Wayne Flask

Author Translator Music Writer Public Annoyance

Jason, darb ‘oħra agħlaq ħalqek, imma…

| 4 Comments

Ser nibda dan l-artiklu bil-litanija ta’ ċaħdiet tas-soltu.

M’inix fan tal-Eurovision, anzi nobogħdu bil-qawwa kollha ta’ qalbi, nobgħod il-faqar intellettwali li jġib miegħu (bl-istess mod kif nobgħod l-Isle of MTV u t-tfal iwerżqu “LMFAO” mingħajr ma jafu x’qed ilissnu) u nobgħod il-kunċett li tintefa’ quddiem il-kaxxa tmaqdar u tidħak kemm tiflaħ b’dak li qed tara, imqar fil-kumpanija ta’ ħbieb, inbid, xi take-away pizza niexfa: ma jogħġbikx il-Eurovision, tagħmel enfasi li tlaqqa’ in-nies id-dar u tagħmel kummentarju fuq Facebook ukoll biex turi li VERU tobogħdu u qed tistmerr dak li qed tara.Ngħid għalija, jekk niddejjaq b’li qed nara naqilbu fuq stazzjon ieħor jew immur norqod, ladarba ma hemmx lanqas valur edukattiv intrinsiku li nista’ nitgħallem minnu. Bħal meta tgħid, “le, jien nitqażżeż nara l-pornografija għax issa kbirt, imma jekk kultant inkun qed inqalleb u sibt (għaraft) it-tieni film li għamlet Sylvia Saint nieqaf nara. Imma jqażżiżni ta.”

Nobgħod l-intratteniment fejn il-familji ħoxnin ħafna miġbura quddiem il-bigscreen, il-missier b’żaqq ser tixpakka jidgħi u jlegleg il-lager u t-tifel, li għandu futur assigurat fil-passi ta’ missieru, jingħi ma’ ommu u jisraq iċ-ċipps ta’ missieru fl-istess nifs.

(Nobgħod il-politically correct minnkom li bħalissa diġa ser jibdew jumbrawni jew jgħidu li jien snob għax ikkummentajt fuq familji Maltin overweight, li jeżistu dak kemm hu żgur li teżisti x-xemx. U le, m’inix mudell, jien qargħi, u qed niħxien ukoll.)

Nobgħod il-provinċjaliżmu innat tagħna, li jwassalna biex intennu dejjem l-istess skuża pwerili, dik li m’għandniex ġirien u għaldaqstant ħadd m’hu ser jivvutalna. Nemmen li saħansitra hemm min jitlob li jkun hemm terremot u jgħaqqadna ma’ Sqallija, jew Spanja, (jew Franza!) basta mhux mal-Greċja (mhux għax fallew, iżda statistika ħafifa li vvintajt issa stess tgħid linofs il-ġenituri jwiddbu lil uliedhom biex joqogħdu attenti għax hemm mimli pufti qabel ma jmorru ġimgħa Ayia Napa. Li tinsab f’Ċipru.)

Nobgħod l-argumenti ta’ snobiżmu kulturali li qed jinbtu wara dan il-paragrafu. M’inix snob u m’inix kolt lanqas.

Nobgħod il-fatt li l-Eurovision qiegħed hemm biex isodd. Isodd toqba enormi li għandna fl-identita ta’ pajjiżna. Spiss rajt kummenti fejn il-Eurovision jitqies bħala wieħed mill-ftit avvenimenti li jgħaqqad lill-Maltin flimkien, għax m’għandniex team tal-futbol sura (tal-mistħija li Ta’ Qali dejjem iktar minn nofsu vojt, kważi anke s-South End Core bdew jaqtgħu qalbhom) u għax ir-rugby sport segwit mill-ftit, u min jaf x’eluf ta’ skużi oħra hemm. Dan filwaqt li diġa hemm Maltin li jagħmlu ġieh lil pajjiżhom billi jagħmlu dak li jafu jagħmlu sew u jagħmluh kuljum (niftakar hawn fix-xjenzat Nicky Sammut) u li jingħataw ftit iktar minn xi feature fuq ix-xandir, ovvjament fil-preżenza tal-Prim Ministru, forsi għax huma inqas “glam” mill-qaħbeċ Eurovision. U fuq kollox, jekk għandna xi ħadd li jaf jagħmel xogħlu, x’inhu dan l-agħa kollu biex niftaħru bih mal-barranin? Bħal dak li qallu li jekk jitwieled Einstein ieħor f’Malta, ser jingħatalna immedjatament il-kmand tal-Ġnus Magħquda, NATO, u tal-EEA. U forsi bih nirbħu l-Eurovision ukoll.

