Cortis u għalaq il-bieb. Hekk kif kont ser inwaqqaf widnejja biex nissemma beda jdoqq it-telefon.

Ostja kemm nobogħdu t-telefon sirt. Speċjalment meta jdoqq fl-ewwel nofs siegħa xogħol u jkun hemm kulħadd madwari. Ma rridx inwieġbu. Bqajt niċċassa lejh bil-bozza ħamra tixgħel, saħħti tinxef ma’ kull daqqa. Min qed jiksirli sormi dalgħodu, ħsibt. Qiegħed hemm, ċass, naħseb fuq l-uġigħ ta’ ras li m’għandix u li ser ikolli daqt, mingħajr ħsieb ċar ta’ kif se nwieġeb. Fil-pront nisma’ lil Sammut jiftaħ il-bieb u jgħajjat, “dak it-telefon se twieġbu jew qed tistenna s-Slaten Maġi jaslu?”

Ħasadni. Weġibt it-telefon. Kienet kanna oħra, hemmx x’tara: Mark tal-accounts ma setax iqabbel xi numri li ħolom hu stess xi ġimgħa qabel, kelli nitlaq minn idejja u mmur nara xi jrid. L-accountants, kemm ma naħmilhomx.

Sammut bewweġ ‘il barra u tani ħarsa donnu qtiltlu ‘l mara u t-tfal. Jien, ħadt nifs ieħor ‘il barra. Illum ġejja ġurnata oħra minn dawk, qisha tal-bieraħ, u qisha ta’ qabilha, u naf fiċ-ċert li għada ser ikun hekk ukoll. Nieżel bil-lift lejn il-kmajra fejn jaħdem Mark, did-darba niċċassa  lejn id-dawl li jidher minn dak ix-xaqq ċkejken ta’ bejn il-bibien tal-lift. F’dan l-uffiċċju, ostaġġ ta’ konkrit u perspex, diffiċli tara xaqq ta’ dawl ifeġġ minn x’imkien.

Il-kesħa fil-kamra ta’ Mark kompliet iżżid mal-miżerja tas-sitwazzjoni. Il-keyboard tiegħu mimlija brija (riżultat tal-fatt li jinħasel ftit u jħokk rasu spiss) u minn taħt idejh, minkejja li issa daħlu sew il-ħarifa u l-bard u għadhom bilkemm l-għaxra, ġejja s-soltu riħa ta’ kaboċċi maqtugħ.

Sagħtejn fil-kamra ta’ Mark, weħidna, li matulhom ir-riħa għaddiet minn kaboċċi maqtugħ għal dik ta’ ġurdien moqli fil-permanganat. Il-fobiji kollha tiegħi kienu jsibu l-iżbokk tagħhom f’Mark. Bdejt inżomm lura kemm nista’ mill-mejda tiegħu iżda bilfors kien ikolli nersaq qrib biex nara x’kienu l-figuri li kien qed jikkontesta. Bdejt nistħajjel l-ispreadsheet enormi li kellu f’ħoġru mimlija bżieq u brija. Ħin minnhom rajtu kien ser jagħtas u kważi tajt is-salt, kont lest naqbeż qabża fuq il-mejda u nitlaq niġri għal ħajti, konxju mill-fatt li kelli naqbeż mit-tieqa, ħames sulari, u niġi f’nofs Triq in-Nofsinhar. B’xorti tajba m’għatasx, irnexxilu jżommha, għalkemm xi ftit tal-mistħija baqgħet f’wiċċi minħabba n-nofs pass li għamilt lejn is-salvazzjoni.

F’nofsinhar bejn il-bżonn li nieħu ftit tal-arja wara sagħtejn f’dak l-infern ta’ mard u ntiena u x-xejn ta’ kuljum li erġajt fih, flok qgħadt ġewwa niekol il-ħobż fuq l-iskrivanija u nħuf fuq is-sit tal-Gazzetta dello Sport iddeċidejt li nagħmel xi ħaġa mhux tas-soltu. Illum ġemmajt ftit tal-kuraġġ u tlaqt ‘il barra mill-uffiċċju, fit-toroq mimlija avukati u avukatini, infittex xi ħaġa differenti x’niekol u nara wċuħ ġodda. Anke jekk qed nitħaddtu dwar il-Belt hawn, mhux New York. Qatt ma mort New York, lanqas.

(ikompli)

Leave a Reply

Required fields are marked *.