Wayne Flask

Author Translator Music Writer Public Annoyance

Piccola Calabria, Tonio Borg, u ċ-Ċiniż li Jsajjar il-Qtates

| 0 comments

Jekk ma’ dawn it-tlieta hemm isem il-Kummissarju Ewropew il-ġdid m’għandkomx taħsbu li ser nitħaddet dwar l-ikel. Anzi, din it-tħarbixa ta’ malajr pjuttost għandha x’taqsam ma’ ħwejjeġ li jqallbuli l-istonku.

X’hemm komuni bejn dawn it-tliet fenomeni relattivament reċenti li raw lil ħafna nies jagħmlu ġirja sħiħa għall-keyboards tagħhom u juru l-indinjazzjoni nobilissima tagħhom?

Sempliċi. Fit-tliet każijiet, kien hemm barrani li qed jikkritika, jew jhedded, xi ħaġa jew xi ħadd li hija “tagħna.”

Personalment m’inix interessat nidħol fil-merti ta’ jekk Tonio Borg huwiex il-Kummissarju ideali, l-opinjoni tiegħi hija ċara daqs kemm hi irrilevanti: lilhinn mill-fatt li huwa politiku ta’ ċertu karatura u livell, ma naqbel miegħu kważi f’xejn minn dak li ppropona dwar drittijiet tal-omosesswali u nisa, u l-kwistjoni tal-immigranti li ma riedx jilqa’ f’pajjiżna (ironiku l-mod kif il-kunċett ta’ karità tant qalb il-Kattoliċi li jħabbtu fuq sidirhom jisparixxi meta l-għajnuna jkollhom bżonnha “l-minoranzi”. Fis-sens wiesa’, is-sebgħa ippuntat lejn Tonio Borg jista’ faċilment jiġi ppuntat  lejn parti kbira mill-Maltin).

Il-problema tiegħi mhix ma’ Tonio Borg, b’ebda mod.

Il-Maltin, speċjalment dawk li jgħaddu ħafna ħin ibeżilqu u joħorġu r-ragħwa minn ħalqhom fuq il-message boards tat-Times (insult lejn iċ-ċiviltà Rumana tgħajtilhom forum), irnexxilhom fl-ispazju ta’ xahrejn jitfgħu fl-istess keffa lill-Membri tal-Parlament Ewropew (in-nofs li ma qabilx man-nomina ta’ Borg), lil sid ta’ ristorant Taljan fix-Xemxija, u issa anke lil raġel Ċiniż li skont xi nies kien qed jiġbor il-qtates biex isajjarhom (iżda minn kif qed naqra dalgħodu, jidher li ma għandu x’jaqsam xejn mal-affari u s-sempliċi fatt li kien qed jiekol f’ristorant Ċiniż f’Wied il-Għajn sar ifisser li r-ristoranti Ċiniżi kollha jsajru l-qtates).

“X’jiġifieri tiklilna l-qtates? Dawk irridhom hawn, f’pajjiżi, mhux f’dari imma; imqar intihom daqqa ta’ karozza jekk ikolli ġurnata ħażina għax-xogħol. Ċiniż? Iddeportawh.”

“X’jiġifieri tgħajjarna klieb Għarab? U int qiegħed hawn tgħix minn fuq il-flus tagħna, li nħallsu biex nieklu l-qamel ta’ ikel tiegħek. Taljan? Iddeportawh, ibgħatuh jiġbor il-patata f’pajjiżu.”

“X’jiġifieri tgħajru lil Tonio Borg dinożawru? Kif, ma taqblux ma’ avukat Kattoliku minn Ħal Lija li jqaxxar il-leħja kuljum? Kif jista’ ikun? Intom kollha majjali tal-Ewropa.”

L-akkuża fuq dawn in-nies tant differenti minn xulxin hija din u taqa’ iebsa bħall-giljottina:

TRADIMENT, DISRISPETT U MĠIBA ĦAŻINA MHUX AĦJAR SPEĊIFIKABBLI TA’ BARRANI LEJN IR-REPUBBLIKA SOVRANISSIMA TA’ MALTA U S-SUDDITI QALBIENA TAGĦHA.

Qed ixxommu r-riħa ta’ ipokrezija ġejja minn kilometri ‘l bogħod?