Nobgħod il-patrijottiżmu falz u bla sinsla li jitfaċċa darba f’sena u mbagħad jisparixxi mill-ewwel, imqar x’ħin il-mexxejja politiċi jindirizzaw il-kotra.

Nobgħod l-idea li l-Eurovision jiġi deskritt bħala l-unika mod li nesportaw il-mużika tagħna barra minn xtutna: hija ħmerija, l-assolut tal-għoxxata li turi kemm hawn min ma jafx x’qed jiġri madwaru u interessat biss li wara l-ikel jintasab fuq is-sufan u jibla’ dak kollu li jbellgħulu flok joħroġ, ifittex, jew jaqra, jew jipprova jiskopri x’hemm fuq l-internet (apparti l-message boards tat-Times u l-Gazzetta dello Sport).

Nobgħod lil Jason Micallef.

Jason Micallef ma qal xejn ħażin. Inħoss li għandu raġun fuq ħafna minn dak li qal. Madankollu ma messux qalu jew messu qabbad lil xiħadd inqas suspett biex jgħidha floku (titkażawx hawn, lanqas); Jason Micallef nesa li huwa ras tax-xandir ta’ partit politiku, li xogħlu huwa li jikkompeti mal-PBS għal ratings u riklamar. Jason Micallef biel barra mill-vaż u mhux bi ftit: messu qagħad kwiet u mhux ipprova jieħu kredtu politiku billi  jattakka indirettament lil Anton Attard. Tgħid hemm involuta r-riżenja ta’ Norman Hamilton mill-iskwadra li titla’, sena wara sena, għall-Eurovision? Jason Micallef kellu ħafna, ħafna żmien ċans biex jikkritika l-operat tal-bordijiet tal-Eurovision li sena wara sena ġabu riżultati miżeri (l-għoxrin post, Anton, jaf ikun l-aħjar riżultat fl-aħħar ħames snin iżda żgur li ma ftaħtux ix-xampanja, għallinqas nispera li ma nfetaħx għax kien diġa mkessaħ indipendentament mir-riżultat).

Lilhinn minn fatti, ċifri, u botti, Jason Micallef indaħal f’post li mhux tal-kompetenza tiegħu.

Dan kien kliem li darba, madwar erba’ snin ilu, tennejt lil persunaġġ partikolari li qiegħed fil-ġgajta ta’ awturi tal-kanzunetti li jitilgħu sena wara sena għall-Maltasong festival. Din il-persuna tant ħaditu tajjeb l-argument tiegħi li kienet indeċiża għall-aħħar jekk tobżoqlix il-kanape li kienet qed tiekol dak il-ħin, jew issejjaħx il-waiter sabiex ikollha waħda friska x’titfagħli.

Il-linja tar-raġunar tiegħi kienet din: nafu li għandna prodott medjokri, nafu li m’għandniex ċans nirbħu b’dan is-setup, nibżgħu nesperimentaw, u qed infajru ħafna flus biex sena wara sena dejjem tara l-istess ċirku ta’ nies jiżżattu.

U għalfejn għandna nbiddlu s-sitwazzjoni? Li kien għaliha qaltli li hija tikteb diski għal Elton John u jien biċċa wanker li jikteb fuq mużika fil-magazines Maltin; li kien għaliha hi għandha widna għal dik li hi mużika u li kieku jeżistu Alla u ġustizzja kull sena ntellgħu 45 diska għall-finali tal-Eurovision u kollha minn tagħha; li mhux veru li qed naħlu ħafna flus, kważi kważi li hi anke volontarja, missjunarja, li taħdem għax għandha passjoni enormi biex tipproduċi mużika ta’ kwalità. U mhux veru, le, li dejjem l-istess nies, hi titla’ bi dritt għax tajba.  Xi dritt kelli jien immaqdar, b’liema bażi, għajr ir-riżultat diżappuntanti jakkumulaw wieħed wara l-ieħor.

