Wayne Flask

Author Translator Music Writer Public Annoyance

Dmugħ

| Comments

Ħsibt li d-definizzjoni ta’ supporter tal-football issib il-qiegħ (jew il-quċċata, skont kif taraha) uman tagħha ma’ Nick Hornby. F’Fever Pitch pinġa dak kollu li qatt ma ridt insir, raġel imkisser minn depressjonijiet sportivi u mhux, mgħattan minn responsabbilta’ tal-unika passjoni tiegħu li begħditu b’mod ossessiv minn kollox u minn kulħadd. Kif, kont ngħid jien, tista’ tiffissa fuq team tal-football?

Nara ħafna nies agħar minni. Jew jien agħar minnhom: jien ma nitqatilx għat-team li nżomm miegħu, ma mmurx quddies fit-tama li jirbħu, ma nemminx li jekk inniżżel nofs il-kabinett tal-ġenna fuq offside li ma kienx il-konsegwenza tkun li nitilfu l-league. Għandi xi żewġ flokkijiet tal-Milan li nilgħab bihom darb’iva u darba le nhar ta’ Tnejn jew skont meta jinqala’. Għandi ritratt tal-Milan li għamilli sieħbi Duminku ftit minuti qabel waħda mill-erbgħa logħbiet kontra l-Barcellona ta’ Guardiola, logħba li bqajt insegwi minkejja li kont qed nistenna – u filfatt waslet – telfa. Għandi qattusa jisimha Kaladze, mhux b’tribut lejn il-plejer, iżda għas-sempliċi raġuni li jekk tgħidilha biex tiġi hawn, tmur hemm – eżatt kif kien id-difensur Ġeorġjan tal-Milan.

Il-bqija hemm senduq enormi f’moħħi, mimli rikordji. Ir-rovesciata ta’ Van Basten, kelli 11-il sena, spiċċat fir-rokna fil-baxx wara Thomas Ravelli li dak iż-żmien kien goaler mill-kbar; iż-żewġ goals ta’ Massaro fl-ewwel half kontra l-Barcellona ta’ Stoichkov u Romario, f’logħba fejn ta’ tfajjel li kont ippanikjajt li konna ser nitilfu mingħajr Baresi u Costacurta. Siegħa wara, b’għajnejja qed jingħalqu, Desailly skorja r-raba’ goal wara li Savicevic għamel ballun li lanqas fuq FIFA bil-lasta vojta m’jien kapaċi noħlom. Memorji, rikordji: nitfi t-television mingħajr kliem wara t-telfa ta’ Istanbul, fejn il-Milan tilfu l-impossibbli minn idejhom – u kien ħaqqhom. Id-derby li rajt qalb sħabi kollha interisti, 2-0 minn taħt wara 45 minuta u fit-tieni half jiskorjaw Tomasson (!) u Kaka, biex fl-aħħar Seedorf jagħmilhom 3-2 għalina. Il-qaħba dakinhar.

Brocchi bil-flokk “Brocchi si nasce, campioni si diventa” wara l-final ta’ Manchester mal-Juve, u dik il-ħarsa ta’ Shevchenko lejn ir-referee qabel l-aħħar penalty donnu ried jgħidlu “ejja, saffar ħa niskorjah…” U iktar… saves ta’ Abbiati fuq Martins… goal bir-ras ta’ Pirlo mal-Bayern… Cafu u Gattuso jagħlqu f’morsa lil Cristiano Ronaldo, logħba sħiħa, taħt xita qalila, il-logħba perfetta hekk kif isejħilha Galliani, 3-0 lill-Manchester United (Seedorf, Kaka, Gilardino). Fost il-ferħiet li ħadt kemm ili ħaj hemm ħafna, ħafna fotogrammi; u magħhom ħafna sigaretti u biżżejjed dwiefer biex nitla’ mal-K2 fuq idejja.

U mbagħad f’daqqa waħda, spiċċa kollox. Fi tmiem ta’ staġun iebsa, b’avversarju aħjar minna u iktar determinat minna, intemmet storja twila. F’ġimgħa żżarmat mid-dressing room tal-Milan parti kbira mill-istorja li kbirt magħha f’dawn l-aħħar snin. L-ewwel wieħed li ħabbar li se jitlaq kien Nesta, li tarah jilgħab ma tindunax li xjaħ daqstant, difensur li fl-aħħar għaxar snin rebbaħna żewġ tazzi tac-Champions u li fl-aħħar ta dik is-saħħa fid-difiża li kienet ilha nieqsa minn żmien Baresi.

Wasal il-ġimgħa waranofsinhar u ġriet l-aħbar li anke Gattuso, Zambrotta u forsi anke Seedorf kienu ser jieqfu. Inzaghi wkoll. U s-Sibt, f’ħin l-ikel, van Bommel, player li ilu mal-Milan biss sena w nofs, infaqa’ jibki bħal tarbija għax anke għalih wasal iż-żmien li jitlaq.

Il-logħba l-Ħadd man-Novara bilkemm tajt kasha. Skorjaw in-Novara, imma l-Milan mhux hemm. Qabel il-logħba nfexx f’bikja Gattuso. Kulħadd rasu baxxuta, bid-dmugħ lest biex jerġa’ jaqbeż. Fuq l-iscreen qabel il-logħba kien hemm filmati tal-goals ta’ Inzaghi, tat-tackles ta’ Nesta, tal-grinta ta’ Gattuso, xi żewġ xuttijiet ta’ Seedorf. Mid-dar kont qed inħoss anke jien dieqa surreali, bħal meta qed tara film li taf kif ser jispiċċa u l-karattru li tkun irbatt qalbek miegħu, avolja mhux dejjem it-tajjeb tal-istorja, ikun ser imut. San Siro fil-muta, hekk kif issa fadal biss 45 minuta minn din il-ġrajja. Il-club mhux ser jispiċċa imma kieku ssaqsi lin-nies li qed jaraw il-logħba f’Milan, uħud bil-banners f’idejhom, ħafna minnhom probabbli jammettu li spiċċat epoka sħiħa.

