Wayne Flask

Author Translator Music Writer Public Annoyance

Piccola Malta vs Piccola Calabria

| Comments

L-apoloġiżmu jdejjaqni, ma nifilħux. Ma niflaħx ukoll it-tentattivi ta’ interpretazzjonijiet akkademiċi/psikosoċjali/soċjokulturali li jsiru dwar sempliċi rakkonti ta’ emozzjonijiet jew opinjonijiet bħalma jsir fuq dan il-biċċa blog. Nerġa’ nibda billi ntenni li jien Filistew u hawnhekk, għallinqas f’din ir-rokna tal-blogosfera fejn hawn keyboard, monitor, u bozza tad-dawl tixxengel mar-riħ minn naħa għall-oħra, wisq x’tanalizza m’hawnx.

Ilbieraħ Malta lagħbet mal-Italja u kif mistenni tilfet. Tilfet 2-0 biss – u nissottolinja l-kelma ‘biss’ għal dawk li jridu bilfors isibu xi ħaġa xi jmaqdru. Hogg, Schembri, Dimech kienu brillanti, żid magħhom lil Briffa u lil Sciberras. Fil-kollettiv it-tim ta’ Ghedin wera li qed jiddefendi aħjar. “M’attakkajniex biżżejjed” jew “qas ippruvajna nattakkaw.” Minn mindu saret ħaġa naturali li tista’ tattakka away lill-Italja? Hemm pajjiżi ikbar u aħjar minna li jiffirmaw biex jieħdu telfa ta’ 2-0 mal-Italja. Kemm-il ballun tellgħu l-Ingliżi kontra l-Italja fil-kwarti ta’ Euro 2012?

It-tant imsemmija goleada, li issa saret kelma bl-Ingliż skont it-Times, baqgħet ma waslitx. Pirlo ma tertaqx id-difiża tagħna bil-passes, Destro ma skorjax ħamsa fid-debutt tiegħu, Buffon ma ħax il-kapuċċino mimdud fuq il-ħaxix. Anzi, kuntent li rajt il-Maltin jiġru u jobżqu d-demm (metaforikament) u rari telqu avversarju waħdu biżżejjed biex jaqla’ l-inkwiet. Ovvja li l-enerġija ta’ Insigne qalgħet xi ftit tal-paniku, iżda lagħab aktar bil-foga taż-żagħżugħ debuttanti milli bil-luċidità ta’ winger ġenjali: ħafna mill-ġirjiet u mill-crosses spiċċaw f’idejn Hogg. Issa l-media Taljana tista’ teqred kemm trid li kellna ħdax-il ruħ jiddefendu (għalkemm rari rajt lil Michael Mifsud jiġri ‘l isfel mil-linja tan-nofs) għax niftakar gżuż ta’ timijiet, nofshom fil-kampjonat Taljan stess, jiddefendu hekk. Ma jagħmlux unur lil-logħba tal-Italja raġunamenti bħal dawn, meta tikkunsidra li f’Ġunju faqgħu lill-aħjar Ġermanja tal-aħħar għoxrin sena taħt il-piż tal-attakki (fl-ewwel taqsima, għallinqas).

Iżda apparti mil-logħba bdew telgħin ħafna kurrenti ta’ iper-ipokrezija.

Minn meta stennejna rebħa jew draw kontra l-Italja? Qatt.

Kien hemm min strkerrah lil Hogg jieħu safra fid-disgħin minuta meta qegħdin minn taħt 1-0. Kien hemm xi probabilità statistika (jew imqar astrofiżika) li Hogg seta’ jtella’ il-ballun ‘il fuq lejn ras Muscat li jdur fuqu nnifsu u jiskorja rovesciata fis-seven u jħalli lil Buffon lampa stampa? Lanqas qatt. Fakkruni meta rajtu lil goaler tal-Faroe Islands, San Marino, Andorra jew Lichtenstein jgħaġġel il-logħob b’1-0 minn taħt kontra supertpotenza. Ovvja li qatt ma rajtuh: fid-disgħin minuta jkunu ilhom li tilfuha l-logħba (il-Faroes mal-Ġermanja dabbru tlieta ġimgħa ilu u l-goaler tagħhom wara nofsiegħa jilqa’ ittrasforma ruħu f’papru bl-ingwanti).

Kien hemm uħud li żammew mal-Italja u kontra Malta: minjaf id-dagħa tagħhom kienx bil-Malti jew bit-Taljan? Għax ngħiduha kif inhi, it-Taljani lagħbu ħażin għaġeb. Diamanti iktar dam imgerbeb mal-art milli jilgħab.

Kien hemm l-Innu Malti maqtugħ ħesrem fin-nofs (naraha tiġri biss fl-innu tal-Brażil dik, imma l-innu jdum ħames minuti fuqhom). L-MFA bagħtu logo ta’ riżoluzzjoni baxxa (jew ħaduh ir-RAI minn fuq xi website?) u l-kaptan ta’ Malta ngħata t-test dwar il-fair play mill-UEFA bl-Ingliż. Tbażwir ta’ amatorjat u diżrispett lejn pajjiż iżgħar.

