Wayne Flask

Author Translator Music Writer Public Annoyance

Biex Nipprova Nifhem…

| 13 Comments

Illum inżilt sa Bormla.

Ngħaddi minn San Ġwann t’Għuxa kuljum, jien u sejjer id-dar, għax jekk isserrep ftit fit-toroq tan-nofsinhar tasal qabel.

Illum mort u dħalt ġo Bormla, għal raġuni oħra, mhux ċara ħafna f’moħħi u għalija li nobgħod il-folol miġbura, saħansitra stramba.

Ridt nifhem xi jwassal lil eluf ta’ nies joħorġu f’din is-sħana qalila t’Awwissu biex isellmu lil politikant. Mhux politikant komuni, imma Mintoff. Tant imsemmi, tant maħbub, tant mibgħud. Mintoff ma kienx politiku pop. Tiskanta tħares lejn ritratt ta’ Mintoff fiż-żmien tal-lum fejn il-politiku jismu Obama u Monti, lebsin ingravati u suits stirati. Anke Fenech Adami kien jidher tant differenti minn Mintoff. Fost l-ikoni li l-iktar jiġu f’moħħ ħafna nies hemm ċintorin u bokkla enormi. Hemm bżonn nissikkaw iċ-ċintorin, frażi li daħlet fil-folklor ta’ pajjiżna. Jew bħal meta ngħidu għadu ta’ żmien Mintoff u jiġu f’moħħok ħwejjeġ antiki, griżi, ta’ żminijiet diffiċli fejn min bata, bata anke b’demmu.

Imbagħad hemm in-newtrali. Dawk li ma setgħux jitnejku iktar minn mewt ta’ ex-politiku ta’ 96 sena li xi darba kien qawwi u b’saħħtu. Bħalma ngħidu aħna, miet George Harrison.

Jien lil Mintoff ma għextux. Ħafna minn dawk li qed jikkummentaw u jfajru paragrafi fuq paragrafi ta’ kliem, ukoll ma laħquħx. Xi wħud lanqas qegħdin Malta, u jidher li għandhom bosta ħin biex jikkritikaw kull stqarrija dwar Mintoff, jistmerru, jiddieħku, jitnejku, b’dak li f’għajnejhom huwa popolin injurant li jimxi bħan-nagħaġ. Saħansitra f’dawn il-jumejn qrajt li l-edukazzjoni b’xejn hija kawża ta’ u riżultat ta’ l-għażż; li s-servizzi soċjali jbejtu l-għażż; u s-soltu retorika għajjiena kontra s-soċjaliżmu.

Mur għidlu għażżien lin-nannu tiegħi Ġorġ u lin-nannu Twanny (probabbli kien idur jitnejjek bik). It-tnejn li huma qalgħu l-bajd jaħdmu t-tarzna meta t-tarzna kellha x-xogħol x’tagħmel. Mur għidilhom lil dawk li tbażwru jaħdmu biex ipoġġu ħobża quddiem il-familja tagħhom. Mur għajjarhom għażżenin, lil dawk li jafu biss għaraq u demm – dawk tat-Tieni Gwerra.

Mur għidilhom għażżenin lil ħafna minn dawk li ħarġu jilqgħu lil Mintoff. Jafu mqar isuqu sal-Kottonera dawn l-illuminati tal-arja kkundizzjonata? Jien xogħol ta’ strapazz qatt m’għamilt; u daqshom tistgħu tgħajruni għażżien u sormi fuq siġġu.

Imma li niddieħak bil-popolin? Ngħid għalija, jekk il-kirxa qatt ma doqtha ma nistax ngħajjar jaqq. Jekk ma għextx minn dak li għexu dawn in-nies, ma nistax ngħajjarhom jew nistmerrhom.

Fuq suġġeriment ta’ ħabib tiegħi li ma tantx għandu lil Mintoff għal qalbu – u bħalu hawn bosta li għandhom raġunijiet validissimi, għax għexuh fuq in-naħa l-oħra tal-ħajt – illum inżilt sa Bormla.