Il-biża’ li għandna mill-barrani tagħmilna tassew ġawhra unika ħafna fil-Mediterran. Ix-xenofobija qed tinfirex iktar mill-pesta ta’ Londra tal-1665; hawn forom ta’ paranojja nazzjonalista li jeħduha, skont id-daqqa, kontra Afrikani (l-iktar li jaqilgħu għax ġew, ħadulna xogħolna u lanqas biex inħallsu iPad3 ma fadlilna), Għarab (għadu storiku avolja, ta’ min jgħid, li t-Torok tal-Assedju ma kinux Għarab u li Dragut kien sempliċi freelancer), Ażjatiċi (jieklu t-tfal u issa anke l-qtates), u anke ħutna l-Ewropej. Saħansitra t-Taljani li nqattgħu xagħarna fuqhom fil-weekend quddiem it-TV.

F’nofs dan il-marażma kollu hemm l-idea ta’ Malta tal-Maltin, avolja ħadd ma jaf sew xi tfisser għalih Malta u x’inhi l-imħabba lejn il-pajjiż.

Jidher illi għadna nitnejku minn kif jintuża u jinkiteb ilsien pajjiżna, tant li anke x-xandara nazzjonali u privati jiktbu kollox kif ifettlilhom. Il-folol ta’ nies armati b’tarka bis-salib ta’ Malta f’id u keyboard fl-oħra ma tarahomx Ta’ Qali meta tmur tilgħab Malta, għalkemm jekk jiġi l-Eurovision, il-fiera tal-kitsch, arahom bi ħġarhom ifarrku l-pastizzi fuq il-flokk u jmaqdru d-diska tal-Latvja (u l-għada, jekk Malta tmur ħażin, anke lil ta’ pajjiżna stess).

Nitnejku mill-ambjent, mill-ħamrija u l-art ta’ pajjiżna, l-ilma u l-kwalità tal-arja, imma basta għandna l-murtali fis-sajf biex itarrxu kollox. Kollox jitqiegħed f’perspettiva ta’ importanza relattiva.

Jipprotestaw dwar il-pastażata ta’ bini li qed jitla’ f’pajjiżna biss l-ambjentalisti, li bilkemm mhux qed isir timbru.

L-Innu Malti donnu għanja minsija li ma tiswa xejn għal ħadd. L-istess il-bandiera.

Mingħajr wisq soċjoloġija għax bażi akkademika m’għandix, il-konklużjoni tiegħi hija din. Nibqgħu pajjiż maqsum fi tnejn minn kanal fond u wiesa’, fejn il-partiġġjaniżmu tant huwa attiv li meta huwa konvenjenti nibqgħu servili lejn il-barrani “biex ma nidhrux koroh.” Iżda jekk jiġi kwalsiasi barrani ieħor, imqar minoranza (Ċiniża, liberali jew mill-Calabria) u jonqos b’għemilu lejn pajjiżna, ejjew inqattgħuh biċċiet. Donnu sar żvog nazzjonali li nsibu għadu komuni u ninfexxu fih. Forsi dan huwa li nifhmu bil-kunċett ta’ għaqda nazzjonali. Naturalment il-kritika tal-poplu (għal darb’oħra l-message boards tat-Times jippreżentawlna kampjun wara l-ieħor tal-Malti modern) qajla tinvolvi loġika maħsuba, u fil-maġġoranza tal-każi huwa dejjem tort ta’ Gonzi, jew ta’ Muscat.

Jien stess kont kritiku ta’ kliem is-sid tal-Piccola Calabria (dejqitni l-kelma “klieb” iktar milli l-kelma “Għarab”), iżda l-affari kellha tmut hemm u dakinhar qabel ma ddeġenerat f’eżibizzjoni ta’ mibegħda pubblika f’isem nazzjonaliżmu okkażjonali u inkonsistenti. Fost l-elementi li jiddeffsu bħal denb ta’ kankru daħlu l-(eks?)faxxistelli Maltin li lanqas kienu kapaċi jingħaqdu f’partit, jew jiktbu l-kritika tagħhom b’Malti suret in-nies jekk niġu f’dan. Għalihom, bħal ħafna nies oħra, l-idea ta’ mħabba lejn Malta hija dik li żżomm lill-barranin ‘il bogħod minn xtutna, u daqshekk.

Naħseb li ftit fehmu xi tfisser tħobb lill-pajjiżek, jew lil ġensek, jew lil għajrek. Affari li ssir traġi-komika meta l-istmerrija pubblika tkun ibbażata fuq ftit iktar mill-imħabba għax-xemx u l-pastizzi tal-piżelli.

Leave a Reply

Required fields are marked *.