U fl-aħħar, sid ta’ ristorant ċkejken fix-Xemxija li ddeċieda jgħajjarna “klieb” u bgħatna niġbru l-patata.

Qed nassumi li fir-ristorant tiegħu dar-raġel ma jservi xejn li fih patata ladarba huwa tant degradanti tiġbor il-patata. L-ignocchi qed nassumi li jimlihom bl-ossiġenu. Jien il-biedja narah xogħol nobbli, tant li nixtieq li nara xi suburbanites li jiftaħru li jgħixu “f’komunitajiet rurali” joħorġu jiddefendu lill-bdiewa. Imma dik apparti.

Taqbiżli, akkost li ninstema’ ‘nazzjonalist’, meta xi ħadd iżeblah lil niesi jew lill-pajjiżi  mingħajr ma jkollu raġuni valida. Tara lill-Maltin dubbien? Idejqek il-pajjiż? Ibni, ħadd m’hu qed iżommok. Illum qegħdin fl-Ewropa u ċert li mill-Calabria tista’ tiftaħ imqar ristorant il-Belġju (imma taqdix Maltin) jew Soho (ditto) inkella xi avventura fil-Lvant tal-Ewropa. Jew il-Ġermanja. Mistagħġbin kemm jirrispettawhom lit-Taljani fil-Ġermanja.

Kieku dan l-individwu (li probabbli ġab ruħu tal-imbeċilli tas-serata) semma raġuni waħda, imqar waħda, kont nipprova nifhmu. Iżda din tgħajjira għal xejn b’xejn, lejn ġens sħiħ. Tant hu hekk li ħareġ bl-iskuża fqajra u miskina ta’ ċajta bejnu u bejn martu. Personalment meta niċċajta mat-tfajla ma noffendix, fejn naf, lill-Kamboġjani u wisq anqas nuża facebook.

Ħarġet l-istmerrija lejn in-nies li rrabjaw u offendewh lura.

Sewwa għamlu, tafux.

Filwaqt li huwa tajjeb li wieħed ikollu l-libertà li jgħid li jixtieq, il-libertinaġġ huwa kunċett ieħor li mhux neċessarjament tajjeb. Jekk f’ lejla waħda fejn ġraw ħafna ħwejjeġ li għandhom x’jaqsmu mal-Innu, ma’ ilsienna u finalment mal-identità tagħna, kollox jitħalla għaddej qisu xejn m’hu xejn, allura ninkwieta għall-futur ta’ pajjiżna.

Iva nirrabja: jekk tħobb lill-pajjiżek tħobbu bid-difetti b’kollox; iżda ma jfissirx li għax tikkritika dak li jdejqek f’pajjiżek m’għandekx dritt taqbeż għalih. Għax kieku bqajna ma nikkritikawx u naċċettaw kollox, kieku kien ikollu raġun it-Taljan: konna nibqgħu fi żmien l-Għarab (f’sens kronoloġiku – l-Għarab kienu imperu glorjuż u fost dak li kienu kapaċi jagħmlu bnew l-iMdina, avolja r-rażżismu inerenti tagħna ma jagħrfux dan kollu) u ma żviluppajniex.

Ejjew ma nħalltux il-libertà tal-espressjoni mal-apatija. Ma nafx għala hawn min hu sorpriż bir-reazzjoni ta’ ħafna Maltin.

Fl-Italja stess, biex insemmi każ, kien hemm każ ta’ trolling kollettiv fuq il-paġna ta’ Red Ronnie wara li qal ħmerija stratosferika dwar is-sindku ta’ Milan. Ir-reazzjonijiet kienu sarkastiċi, rabjużi, okkażjonalment inġusti. Imma dawk it-trolls allura nammirawhom, u l-Maltin li jieħdu għalihom għadhom lura?

Le xbin, ix-xogħol mhux hekk isir. It-Taljan żbalja, u jaf – u qed jipprova jiġborha bi skużi banali ħafna. Peress li huwa bozza tal-elf l-isem tal-profil tiegħu huwa f’isem ir-ristorant tiegħu, u naħseb li jaqbillu jaħseb f’isem ieħor. Nissuġġerilu, jekk tippermettuli battuta ftit li xejn eleganti, li jsemmih La Terronia, ladarba anke n-nies tan-nofsinhar Taljan huma pjuttost… sensittivi dwar l-identità tagħhom.

U biex nagħlaq fuq nota tajba, Louis Agius u dawk li telgħu l-Italja, ħaqqkom prosit kbira – ġbidtu saħansitra s-simpatija tar-RAI u milli qed nara, tas-supporters Taljani. Dak huwa t-tip ta’ sostenn li nixtieq nara lejn pajjiżna: mhux stmerrija u snobiżmu għax iżżomm ma’ Malta u taqbeż għaliha meta jkun hemm bżonn.

Id-darba li jmissha tilgħab Malta, ser immur Ta’ Qali. Għax nieħu gost nara l-pajjiżi jilgħab, anke meta jitlef. Il-ġurnata li nixba minn Malta għal kollox, naqbad ħwejġi u nsorrhom.

U mmur niftaħ ristorant.

Comments

  1. Louisagius says:

    prosit tassew …