Kien għaddej il-korteo. Nies imbikkma, oħrajn iħarsu. Oħrajn lebsin l-iswed. Xi ritratt ta’ Mintoff jiġri fl-idejn, il-fuljetti mgħawġin u skuluriti. It-tpinġijiet fuq xi żaqq kbira; xi mobile iwerżaq, xi nisa lebsin flokk tax-xibka. Hemm ritratt antik tal-perit fuq is-saqaf tal-każin. Ta’ warajna qed jitħaddtu, iz-żgħażagħ ma jiftakruhx… m’humiex ċwieċ iż-żgħażagħ tal-lum… glory glory alleluia… mhux kulħadd jagħmel l-iżbalji?

Ix-xatt ta’ Bormla qatt ma rajtu tant imdawwal. Imn’alla kien il-proġett tal-Baċir li waqqa’ dak il-ħajt antik u ikrah li kien idallam tant lil din il-belt. Il-progress wasal hawn ukoll. Qed inħares lejn bar jismu 8 of December, aħdar kulur il-birra li tagħha hemm riklami kullimkien. Warajja hemm l-HSBC – fi żmien kien hemm ir-Rialto ftit ‘il fuq, lejn it-triq li twassal għall-Knisja. Kont immur skola Bormla, l-arċipriet ma kontx naħmlu pinġut imma mas-sorijiet dejjem mort tajjeb (m’hemmx battuti faċli, jekk jogħġobkom).

Minbarra l-iskola, fi tfuliti kont inqatta’ sjuf twal man-nanniet f’Bormla, fi triq mudlama ‘l isfel minn fejn kien joqgħod il-Gross (li dejjem kien jieqaf isellmilna, ta’ raġel sew li kien). Nara t-TV u niekol ir-ravjul u l-platti kollha li nannti kienet tant taf tħawwar. Dak l-għażż, ġuvnott mitfugħ jilgħab għax sab kollox lest. Ta’ qabli, ibda minn missieri, ma kellhomx dan il-lussu (dejjem jirrakkontali meta kien jaħdem xi shift twil bil-lejl fi stamperija, u jmur lura d-dar b’idejh suwed faħma u bis-seqi jsakkarlu s-swaba t’ idejh). U l-ismijiet ta’ nies u postijiet li kienu jwassluni kuljum: Tessie ta’ faċċata, iż-Żiemel, il-Wefi (wild tiegħu fil-Parlament) u tal-pastizzi li kien ibiegħ kollox barra pastizzi. Kultant in-nannu kien itini “xelin” u 1c u mmur nixtri pakkett Calciatori, fi żmien it-tazza tad-dinja tal-1990.

Kif inbidlet Bormla!

Wasal it-tebut fuq spallejn għarqana u għajjenin. Għala qed iċapċpu ta’ madwari? X’qed jagħmlu tliet karretti bħal Buontempo, u Cuschieri, u Parnis fuq quddiem? Mela Mintoff kien missierhom, jew zijuhom? X’qed jagħmlu hawn jippuppaw sidirhom?

Kien hemm pulizija li ħalla lil raġel xiħ jgħaddi biex jieħu ritratt ta’ Mintoff. Għalija kien kaxxa tal-injam imgeżwra fil-kuluri tal-każin (jekk kienu tal-każin. Il-festi qatt ma ħabbejthom. La l-irxoxt, la l-Kunċizzjoni, la Sant’Anna u lanqas ħadd). Qed nara xi dmugħ. Għajat ta’ “Mintoff, Mintoff!” qisu għaddej, Messi, fejn naf, Liam Gallagher.

Iktar milli l-istorja ta’ Mintoff, tinteressani dik ta’ dawn in-nies. Leħenhom jintuża’ f’għexieren ta’ intervisti li jaqilgħu mijiet ta’ kummenti deriżorji, botti, tgħajjir. L-akkuża impliċita ta’ medjevalità, minn nies li jħossuhom superjuri u jitfixklu s-sinċerità mal-injoranza.

Liem caudillo jbikki n-nies b’dan il-mod wara mewtu? Għala jadurawh dawn in-nies u jibkuh donnhom tilfu missier? X’hemm, f’dak li għamel magħhom Mintoff, li m’għamlux mexxejja oħra u li jien, u nofs Malta, m’aħniex kapaċi nifhmu?

Minn fejn ġejja l-mibegħda elitista li hawn lejn dawn in-nies, żaqqhom f’fommhom li draw jgħixu kuntenti b’li għandhom? Għax sa fejn naf jien, anke s-sinjuri jingħaqdu fi gruppi fejn ikun hemm mexxej u xi kultant, jekk mhux dejjem, anke huma jħossu bżonn li jkollhom xi ħadd imexxihom. Għalhekk inħolqu l-loġoġ, hux.

