Wayne Flask

Author Translator Music Writer Public Annoyance

Mejju (2)

| 0 comments

Dalgħodu qomt bħas-soltu, mirżuħ u għajjien. Tkaxkart mis-sodda għall-kċina, xtaqt inġorr il-kutra miegħi kif kien jagħmel wieħed mill-ħbieb ta’ tfuliti, Linus. Meta miet Charles Schulz, familtu kienet talbet li miegħu jmutu Linus, Charlie Brown, Snoopy u sħabu kollha ta’ Peanuts. Kien ilu għaddej bis-serje tiegħu b’mod regolari għal ħamsin sena. Jien, għandi 43 sena u lanqas il-lejl li għadda ma rnexxili nlesti l-ewwel kapitlu.

Ħarist fil-mera u kollox jidher kif ħallejtu lbieraħ: par għajnejn baxxi bil-lega safra tal-irqad imwaħħla mal-irkejjen, snien abjad karti li qatt ma ffrankali problemi jew xi għajta, xi żewġ sufiet żgħar ħerġin minn imnieħri, widnejja la kbar u lanqas żgħar, u linji li jaqsmu minn naħa għall-oħra ta’ moħħi. Sa ftit taż-żmien ilu dawn il-linji kienu jidhru biss meta nkun inkwetat. Issa qegħdin hemm full time, mafkar permanenti ta’ 43 sena li għext fil-baħħ totali tan-normalità mundana tiegħi.

Moħħi kien qed itektek bl-uġigħ. Le, m’għamiltx xi lejl ta’ rock and roll. Kull darba li npejjep sigarett fil-magħluq hekk jiġrili, speċjalment jekk nixrob. Ilbieraħ erġajt qattajt sagħtejn mal-ktieb, bejn it-tmienja u l-għaxra w nofs. Bħas-soltu bdejt b’ħafna rieda tajba, b’motivazzjoni ta’ raġel li seta’ verament iwaqqa’ tempju u jerġa’ jibnieh, bil-permessi b’kollox, fi tlett’ijiem. Wara ħames minuti kont diġà waqajt lura fil-marażma eżistenzjali tiegħi tas-soltu, dak li għax-xogħol isejħulu ‘self-pity’.

Qatt ma kelli għalfejn nitħassar u nibki lili nnifsi quddiem tax-xogħol: dik l-attività nħalliha f’idejn Estelle li taħdem fir-reception u li kull ħmistax jitlaqha xi wieħed (fl-uffiċċju nibet ċirku ta’ imħatri dwar kemm ser idum il-boyfriend il-ġdid). Imma issa, il-ktieb, ir-rumanz, novella jew x’ser ikun, ilu mitluq għal riħu għal żmien twil jixxengel minn naħa għall-oħra skont riħ li jinbidel kull kwarta. L-aptit li nibki qed jilħaq lili.

Dlonk qabżitli u bdejt naħli naqra ħin. L-ewwel fuq Facebook. Imbagħad għamilt sessjoni twila ta’ Youtube. U mbagħad, id-daqqa finali għal kull tama ta’ progress fuq dan l-imniegħel ta’ ktieb, intfajt fuq Stumbleupon. “Skoprejt” lil Russ Meyer; dudu aħdar li jikkrea mużika (oxxena) jekk iċċaqalqu bil-mouse minn tarf tal-monitor għall-ieħor; mappa tal-imperi li saltnu fuq l-Ewropa mill-1200 ‘l hawn u li ma kinitx tinkludi, ovvjament, lill-Konti Ruġġieru li kien jiġri bil-mantell imqatta’.

Kewwist xi ħaġa fl-iskutella tal-kolazzjon. Stajt tfajt l-ifjen biċċa perżut ta’ Parma għax xorta qisha Weetabix kienet tidher. Ix-xemx għadha bilkemm telgħet. Ta’ fuqi qed tlibbes lit-tfal, mix-xehir li ġej qed nassumi li ċ-ċintorin qed tużah.

