Wayne Flask

Author Translator Music Writer Public Annoyance

Junk Mail

Posta Iva, Junk Mail Le

| Comments

Id-dar, fuq il-kaxxa tal-ittri, għandi sticker bħal din.

Sempliċi, ma hemmx wisq fiex titfixkel: hija sinjal li jien, bħala sid id-dar u magħha l-kaxxa tal-ittri, ma rridx fuljetti b’riklami, propaganda politika, reliġjuża, u mbarazz ieħor li jifqagħlek il-kaxxa u jagħmillek soppa sħiħa fix-xita.

Iżda hawn min sempliċiment jiġi jitnejjek minn dan is-sinjal, u llum finalment qabżitli. Ladarba dawn il-kumpaniji li qed jirriklemaw il-prodott jew servizz tagħhom (u jonfqu ħafna flus f’riklamar sabiex jippromwovu l-immaġni tagħhom) ma għandhom ebda permess jifqgħuli l-kaxxa tal-ittri tiegħi, ser nieħu azzjoni.

Minbarra li ser insemmi min huma l-kumpaniji li ma jagħtux każ ta’ din l-isticker, ser nagħżel bejn azzjoni legali jew azzjoni “illegali”, li fil-verità ma hija illegali xejn meta tikkunsidra dan li ġej.

Il-kumpaniji qed jarmu posta li jien ma nixtieqx fil-kaxxa tal-ittri tiegħi u okkażjonalment anke fuq it-taraġ, minħabb l-għażż ta’ min qed iqassam. Ma rridx nitwikka bl-imbarazz ta’ ħaddieħor u għandu dritt sagrosant li l-kaxxa tiegħi tintuża biss għall-posta li “nixtieq” nirċievi, bħall-kontijiet per eżempju. Allura ladarba dawn il-kumpaniji qed jarmu għandi, minħabba li l-liġi tgħodd għal kulħadd, jekk nerġa’ insib fuljett ieħor li ma rridx nirċievi, ser inżomm iż-żibel tiegħi jiffermenta fuq il-bejt tad-dar tiegħi għal ġimgħa sħiħa (ikun temp xemxi, jew xita, jew terremoti u  saħansitra attakki nukleari) u wara ġimgħa mmur nitfgħu fuq l-għatba jew kaxxa tal-posta tal-uffiċċji ta’ dawn il-kumpaniji jew individwi.

S’issa, irċevejt posta mhux mixtieqa mingħand dawn li ġejjin:

  • Smart Supermarket
  • Developers’ Best
  • Maltapost (!!!)
  • Kandidat tal-PL bil-laqam “Ir-Roma” li bagħat in-nies tiegħu iqassmu darbtejn, u xorta ma nafx sew x’jismu.
  • Claudette Butigieg (PN)
  • Varsal Gallery – Attard
  • Sanoserv

Naturalment din il-lista ser taġġorna ruħha maż-żmien, u ser nimmarka kemm-il darba ġew jitnellħu dawn il-kumpaniji sakemm niddeċiedi nieħu azzjoni, imqar permezz tal-liġi.

Nifhem ukoll li dawn il-kumpaniji jużaw intermedjarji biex iqassmu l-posta tagħhom, għalhekk huwa responsabbilità tal-kumpaniji li ma jibqgħux joħolqu inkonvenjent mhux mixtieq.

Wara kollox, u hekk għandu jkun, jekk narmi barra jien naqla’ multa. U min irid ibiegħ il-preserv b’5% skont, jiġi jarmi f’tiegħek.