Il-verità, bħas-soltu, qegħda x’imkien fin-nofs.

Illum inżilt Bormla, rajt tebut jinġarr minn qalb kotra kbira ta’ nies, u flok sibt ftit serħan fil-memorji ta’ tfuliti, hawn jien mgħattan minn iktar mistoqsijiet. Li mhuwiex żmien inwieġbu, huwa żmien nagħlqu kapitlu u nħarsu lejn il-ġejjieni.

Ħaġa waħda tibqa’ żgura: Malta nbniet biex tibqa’ maqsuma fi tnejn.

13 Comments

  1. Nispera li mhux ninstema’ lagħqi, imma dan artiklu eċċellenti.

    Mintoff kontradittorju, imma min mhux?  Id-differenza li ċertu kontradizzjonijiet huma b’saħħithom aktar minn oħrajn.  Għax min m’għandux dubju?  Min forsi ra ħaġa waħda biss f’ħajtu u jaħseb li dik hi d-dinja.

  2. forsi ghandek ragun ma tistax tifhem certu affarijiet, Mintoff qalleb l-istorja politika ta’ Malta, jien illun ghani 58 sena u ilhatu niftakar sew is -sittinijiet, kelli tfal fil klassi kienu jigu b’zarbuns wahda u meta titqattalhom kienu jigi lóhra, forsi tad-dahk hux ima kieu ir-rejaltajiet tal-hajja maltija, hafna nies kienu jistennew tal gaxin biex jieklu x’zalzetta u ftit patata. il gaxin kien il-fdal tal-ikel tal- bahrin li suppost kien jinxtara biex jitimgh l-annimali bis kien jispicca jinbieh lin-nies. din hija il-verita ta’dak iz-zmien. Mintoff qalleb kollox introduca penzjoni ta zewg terzi tal-paga lill-kulhadd, ghamel l-isptarijiet u medicinibxejn ghal kulhadd hareg ic-children’s allowance ghal ewwel tlett ulied ta kull familja , housing estates, waqqa il -kerrejiet  li kien speci ta flats b’toilet wiehed fil kuridur. toista tahseb kemm igene kien hemm. introduca l-iskei ta’Student haddiem, ghal dawk it-tfal li ma kienux tajbijn ghal iskola ghamilhom skejjel tas-snajja msomma haseb f’kullhadd, ghalkekkk illum Bormla rajt nies b’dmugh f’ghajnejhom. Mintoff kien missier il-poplu malti u f’kull diskors tieghu kien jispiccah Malta l-ewwel u qabel kollox
     

  3. Prosit tassew wayne! Deskrizzjoni mill-isbah. Wahda mill-aqwa tieghek din. Dejjaqni biss l-gheluq. Mill-bqija, nzajt il-kappell u tfajtu fuq soddti.

  4. hallejtni bla kliem… condivido al 100% kull kelma li ktibt, dispjacir wiehed ma nziltx bormla !

  5. Interessanti u tassew prosit !!!

  6. Prosit hafna, ghandna bzonn hafna iktar bloggers bhalek.

    Pero’ nippermetti ruhi nikkummenta li ‘Welfare State’ fi zmien Mintoff kien mehtieg. Illum huwa biss kumdita li qed t’instiga certu nies, numeruzi, li jiehdu vantagg minnha.
    Insemmu ‘Single Mothers’ fazulli ? Disokkupati jirregistraw taparsi ma jahdmux ? Immigranti Illegali li ma jikkontibwixxu xejn lejn is socjeta’ ? 
    Dawn huma il punti ewlenin li jiggieldu kontrihom il fazzjonijiet tal-lemin, li mhumiex in-Nazzjonalisti li nafhu ahna. Ma rridux inhalltu nies li jitkellmu mill warrani ma min qieghed jipprova jiggieled ghall ahjar ta pajjizu w uliedu, u li wara kollox qieghed jesprimu l’opinjoni tieghu civilment u bla nsulti.Mill-banda l’ohra, il-perit Mintoff huwa l’akbar personagg politiku u ta’ hila li qatt kellna. Xellug jew lemin dan il fatt hadd ma jista’ jmerih, l’anqas jekk jisforza ruhu. 
    J’Alla jkollna mijja ohra bhalu. Il mistoqsija hija wahda, ta’ liema ideologija politika jaqbel li jkollna Mintoff iehor ? And the battle between right and left goes on … right ?