Imma dawn mhumiex kunsiderazzjonijiet li għandu jagħmel pubblikament bniedem li għandu r-rwol li għandu Jason Micallef. Jason, inti qatt rajt executive tal-Mediaset jindaħal pubblikament fil-mod kif tagħżel il-programmi r-RAI?

Jien nemmen li għandna nieħdu pawsa ta’ riflessjoni mill-festival internazzjonali tal-kitsch, għallinqas għal sentejn. Forsi l-uniku wieħed li jemmen li l-Għana tal-Poplu għandu jkun festival b’iktar importanza, u li għandu jiġi magħruf aktar il-mertu tal-kantawtur fil-mużika lokali, flok din is-sitwazzjoni ridikola fejn ħafna mill-kantanti jirreċtaw diski miktuba minn ħaddieħor u li ma nafx għala, kollha jinstemgħu l-istess.

Darba kellimni ħabib tiegħi li riedni nidħol f’xi sottokumitat biex janaliżżaw ir-riżultati u joħorġu b’ideat ġodda, u jien għedtlu kif naħsibha dwar l-industrija tal-Eurovision. Id-dieqa fuq wiċċu kien reazzjoni ċara, u prova ta’ dak li jien ċert minnu: ħadd ma jrid ibiddel. Għala, x’hemm ħażin bħalissa?

Finalment nisfida lill-ġurnalisti ta’ pajjiżna sabiex a) jagħtu kritika diċenti ta’ dak li qed isir fil-Eurovision flok jimlew għajn in-nies bl-istennija; b) jiġbdu widnet kull min qed jipprova jieħu xi vantaġġ politiku mill-Eurovision, bħal iżda mhux biss Jason Micallef; ċ) jagħmlu investigazzjoni dwar min huma l-membri tad-delegazzjoni tal-Eurovision u jippublikaw l-ismijiet, kemm swiet kull persuna li telgħet f’Baku, u speċjalment f’liem funzjoni telgħu u kemm huma utli għall-kawża ta’ pajjiżna.

Ċaħdiet finali: Jason Micallef għandu kull dritt jgħid l-opinjoni tiegħu, avolja huwa politiku, avolja qegħdin fi stat demokratiku u bla bla bla bla iżda anke jien, li nobgħod il-Eurovision u dak kollu li jfisser għal Malta, għandi dritt daqsu nitolbu jagħlaq ħalqu u ma jdeffisx, bil-preżenza tiegħu, il-politika fi kwistjonijiet ta’ intratteniment.

Għall-kurżita tagħkom, mill-Eurovision ta’ din is-sena ma rajt xejn, naf li morna ħażin u li rebħet l-iSvezja, anke għax l-interess tiegħi paragunabbli ma’ dak ta’ supporter tal-Arsenal li ma jibqax isegwi l-league wara Diċembru għax ikun diġa spiċċa kollox.

*    *    *

Nota: Tiftakru meta Peppi Azzopardi kien ħareġ b’tant saħħa kontra l-moħqrija tal-klieb f’Malta? Jekk hawn xiħadd isibli frażi tiegħu kontra dak li qed jiġri bil-klieb tal-Azerbaijan, jinbaħli waħda.

4 Comments

  1. Nahseb li bniedem qed ikabbar il festival l ghanja tal poplu huwa Jason Micallef ghax ilu sentejn juri l festival fuq one tv u minn dejjem jghati l apogg dak kollu li hu Malti u bir rispett kollu kulhadd ghandu dritt jesprimi l opinjoni tieghu am nafx ghala Dan l ghaaa kollu

    • M’inti tgħid xejn li mhux diġa għedt – għandu d-dritt jesprimi ruħu imma mhux fil-pożizzjoni tiegħu. Bis-saħħa tiegħu fotta grupp ta’ nies li jitnellħu mill-politika milli jagħmlu l-argumenti tagħhom. Billi juri l-Għana tal-Poplu mhux biżżejjed, il-festival ħaqqu aktar milli jidher fuq stazzjon politiku.

  2. Flask!!!! jimporta!!? thallatx lil l’Arsenal u lil Jason Micallef fl’istess artiklu!!  supporter tal united ippantentjat bhal dak!!:/ kemm tmahhsan meta l’Arsenal rebhu l premier league f’old trafford!!! :)))

  3. legend !

Leave a Reply

Required fields are marked *.