Nista’ ngħid li lanqas jekk iżarma Berlusconi ma jkun hemm dik id-dieqa kollha.

Skorja Flamini u ġejna 1-1. Nofsiegħa mit-tmiem jitfaċċa Inzaghi lest biex jidħol fil-logħba. U tgħid mhux ser jiskorja… dan mhux Del Piero, li skorja f’Turin fl-aħħar logħba tiegħu. L-ewwel ballun għal Inzaghi… xejn. Ieħor… lanqas. Corner u bil-logħob wieqaf tefgħhu barra. Imbagħad jiġi dak il-mument brillanti, ballun ta’ Seedorf, Superpippo (laqam li jirritani ħafna) jagħmel ġirja  quddiem iż-żewġ difensuri, jżomm il-ballun b’sidru, jidħol fil-kaxxa, joħroġ Fontana, Inzaghi jixxuttja…

Madonna… qisu l-arloġġ dar lura b’sitt snin, għal żmien Ancelotti meta Inzaghi diġa ma kienx tant żagħżugħ imma kellu l-istess grinta ta’ dejjem. Waqaf iż-żmien? Il-ballun daħal, goal kif jaf jagħmilhom Inzaghi, goal li ma jibdiex ma’ dawk li kapaċi jagħmlu Messi, Ronaldo, Robben, goal ikrah ta’ player li tarah fil-ground, dawk is-saqajn qishom stekkin bil-kalzetti dejjem ser jinżlu, idejqek, kważi jqażżek, u minjaf kemm-il miljun ruħ matul ħajjet Inzaghi qamu jmaqdrulu xi goal, jew anke lilu, jfittxulu offside jew xi difett ieħor.

Goal sabiħ daqs funtana t’emozzjoni, li llum ser tnixxi għall-aħħar darba. Kien diġa sploda f’bikja, Inzaghi, hu u sejjer jiġri lejn il-curva, wiċċu miġbud u sfigurat f’bikja u għajta, kif nista’ immur id-dar jien, kif nista’ nitlaq minn hawn? Jien qomt bilwieqfa, jidhirli li għedt, “Goal, jaħasra, goal,” u erġajt poġġejt, dmugħ jaqbeż ix-xfar t’għajnejja. Boys Don’t Cry. Impossibbli, bħal-lum.

Tmiem il-logħba. Seedorf ma rnexxilux jiskorja (2 freekicks jgħaddulu ftit barra). Inzaghi, Gattuso, Nesta, Zambrotta u van Bommel (bil-jeans, imweġġa’, ma setgħax jilgħab l-aħħar logħba). Kollha miġburin ħdejn xulxin ixejru lill-curva, dmugħ iġelben. Hemm it-tfal li ma jafux eżatt x’qed jiġri, jixxuttjaw ballun ‘l hinn u ‘l hawn waqt li missirijiethom kienu ser joħorġu minn storja biex jidħlu fl-istorja.  Ambrosini, l-uniku wieħed mill-antiki li ser jibqa’, jibki hu wkoll. Abbiati, waħdu, ‘l bogħod, iħares lejn dawk li kienu sħabu għal tant snin, għal tant rebħiet. Seedorf ma tfaċċax. Niżel Galliani, kważi anke hu ser jibki. Zambrotta, mistħi, imbuttat minn Antonini biex imur għat-tislija finali taħt il-Curva.

Bqajt narahom ftit aktar minuti. San Siro imbikkem. Il-kliem tal-kummentaturi, żejjed, l-istorbju warajja, żejjed.

Għall-ewwel darba f’ħajti xtaqt li nerġa’ ngħix l-aħħar għaxar snin mingħajr ma nibdel xejn minnu, lanqas Istanbul, ma’ dawn l-eroj li dejjem rajt fuq il-kaxxa u qatt mill-qrib, li ferrħuni u rrabjawni u li kbirt magħhom. Ftakart f’meta darba f’Verona xtrajt il-Gazzetta dello Sport u qrajt li van Basten kien ser jirtira. Imma dakinhar kont għadni ċkejken, wara nofs ta’ nhar bin-nervi missieri xtrali ġelat, mhux tant biex inessini, iżda nzerta li ma erġajtx ħsibt dwar van Basten sakemm damet il-vaganza.

Din id-darba differenti.

Inzaghi, lanqas kwart ta’ van Basten, u dik il-bikja tiegħu ser idumu miegħi għal żmien twil. Bħal ma ser jibqa’ miegħi wiċċ Gattuso, il-gwerrier, il-ġellied li qabad lil Joe Jordan minn għonqu u li għajjar lil Leonardo uomo di merda, il-plejer li dejjem jirraġuna bħalma jagħmel l-ikbar supporter, ħafna qalb u ħafna grinta. L-aħħar kelmiet tiegħu kienu Forza Milan sal-mewt.

U Nesta, mingħajru kemm ser jispiċċaw ċertezzi u forsi anke tamiet. U Seedorf, player li kien wasal żmienu iżda jibqa’ wieħed mill-iktar midfielders tekniċi li qatt ra l-club tagħna. U anke van Bommel, surmast minn ġenerazzjoni ta’ footballers li issa spiċċat.

Kelma waħda biss jonqos li ngħid.

GRAZZI.