  7. Din qrajtha bosta drabi, issa.  Minn banda, qed nahseb li ahjar jiktbu fuq Mintoff dawk bhalek, li ghandhom talent ghall-kitba, u li ma kienux eghxu l-era tieghu, milli l-generazzjoni tieghi li ghadhom s’issa ma jistghux ifasslu xi erbgha kelmiet ghax jaqaw fl-assurdita’ tar-rabbja spjetata jew tal-elogju pseudo-religjuz.  Il-biza tieghi, u ta’ dawk li jahsbu bhali, hi li l-ahhar sentenza tieghek ghadha relevanti.  Anki 30-35 sena wara li bzaqniha jew werzaqniha x’imkien u lebbitna ‘l hemm qabel ma xi hadd ipattijilna.

    U kompli ikteb ghax il-hin ighaddi ghal kulhadd.  Il-kitba m’ghandhiex is-sadit u l-moffa tas-suldatti tal-azzar. 

  8. Wayne prosit. Artiklu veru mirqghum. Il-problema hi li hafna min nies trendy li minghalihom jistghu jitnjku binha n-nies tal-Kottonera ghax minghalihom bravi, ma jafux xi tfisser li tkun mill-Kottonoera ma jafux u ma jaccetawx li hawn in-nies huma ta zaqqhom f’fommom u li ghandu jghidu jghiduh u wara mmorru nixorbu flimkien. dawn il-hafna ‘bravi’ minghalihom li ghax gieli jersqu ftit sieghat lejn il-Kottonoera biex jieklu xi haga, issa saru xi awtorita’ fuq in-nies u l-vera storja tat-Tlett Ibliet

  9. M’hemm xejn aktar xi nżid ħlief prosit ta’ dan l-artiklu.

  10. L-aħjar artiklu li qrajt s’issa fil-babilonja ta’ informazzjoni li ħarġet dal-aħħar ftit ġranet.

    Prosit

  11. Prosit Wayne! Nispera li naqra aktar artikli mill-pinna tieghek!

  12.  prosit ta’ dan l-artiklu Jien ghext iz zmien ta’ Mintoff (1975 il
    quddiem) u ghalkemm saru xi zbalj, xorta l-mizien ixaqleb hafna fuq
    it-tajjeb li ghamel Mintoff. Min jghid kontra huwa falz. Intkom li
    ghadkom zghar, staqsu l-genituri taghkom minn holoq ix-xoghol – Mid Med
    Bank, BOV, Sea Malta, Airmalta, Maltacom, fabbriki tat-tessuti,
    elettronika. U min haseb ghal fqir – servizzi socjali, artijiet b’xejn
    (bhal kif hadt jien), pensjonijiet, paga ugwali ghal mara daqs ir ragel,
    skola obbligatorja sa 16. Zgur li ma semmejtx kollox ghax il-perit
    Mintoff vera kien perit ghax bena lil Malta mis-sisien. Pero ma kienx
    perfett f’kollox u li zball li ghamel kien li halla lil xi membri
    parlamentari madwaru tikbrilhom rashom u hasbu li hadd ma jista’
    ghalikhom. Hemm zbalja l-partit tal-Labour. Sahha lil Maltin kollha ta’
    rieda tajb.

  13. Eccellenti Wayne. Ma kontx hemm … imma minn rasi ghaddew hsus bhal tieghek.
    Lil dawk li li jhobbu jsemmu l-mit neo-liberali tal-“welfare queens” biex iwahhlu f’dawk l-aktar dghajfa ghall-fraskass ta’ madwarna illum … tajjeb infakkruhom li jmissna nqattghu aktar hin nistharrgu ghaliex ghandna emorgija ta’ flejjes pubblici htija tal-mismanagement li donnha qeghda tipparalizza bosta oqsma tal-hajja. U t-tmexxija hazina u d-decizjonijiet miopici isiru min-nies komdi mhallsa tajjeb hafna f’bosta setturi … mhux min dawk li bil-kemm ghandhom ghaxja ta’ lejla!

Leave a Reply

Required fields are marked *.