Wayne Flask

Author Translator Music Writer Public Annoyance

Italja-Malta, Joseph Calleja, u l-karrijiet li jleqqu

| 0 comments

Jien Filistew: ma togħġobnix l-opera, il-lirika, l-orkestra (barra s-Sigur Ros u dik pop tal-BBC). Minn Pavarotti niftakar li kien oħxon, bħall-kollegi kollha tiegħu; Placido Domingo jidhirli li kien jilgħab mar-Real Madrid u Rachmaninoff ditta tal-vodka tinbiegħ bl-għali (u kumbinazzjoni wara daqqa ta’ google każwali indunajt li tassew hekk hu).

Ċajt apparti, żgur li ma nistax immaqdar il-ġeneru. Sempliċiment ma jogħġobnix, ma nsegwiehx. Għalhekk ma qomtx fuq idejja nċapċap estażjat wara li Joseph Calleja (apparentament) faqa’ Londra. Ma mortx niktiblu fuq il-wall, ma qgħadtx nippostja dwaru. Ma nħossx li għandi napprezzah għax Malti, kieku kont iktar midħla tax-xena kont napprezzah għax tajjeb (avolja dik it-tracksuit…). Ma nħossx il-bżonn li “nitla’ fuq il-karru” ta’ dawk li jadurawh għax “poġġa lil Malta fuq il-mappa” – oħra minn dawk il-cliches li nisimgħu spiss, tant li tibda taqbadni in-nawsja.

L-istess jgħodd ukoll għal Tiffany Pisani. Joseph Calleja wasal fejn wasal b’ħiltu, bl-għaqal, u sab management kompetenti biżżejjed biex iwasslu. Kieku twieled it-Turkmenistan kien jasal ukoll; ta’ min jgħid li Malta m’hijiex forn fejn jinħmew talenti bħal dawn sitta sitta. Tiffany Pisani l-istess: mudella tajba f’xogħolha (ejja ngħidu hekk għax lanqas fil-kompetizzjonijiet tal-immudellar m’jien xi profs) iżda mhux għax Maltija.

U dan iwassalni għal Italja vs Malta.

Nibdew biex ngħidu li llejla ser nilagħbu kontra superpotenza tal-football, finalisti friski ta’ Euro 2012 (ħallieha li dabbru erba’ lanġasiet mingħand Spanja) u li l-prospettivi m’humiex daqshekk sbieħ. Iżda…

… xorta se nżomm ma’ Malta. Għax huwa pajjiżi, għax nitkellem il-lingwa, għax l-innu Malti huwa l-innu tiegħi, il-bandiera hija tiegħi, trabbejt hawn u nħossni Malti daqs l-iprem ambaxxatur ta’ pajjiżna. U mhux għax inpoġġi r-riżultat qabel pajjiżi.

M’ilux kelli dibattitu jaħraq (ikolli minnhom spiss dawn, aħjar immur niċċekkja l-pressjoni) ma’ xi nies, Milanisti bħali, li ser iżommu mal-Italja.

X’nagħmel?

Niġġakbina lil pajjiżi?

Għalaqt (nofs) għajn das-sajf meta l-bluha ta’ Euro 2012 u Italja vs Ingilterra għarrqet lil pajjiżna, meta rajt nies jiżbgħu wiċċhom bil-kuluri ta’ ħaddieħor u mbagħad imqar jafu min huma l-ewwel ħdax tat-tim “tagħhom”. M’għollejtx qas xagħra minn għajnejja meta taru d-daqqiet ta’ ponn f’Buġibba, f’isem… Carroll u Thiago Motta?…

Iżda li żżomm kontra pajjiżek ma nifhimha qatt. Nibda biex insemmi li nofs dawn l-illuminati li jxejru l-bandiera Taljana jaqbduha mit-tarf il-ħażin u ħafna minnhom jaħsbu li Ruma u Milan qegħdin kantuniera bogħod, qisek qed tgħid Bir id-Deheb u l-Gudja.

Nixtieq inkun naf x’tathom il-kultura Taljana lil dawn in-nies biex jgħajtu Forza Italia: xorbuh tant tajjeb lil Dante? Xi jqajjem fihom l’Inno di Mameli? Jaqblu li Fiume għandha tkun Taljana? Inkwetati li Marchionne qed inixxef il-FIAT? Togħġobhom il-carbonara kif suppost (mingħajr il-piżelli, bacon u faqqiegħ li jitfgħulha l-Maltin)? Totò jew Alberto Sordi? Fellini jew Pasolini? Jaqblu mal-Lega li Sqallija qed tixorbilhom ir-riżorsi?

Nistaqsihom pubblikament ħa nara min minnhom ser iwieġeb b’raġunijiet meqjusa. Iżda wisq nibża’ li ser ikunu “għax fin-nazzjonal hemm ħafna Juventini” u stejjer irrelevanti bħal dawn.

Kif għedt aktar ‘il fuq, jien inżomm mal-Milan iżda iktar importanti l-fatt li jien Malti. Meta ġew l-Italja hawnhekk fl-1992 (1-2) u tkeċċa Baresi, quddiemi, fraħt għax Malta kisbu penalty favurihom. Dak il-ħin ġejt nitnejjek li kien ikona tal-futbol li kbirt miegħu. L-ewwel Malta. U meta skorja Martin Gregory (il-penalty ma kienx skorjah Laferla) qbiżt flimkien mal-bqija tal-ground, fosthom raġel storbjuż warajja li għamel siegħa w nofs jgħajjar lil Vialli qargħi u tefa perla li ma ninsieha qatt, “għandna wieħed bħalek, imma jilbes parrokka.”

Hija din l-ipokrezija ġenerali li tirritani. Joseph Calleja, talent għandu kemm trid, imma s-suċċess tiegħu huwa personali mhux Malti. Nofs Malta trid parti minn dak is-suċċess, mod ta’ patronizzazzjoni pervers – hekk kif naraw stupida u irrelevanti l-politika li tmur tiġri tieħu b’idejn l-isportivi għal finijiet ta’ pubbliċità.

It-tim tal-futbol Malti ma jirbaħx, iżda huwa Malti iktar minn Calleja: u hawn insibu porzjon ta’ nies li jżommu kontra pajjiżhom. Jien naraha stramba, kieku xi ħadd jitlob jew jifraħ bi stonatura ta’ Joseph Calleja. Anzi nkun irrid intih daqqa ta’ ponn. L-istess għat-tim Malti, speċjalment meta niftakar fid-dedikazzjoni ta’ xi ħadd bħal Louis Agius li jdur mal-Ewropa kollha flimkien ma’ grupp sapporters biex jgħinu, kif jistgħu, il-moral ta’ tim ċkejken kontra superpotenza.

Nistgħu nitilfu xorta, illejla, u probabbli hekk jiġri. Mhux ser naqliblu biex nara lill-Ingliżi jekk inkunu 4-0 minn taħt wara kwarta, probabbli ser nidgħi xi tnejn, imma li nżomm kontra Malta…

Nippreferi nitlaq, insiefer, inbiddel in-nazzjonalità tiegħi milli ngħid “għax dejjem nitilfu” u nistenna l-karru jleqq li jmissu jgħaddi biex nagħmlu tiegħi.

Leave a Reply

Required fields are marked *.