Wayne Flask

Author Translator Music Writer Public Annoyance

Frans

| 0 comments

It-triq lejn Wied il-Għajn kollha skossi. Malli taqbeż il-Marsa, u tibda bil-mod it-telgħa ta’ l-Addolorata li tagħti għal Santa Luċija, tibda tinduna li qiegħed fin-nofsinhar ta’ Malta. It-toroq jidjiequ, is-sewwieqa jibdew jerfgħu saqajhom minn fuq il-pedala l-kbira, ġieli anke jserrpu l’hinn u l’hawn donnhom iridu jħabbtuk. Kultant jhedduk xi ftit sakemm qed taqbiżhom, billi jiżfnu fuq il-linja l-bajda li tgħaddi minn nofs it-triq. Ħafna oħrajn għandhom il-vizzju tas-sewwieqa taċ-ċentru u tramuntana ta’ Malta. Jintefgħulek fil-korsija tal-lemin u jżommu warajhom it-traffiku kollu. Ikollok aptit tinżel toffendihom bil-pudur, kif iħobb jgħid sieħbi Pawlu mill-Mosta.

Ilbieraħ flok komplejt minn tal-Barrani lejn iż-Żejtun, fettilli ngħaddi mit-triq li twasslek minn Bulebel għal Ħaż-Żabbar. Għamilt ċuċata, avolja kienet għall-bżonn. Din l-imbierka triq jgħaddu minnha l-vetturi tqal kollha li neżlin jew lejn il-post fejn ser titla’ Smartcity, jew lejn il-monument lir-residenti ta’ Wied il-Għajn, il-premju għall-isfortuna, l-Impjant tar-Riċiklaġġ (darba tawni dokument tal-Wasteserv biex naqilbu għall-Malti. Fih, biex idaħħku, kitbu li kulma kien ser jiżdied it-traffiku kien 0.1%. Ma kkalkulawx, iżda, li scammel mhux faċli taqbżu fi triq b’korsija waħda, u scammel normalment ikun għaddej tlikki. Iżda l-kuxjenza tagħhom nadifa, tant li għamlu kollox mingħajr EIA, iżda ma ġara xejn; bih konna, bih bqajna).

Domt kwarta biex għaddejt mit-triq li ġġonġi Bulebel ma’ Ħaż-Żabbar. U ħames minuti oħra biex nagħmel mitt metru bejn pompa tal-petrol u oħra. Mhux ta’ b’xejn il-petrol jinżel qisu ma nafx xiex.

* * *

Sibt naqa serħan mill-pressjoni kontinwa ta’ klaċċ u brejk fi triq li tiġri ma’ ġenb l-iskola ta’ Ħaż-Żabbar. Daħħalt it-third għall-ewwel darba f’nofsiegħa. Mhux qed nezaġerahom, tafux.

U malajr kelli nżomm brejk għax minn fuq zebra crossing, mistoħbija wara karozza mimlija sadid li Alla biss jaf kemm rat iljieli imwaħħla fl-istess post, bdiet taqsam it-triq xwejħa li għadha fuq tagħha mhux ħażin. Għaraftha. Kienet Mary. Fiż-żmien kont ngħajtilha in-Nanna Mary.

* * *

Meta kont tfajjel, b’ħafna aktar xagħar u ħafna inqas ċiniżmu, il-lista ta’ zijiet u nanniet kien fiha mhux ħażin. Il-ġirien kienu zijiet; Melda, ħabiba t’ommi, ġieli kellha t-titlu ta’ Nanna. L-istess it-tabib tal-familja li sa llum kultant għadna ngħidulu Uncle għax insibuha bi tqila li tabib ngħajtulu b’ismu. Saħansitra Fredu, il-purtinar ta’ l-iskola ta’ Wied il-Għajn, u Rożi, li ma nafx x’funzjoni kellha iżda dejjem kienet tkun fil-bini tal-Primarja Sant’Anna, kellhom titlu ta’ Nannu u Nanna.

