Wayne Flask

Author Translator Music Writer Public Annoyance

Terroristi

| 1 Comment

Niftakar spettaklu tal-qsajjar Paolo Rossi, attur Taljan li fih pied u nofs kollox. Beda bħala kummidjant ta’ Milan u kif bdew ħafna minn sħabu (Bisio, Abadantuono) Paolo Rossi beda mill-famuż Zelig. Dak iż-żmien Zelig ma kienx l-ispettaklu li jsir f’tinda kbira f’kull belt ta’ l-Italja, fejn il-battuta li jmiss tafha minn qabel ma tingħad u fejn l-applawż huwa faċli wisq. Zelig kien bar ċkejken f’Milan, kien Cabaret, u min jiftakar il-bidu ta’ Zelig fit-TV aktarx jiftakru fil-ħdax u nofs ta’ bil-lejl, palk ċkejken li kien jiflaħ tlieta jew erbgħa persuni, u kienet tippreżentah Simona Ventura.

Lura għal Paolo Rossi: jixjieħ u ma jitwalx, idaħħak ftit u jħassibni ħafna. M’għadux idoqq diski dwar ix-xogħlijiet fuq it-toroq ta’ Milan jew jagħmel spettakli dwar it-tliet penalties li darba tilef Evaristo Beccalossi kontra s-Slovan Bratislava fl-1978. Paolo Rossi qed jagħmel films dwar ir-realta’ tal-ħaddiema tal-fabbriki fl-Italja, u bl-istess mod li għadda minn dak iċ-ċirkwit Beppe Grillo, il-battuta tħalli ħafna spazju għall-kummentarju soċjali.

Waħda mill-battuti li fihom niftakar ta’ spiss kienet tgħid xi ħaġa hekk. “Għalfejn dejjem nitħaddtu dwar l-integralista iżlamiku? Qatt ma nitkellmu dwar il-qattiel Kattoliku jew l-istupratur Buddist…”

Illum sibtuni naqra bil-bajda mdawra. Fi spazju ta’ ftit jiem, il-Knisja Kattolika ta’ Malta ħadet żewġ passi xi ftit jew wisq, kif tgħid, filo-faxxisti. Għeddet lil dawk kollha li ser jivvutaw għad-divorzju bl-iskomunika, mossa li ser isservi sabiex tkompli tiżvojtja l-quddisiet ta’ nhar ta’ Ħadd u biex tkompli tnaqqas il-feel good factor tal-Mons Arċisqof u sħabu. U dalgħodu tkeċċiet Dr Debbie Schembri, jew biex inkun aktar preċiż, ġiet irrevokata l-liċenzja tagħha u b’hekk ma tistax tirrappreżenta klienti fit-Tribunal Ekklesjastiku. Mossa oħra li jien nara kemmxejn ironika, għax propju t-Tribunal Ekklesjastiku joħroġ l-annullamenti, iżda xi ħadd li huwa favur id-divorzju tkeċċa. Ngħid jien, l-annullament u d-divorzju mhux l-istess riżultat għandhom, li ż-żwieġ jispiċċa fix-xejn?

Bejn annullament u divorzju, ladarba r-riżultati u t-trawmi nvoluti huma l-istess, hemm biss kwistjoni ta’ semantika.

Ma nistax ma nsemmiex il-ħniżrijiet li qed tagħmel il-Knisja li suppost qed tirrapreżenta lil Ġesu Kristu. Kristu li qatt ma nħeba wara subgħajh ta’ għemilu tant li miet imsallab, bla spettaklu u xinxilli (dawk ġew wara meta l-Knisja aċċettat bil-qalb kollha l-figolli u l-bajd tal-Għid). Kristu li qatt ma ddiskrimina, li bejn Samaritani u Lhud qatt ma ra d-distinzjoni, Kristu li qatt ma ġġudika. Kristu li ħafer anke fil-mument tal-mewt. U l-mewta tiegħu kienet iebsa u mdemmija, u fiha ma kien hemm xejn ta’ ipokritu jew falz.

Deborah Schembri

Il-ħniżrijiet tal-Knisja, li fl-2011 qed tgħaddi lil Malta minn inkwiżizzjoni psikoloġika, fil-każ ta’ Debbie Schembri anke ekonomika u fiżika. “Jafu kif jolqtu fil-laħam il-ħaj,” tenniet l-avukatessa. Dażgur li jafu. Il-poter tal-Knisja fuq il-gvern u fuq l-istat Malti huwa inkwetanti għalkemm mhux daqs il-poter li għandha fuq l-imħuħ ta’ ħafna Maltin, tant li ser iġġiegħlhom joħorġu jivvutaw kontra d-divorzju avolja parti kbira minnhom m’għandhomx intenzjoni jużawh u ma jaffettwahom assolutament xejn. Naqta’ rasi, issa li l-Manchester United rebħu lbieraħ filgħaxija, li iktar ser ikun hemm tensjoni minħabba l-finali tat-28 ta’ Mejju milli minħabba r-referendum; mela allura għalfejn dan l-akkaniment kontra min jixtieq jibda ħajtu mill-ġdid? Jew dak kien privileġġ għal Maria ta’ Magdala biss?

