Wayne Flask

Author Translator Music Writer Public Annoyance

Staliniżmu 2011

| 3 Comments

Ħa nikteb din il-bloggata qsajra b’ilsien pajjiżi, għal żewġ raġunijiet, u li magħhom la Dun Mikiel u lanqas Dun Karm m’għandhom x’jaqsmu: l-ewwel waħda, sabiex ma tiġix xi fonqla minn takkużani li qed nagħmel riklam ħażin lil pajjiżna mal-barranin.

It-tieni post tar-rumanż “Żewġ” ta’ Alex Vella Gera fil-Premju Letterarju Malti huwa punt ta’ diskussjoni dalgħodu l-Ġimgħa. Ma nistax ngħid li m’inix kuntent, avolja ma qrajtx il-ktieb u għad għandi lista twila ta’ novelli x’naqra (kieku għandi ċans nikteb u naqra d-dinja tkun isbaħ).

Xi ħaġa iżda mhux qed iddoqqli, u mhux qed nipprova nnaqqas mill-mertu tar-rebħa. F’Malta, sena 2011, għad għandna problema inkredibbli. Mhux qed nirreferi biss għaċ-ċensura, li tirrenja u tiddomina lil min trid hi – għax, ejjew inkunu onesti, rajt artisti Maltin jippublikaw ritratti tagħhom għarwenin, u minkejja li ħafna bħali għamlu ġimgħa jirremettu u jieklu l-ħobż mixwi biex forsi jgħaddilhom, taċ-ċensura… ħeqq… ma kienu mkien. Għax l-artist, bħall-annimali ta’ Orwell, huwa aktar indaqs minn artisti oħrajn.

Stalin: Ifittex it-triq lejn Kastilja, minn ġol-Wied ta' Ħal Qormi.

Il-problema tagħna ġejja mhux tant mill-awtoritajiet li nafu, għax indunajna ħafna żmien ilu, li għadhom ma nbidlu xejn minn żmien il-gass tad-dmugħ (illum flok gass iqabbdu ġurnalist/a biex jagħmlulek character assassination u d-dmugħ joħroġ minn ġo għajnejk mhux minn ċilindru, hekk tiġi irħas). Il-paniku ta’ partijiet mis-soċjeta tagħna – tgħid il-knisja? tgħid il-politiċi? tgħid tal-Mużew? tgħid qed jibżgħu mill-mostru liberalist? – huwa evidenti.

Imma m’għandhomx għalfejn: biex tagħmel rivoluzzjoni intellettwali trid massa ta’ nies imdejqa, b’ideat ġodda, b’intelliġenza u b’rieda ta’ l-azzar. Imma fil-ġenerazzjoni ta’ Xarabank, fejn il-Eurovision huwa kultura u Alex Vella Gera terrorist, għandna s-suldati tal-moralita, bifolki li jgħaddu ġranet fuq it-timesofmalta.com jikkundannaw l’hinn, l’hawn, jgħixu fuq preġudizzji taparsi Kristjani basta nhar ta’ Ħadd imorru jħabbtu fuq sidirhom fid-dar ta’ Dak li qallhom: tiġġudikawx. Il-massa kuntenta kif inhi: saqqu komdu għal soċjeta u kultura ipokrita, għażżiena u anti-progressista.

Qed nirraġunaw bħal stat tal-Lvant Nofsani: xejn satira politika. Xejn pornografija fil-lukandi. Ma tistax titnejjek b’ Ġorġ Abela. Ma tistax tikteb ċertu stejjer għax jiġi r-rettur ta’ l-Universita bil-minġel f’idejh. Taf x’jagħmlulek hux bil-minġel?

(Saħansitra darba kien hemm Franġiskan li qaleb il-Ko’ran għall-Malti. Il-Kurja waqqfitu lejliet li ppublikah. Kont sejjer niġri l-moskea u inxalla indaħal l-isqof.)

Ma tistax torganiżża biċċa avveniment għax trid tgħaddi minn ġo Kalvarju sħiħ biex tieħu permess. Mingħajr permess tibni blokk ta’ sitt appartamenti iżda qajla tista’ iddoqq il-mużika wara s-siegħa ta’ filgħodu.

U lanqas tista’ tikkritika lil min trid għax issib minġel ieħor, speċjalment jekk qed titkellem dwar xi gran Alla li apponta lilu nnifsu fuq kollox u fuq kulħadd.

Dan kif, fil-pajjiż li tant niftaħru bl-Indipendenza u bil-liberta’, qed induru għall-artisti? Kif, biex inkun ħamallu u baxx u forsi nispiċċa fuq l-aħbarijiet, ma tistax iżżabbab mingħajr ma ssib puliżija jwaqqfek?

Aħjar nieqaf hawn: inkella nibla l-multa jew agħar, jibdew jaħsbu biex jiċċensurawni. Dasvidania.

3 Comments

  1. Prosit Wayne.

  2. Pingback: Tweets that mention Staliniżmu 2011 « the heckler -- Topsy.com

  3. Din xinhi li kull kumment li naqra minn dawk li huma kontra d-divorzju, dejjem inhossni li dan hu l-ewwel kumment li qatt qrajt. Qiesu s-suggett qatt ma ddidkutejnih qabel. L-istess il-kitba kontroversali ta’ Alex Vella Gera. Hafna kundannit ghall-kliem ‘ghoxxen’ li fiha. Li kieku il-hsieb ta’ l-awtur kien biss li jheggeg il-pornografija, jien nahseb li kien jaghzel titlu iehor addattat. Fl-isem attwali, ‘Li Tkisser Sewwi’ – hemm xhieda kemm irridu li l-intenzjoni ta’ l-awtur hi tajba u moralistika. Imma le!! Minn irid jikkundanna dan ma jarahx ghax ma jistax. U ma jistax ghax, hekk kif jammetti l-unur dan din il-bicca litterature, jikxef il-borom tieghu stess u jkollu jerga` jwiezen il-valuri ta` hajtu minn fuq s’isfel. Prospett li jwerwer.
    Interessanti li kien hemm min hu ntelligenti bizzejjed biex jikteb kumment kontra Alex. Madanakollu, fehem biss li dan il-agha kollu mhux hlief konkors ghal min hu kapaci jikteb u juza l-aktar kliem oxxen. Allura dawn, minhabba l-agenda (religjuza?) taghhom, mhumiex kapaci lanqas biss biex jaghmlu analizi l-iktar banali ta’ dak li jaqraw. Dawn bhal dawk li jinvestu kollox fil-qzieqez, il-qzieqez qed imutu bil-passa u madankollu ma jridux jinvestu f-affarijiet ohra. Jeghrqu huma u jridu jnizzlu l-kulhadd maghhom. Dan Malta biss jigri!

Leave a Reply

Required fields are marked *.