Illum, dan jidher bħala affett żejjed, iżda fid-dinja tat-tfulija l-kunċetti ta’ riservatezza u distakk, b’xorti tajba, kienu għadhom ma daħlux.

Mary kienet ‘Nanna’, ukoll. Anke jekk ma kienx hemm demm komuni, kien hemm forma ta’ parentela u numru ta’ siegħat li għaddejt taħt il-protezzjoni tagħha sabiex il-Matrijarka tal-Flask tagħtiha dan it-titlu.

Frans, ir-raġel ta’ Mary, kien raġel kwiet u twajjeb. Kellu sebat’ ibniet waħda aktar storbjuża mill-oħra, u tifel wieħed, twil, kwiet u ta’ l-affari tiegħu. Frans kien nannu, tad-demm, ta’ ruxxmata neputijiet. Peress li skond iz-zokk il-fergħa, tistgħu timmaġinaw il-kakofonija li kien ikun hemm id-dar fil-festa ta’ Ħaż-Żabbar, li kultant aħna, stranġieri mill-art ta’ Wied il-Għajn, konna nżuru. Imqar biex naraw it-tfigħ tal-fliexken bejn iż-żewġ każini tal-Bajda u tal-Baqra (jew tal-Ħodor u tal-Blu, għax fil-Bibbja hemm miktub ċar b’ittri kubitali u b’linja taħtha, li San Mikiel u l-Madonna kien ikollhom argumenti kbar bejniethom). Minn dawn in-neputijiet niftakar l-oħxon u l-irqiq, id-dimonju ż-żgħir u kuġintu (donnhom Batman u Catwoman), iż-żewġ tfajliet fitti, puntiljużi u ċrieċer. Fost ħafna oħrajn li bħalissa mhux qed niftakar għax m’humiex neċessarjament utli, la fit-trama ta’ ħajti u wisq anqas ta’ dan il-blog.

Frans, bħal Siro, l-uniku tifel tat-tieni ġenerazzjoni, kien twajjeb u kwiet. Fis-sajf ġieli kien jinżel Wied il-Għajn, fejn kont inqatta l-vaganzi ma’ nannti tad-demm, u kont ngħaddi taħt il-kustodja ta’ Frans, u mmorru nistadu. Jew aħjar, Frans kien jistad u jien kont noqgħod indur u nagħqad warajh fuq il-biċċa siment li kien hemm fil-post magħruf bħala s-Siberja. Kultant kont nistaqsih xi mistoqsija, ninsa t-tweġiba, u kien jerġa jtennili kollox b’paċenzja kbira.

Darba qabad ħuta daqshiex. “Tmisshiex dik, għax tniggeż,” widdibni Frans.

Pront pront tawwalt idejja u missejtha. U kienet tniggeż tassew.

* * *

Mary qasmet bil-kwiet lejn in-naħa tat-triq fejn hemm dak li darba kien ħanut tal-ġugarelli. M’għarfitnix, u ma stennejtx li tiftakarni anqas.

Frans miet, kont għadni żgħir ħafna meta miet. Meta kien jeħodni jistad kien diġa marid.

Miegħu telqu ħafna wċuħ u ilħna minn tfuliti, li minnhom fadal biss xi ritratt f’xi frame fuq xi kommodina antika u umda. Xi wħud minnhom ma ħallew lil ħadd f’din id-dinja u għaddew għal “ħajja aħjar” fil-ħemda. Bħal Patri Klement, u Fredu l-purtinar. Jew Rożu tal-klieb u l-Konsu li kien jiġbor il-fliexken mix-xatt u jmur isarrafhom għand Charlo.

L-aħħar dehra, dik tan-nannu Twanny u d-daħka tiegħu, u hu miexi lejn il-ġardina, iressaq b’saqajh tal-lemin lill-qattusa minn fuq it-tapit sabiex ikun jista’ joħroġ.

Leave a Reply

Required fields are marked *.