Ipokrizija, ħniżrijiet, u tattika tat-terrur. Il-kelbiet tal-Knisja f’dan il-każ mhumiex biss il-qassisin (dak huwa xogħolhom wara kollox) imma setturi tal-massmedja, dik li l-Knisja kienet tavżana dwar il-perikli tagħhom, u li issa saru estensjonijiet naturali tagħha. U għalhekk nibqa sorpriż meta ċertu gażżetti u siti ma jirrappurtawx il-pastoral oxxen ta’ l-Isqof, li reġa xejjer il-bandiera ta’ l-Interdett anke ġo wiċċi stess, għax hekk jew hekk se nivvota favur id-divorzju.

Nibqa’ sorpriż dwar kemm huma bla bajd il-front favur id-divorzju, jew x’ l-imniegħel jisimhom, u li ma jsemmux dawn il-ħniżrijiet tal-Knisja li issa saru ta’ kuljum. Għandi naħseb li Dr Pullicino Orlando qala naqra ta’ ħoss fil-Parlament biex jisfida lil ta’ fuqu u lil ta’ madwaru, u issa siket? U possibbli, illum fl-era diġitali, li għadhom iħambqu dwar l-Awtorita’ tax-Xandir u l-airtime li qed jingħataw?

Ngħid għalija, meta nisma l-argumenti tal-front kontra d-divorzju iktar nikkonvinċi ruħi biex nivvota favur: Pierre Cordina jibża li jekk jidħol id-divorzju jibda jgħaddilu l-ħsieb biex jitlaq il martu Mireille Bonello. Kieku jien martek, Pierre, nitilqek mill-ewwel wara li tgħid ħaġa bħal din, għax allura jfisser li  r-rieda fraġli tiegħek tressqek lejn minjaf liema t-tentazzjoni wkoll. Imn’alla mhux legali l-armi nukleari hawn Malta. Ma ninsewx li mbagħad hemm il-kappillan ta’ Ħaż-Żebbuġ li jirnexxielu jkaħħal enċiklika sħiħa f’billboard, gerrex tilja sponsors imma b’xi mod xorta sabhom il-flus. Dażgur li jsibhom.

U mbagħad hemm Andre Camilleri, dak li jixraqlu ħafna ċ-ċoff, ifakkarni ħafna fl-istil ta’ lbies ta’ bejn l-1940 u l-1945, appuntu meta kien hawn gwerra kbira u mietu ħafna nies għax xi ħadd ried jimponi kunċett ta’ ħajja fuq ħaddieħor. Dan l-Ewroġenju qal li d-divorzju huwa ħażin għax min kien isawwat lil martu l-ewwel darba, jista’ isawwat it-tieni darba. Prosit, sur Camilleri, m’hemm xejn isbaħ milli ssawwat l-istess mara għal dejjem, imqar wara xi sakra tajba l-każin (u hemm agħar minn sakra). Kieku tagħmlu reġistru ta’ min isawwat lill-mara (jew raġel) ma tkunx idea tajba, daqsxejn bħar-reġistru tal-pedofili?

Oops, rajtu x’ġara? Pedofili. Il-Knisja trid tiskomunika lilna li ser nivvutaw favur id-divorzju, iżda min bagħbas tifel, imqar waqt li suppost qed jamministra s-sagrament tal-qrar, dak ma ġara xejn. Anzi, il-Knisja taqbeż għalih. Lanqas il-Mafja ma taqbeż għal dawk li jkunu ta’ ġewwa u jmorrukontra l-prinċipji tagħha. Il-Knisja, Maltija u barranija, tiddefendi l-pedofili: ksur tal-famuż kmandament li jgħid La Tiżnix.

Mhux aħjar il-Knisja tara t-travu industrijali li għandha f’għajnejha milli tissielet kontra min irid jerġa jibda ħajtu mill-ġdid? Jew hemm vantaġġi finanzjarji u politiċi li Malta tibqa lura ċivilment? Għax il-moralita, frankament, ma tantx tinteressa lill-Knisja, għax ma qatt nisma nofs kelma ta’ kundanna lejn il-politiċi kumpjaċenti u korrotti ta’ pajjiżna. Ara w aħseb kundanna lejn l-abbużi fuq it-tfal li għamlu membri tal-kleru, fosthom fis-St Joseph’s Home. Jekk intom it-tarka tal-moralita, uru lil dan il-pajjiż li intom serji.

Mhux ser noqgħod ninħeba wara s-semantika, bħalma jagħmlu l-Isqof u Camilleri u sħabhom li huma bojod aktar minn liżar ta’ verġni: jekk intom tal-Knisja tgħidu li qed tiġġieldu għal-liberta tal-Kristjaneżmu f’Malta, u la m’għandkom ebda skruplu lejn min għandu fehema differenti minn tagħkom, jien mhux ser nibqa sieket:

Intom Terroristi. Kattoliċi.

One Comment

  1. Prosit Wayne! Kummentarju ta saħħa liema bħalha!

Leave a Reply

Required fields are marked *.