Wayne Flask

Author Translator Music Writer Public Annoyance

Burraxka Niexfa

| 0 comments

Le, ħuti, jien m’inix bħalkom.

Ma nqattax il-Ħadd waranofsinhar imkeffef f’bandiera sewda bil-bord isfar, disinn daqsxejn antik, indoqq il-ħorn ma kull kelma li jgħid il-mexxej. Ma kontx ser inċapċap għax il-mexxej akkuża lil xi ħadd korrott. Kont nisbel, iva, iżda nifraħ le. U lanqas kelli ħsieb nagħmel ħsara fil-clutch tal-karozza waqt carcades.

Jien il-vavati nħallihom għall-Karnival. U lanqas hawn wisq x’tiċċelebra, jekk toqgħod tinnota kollox.

Kummidjanti jkun hawn ħafna anke fl-elezzjoni. Minn Lou Bondi, bniedem lagħqi li l-awtoritajiet Ċiniżi ser jużaw ilsienu għall-hundred meters fl-Olimpijadi li ġejjin. Kompli b’Charlon Gouder, verżjoni ħażina ta’ Le Iene tiġri wara Gonzi għal risposta fuq xi ħaġa li wieġeb diġa.

U galoppini, mijiet u eluf fuq kull naħa. Tant qażżew kull m’hawn dis-sena li xi ħadd ried jeħodha ma’ Harry Vassallo u jumejn qabel l-elezzjoni ried jitfgħu l-ħabs. Flok membru żagħżugħ ta’ l-Unjoni Ewropea b’futur kbir quddiemu, dak il-jum pajjiżna kien qisu Moldavja fil-Mediterran. Il-ġurnalisti indipendenti, li jiddejqu bil-bżar taħt imneħirhom, sabu ma’ wiċċhom libelli u theddid. U oħrajn inqas indipendenti li għaddew ħin kbir quddiem il-blogs tan-nies jinbħu lejn kull min ma jaqbilx magħhom.

Kandidat li ser jiżviluppa diskoteka fuq sit Natura 2000 sar ġurnalist. Għada jista’ ikun li jinħatar ministru.

Magni tal-propaganda jaħdmu bla waqfien fuq imħuħ dgħajfa li jsegwu twemmin l-ġenituri tagħhom.

Il-MEPA, li kienet fuq ilsien kulħadd għall-ħames snin li għaddew, kienet patata tagħli f’ħoġor il-gvern u l-mira favorita ta’ kull min kellu xi kritika lejn il-gvern. U ma ttihomx tort, tafux.

Iżda minkejja dak l-agħa kollu ta’ kampanja twila u maħmuġa ma nbidel xejn. Għadna bl-istess mentalita’ f’dan il-pajjiż. Għadna noħonqu d-dritt lil partiti iżgħar sabiex tassew jirrapreżentaw lil min jivvutalhom fil-parlament. Għadna bil-mentalita li l-attakki personali jissarrfu f’voti. Għadna nemmnu li l-mexxej ta’ partit jista’ ikun anġlu jew dimonju. Għadna nemmnu li l-korruzzjoni hija dnub gravi iżda mhux gravi sa barra. Għadna nemmnu li l-kaċċaturi jistgħu jżommu lill-klassi politika ostaġġ tagħhom. U għanda nemmnu li f’isem id-demokrazija, m’għandna nagħmlu xejn sabiex inwaqqfu lill-faxxisti milli jistabilixxu rwieħhom f’dan il-pajjiż.

Iddispjaċietni żgur l-aħbar tar-riżenja li offra Harry Vassallo. Ser tkun stramba, l-Alternattiva Demokratika mingħajr wieħed mill-fundaturi tagħha. Lit-tielet partit, nixtieqlu jkompli fil-battalja tiegħu għal post fil-Parlament. Xi darba taslu, tafux.

Leave a Reply

Required fields are marked *.