Minn hawn u ftit minuti oħra jibda l-istorbju tas-soltu. Tal-ħobż; il-midgħi ta’ faċċata, miskin naqra marid, li jqum jidgħi mingħajr ma jkun qed joffendi lil ħadd b’mod partikolari; ta’ warajja li jqum jistartja b’ħafna tbatija l-karrakka li probabbli ġie konċeput fiha ħamsin sena ilu, f’lejla kerha ħafna għal dinjietna; taż-żibel; il-vann tat-tfal; tal-gass.

Inkun tlaqt għax-xogħol eżatt kif jgħaddi l-vann għat-tfal li jkunu qed jistennew, u ġieli jistkennu, fid-daħla tal-blokka tagħna. Ġieli jkolli xi ngħid magħhom għax xi tnejn minnhom jilagħbu futbol bil-boroż taż-żibel. Naturalment tant m’inix kreattiv li ma ġinix f’rasi nitfa’ bomba tal-plutonju fiż-żibel, jew inwaddab il-borża lejn dar ommhom (jekk hi ommhom), jew nidgħilhom b’tant saħħa li ta’ faċċata jidher beginner ħdejja. Le, xejn minn dan. Sa “aqtagħha” jew “ieqaf” nasal. Qed insir xiħ li dejjem jgħajjat ma’ tfal li mhux tiegħi, bħal Woods li kien jgħix fit-tarf tal-isqaq fejn konna nilagħbu jien u Paul meta kellna għaxar snin.

Ħriġt barra, u bit-triq kemm kemm imxarrba, għamilt is-soltu żifna biex ma niżloqx fuq l-irħama u mxejt sal-karozza.

Dalgħodu, flok startjajt u qallibt iPod biex insib xi ħaġa li għandi aptit nisma u li żgur m’għandix, waqaft inħares lejn dak li qed jiġri madwari. Tgħid tiġini llum il-muża biex nagħlaq dan l-ostja kapitlu?

Bqajt inħares lejn il-ħajja ta’ madwari għaddejja għall-affari tagħha. Xejn. Nisa bil-basket tar-roti warajhom sejrin jixtru l-ħaxix. Raġel xiħ b’kelb tal-but. Tifel li suppost qiegħed l-iskola imma llum, għal xi raġuni li ma tidhirx li hija mard, qed jiġri minn naħa għall-oħra tat-triq, minjaf hux fit-tama li jgħaddi xi ħadd u jieħdu biex jitgħallem xi ħaġa sura.

Xi waħda minn dawn il-ġranet irrid nieqaf nitmejjel bija nnifsi. M’inix lanqas kopja ħażina ta’ Nicholas Cage f’Adaptation. M’għandix storja. M’għandix idea. Ma hemmx direttriċi famuża li trid taħdem miegħi. M’għandix ħija tewmi (ħija ilu li sparixxa lejn Brussell sitt snin u jiġi biex jivvota biss. Lanqas biċċa Happy Birthday ma jibgħat, l-ebete).

Startjajt, ħadt nifs ‘il barra li xtaqtu qalgħali ruħi, u soqt lejn il-Belt. Il-preokkupazzjonijiet tal-ktieb taru hekk kif qbadt il-bypass ta’ Birkirkara mwaħħla bil-karozzi, bħas-soltu. Għażżien kif jien, lanqas kelli ħajra nsib mużika fuq l-iPod. Qgħadt nitpaxxa, sa ma spiċċat il-konġestjoni, bil-mużika li beda jsabbat ġo widnejna l-Bay Radio (is-soltu karozza modified) u bl-uċuh tal-qlavat l-oħra sejrin għax-xogħol. Tnaqqir tal-imnieħer, nies jiċċekkjaw qalgħux il-ħmieġ kollu minn bejn snienhom, tgiddim tad-dwiefer, sigaretti, xi horn, xi tnejn li jemmnu fil-carsharing ifittxu l-orizzont imbiegħed qalb il-baħar ta’ karozzi li qed joħnoq għodwa oħra minn ħajjithom. Minn warajna, xi ħadd qed jikkompeti mal-Bay bl-Orchestral Manoeuvres in the Dark.

Bdejna bit-tajjeb, ħsibt. U dan, qabel ma fl-aħħar sibt fejn nipparkja, biswit arblu tad-dawl, u braxt għal darb’ oħra l-ġenb tal-karozza sakemm qed intiha r-reverse.

(ikompli)

Leave a Reply

Required fields are marked *.