Wayne Flask

Author Translator Music Writer Public Annoyance

(She’s Lost) Control (Again)

| 8 Comments

Kienet bilqiegħda ħdejn ommha. Widnejha miftuħin beraħ, ħalqha magħluq, xufftejha mgħaffġin flimkien fi tbissima stramba, kważi sfurzata. Idejha m’għandhomx kwiet. Qed jiżfnu żifna mgħaġġla u skomposta, bogħod minn għajnejn Ian. Ommha ma kinitx qed tagħti każ. Ilha hekk snin twal u issa ma tista tagħmillha xejn biex tfiq.

Ian ma kienx xi wieħed li jħobb jiftaħ ħalqu wisq. Kien kantant. Iżda kien kwiet, riservat, kważi sottomess biex ma ngħidx mistħi. Il-palk kien jagħmlu tiegħu iżda għal siegħa u nofs biss. Wara kien jinżel qisu xejn m’hu xejn. Kien ipejjep u jixrob xi ftit avolja t-tabib kien qallu li ma jridux kompli.

Ian ma kienx wisq f’saħħtu lanqas. Iżda kien poeta. Poeta riservat u kemmxejn aċidu minn Manchester. Iżżewweġ lil Debbie meta kellu tmintax, forsi ftit aktar. Dejjem qal li kien għamel żball bih dak iż-żwieġ.

Qal żewġ kelmiet ta’ malajr fit-telefon li kellu fuq l-iskrivanija ċkejkna tiegħu. Qata’.

Għolla wiċċu lejn it-tfajla u lejn ommha. B’leħnu fond, aċċent qawwi tat-tramuntana, qalilha, “Għada mur iltaqa’ magħhom hawnhekk,” u ħarbxilha l-indirizz fuq karta.

Taha l-indirizz f’idejha. Wiċċha xegħel. Ian fehemha. “Kuntenta?” staqsieha, biex ikompli ftit magħha. L-imgħallem kien diġa qallu li kien daqsxejn żorr mal-klienti.

Iżda dik it-tfajla ta’ quddiemu baqgħet ma tkellmitx, idejha bdew itertru b’aktar għaġġla, u f’ħakka t’għajn bdew itertru spallitha, għonqha, rasha. Ħalqha u dawk ix-xufftejn magħfusin flimkien bdew jitilfu l-forma.

Qabel ma ommha setgħet tagħmel xi ħaġa, it-tfajla waqgħet fuq ġenbha tal-lemin bis-siġġu b’kollox. Baqgħet itterter ma’ l-art, wiċċha ‘l fuq, ġisimha jagħti fuqu nnifsu qisha ħutha fuq il-blat. Ommha werżqet waħda ħafifa, maħsuda mhux daqshekk milli ġara, iżda mill-ħin li taha l-attakk.

Ian qabeż minn fuq is-siġġu, ħares lejn wiċċha mgħawweġ. L-istampa tagħha weħlet f’moħħu. Żewġ sekondi wara, sakemm l-istampa żviluppat ruħha, Ian ġera lejn il-kamra tal-banju u mar iġib tazz’ilma.

U hemmhekk, Corbijn qata’ x-xena.

* * *

Fuq l-ajruplan lejn Londra, f’Settembru li għadda, kont qed naqra dwar il-film Control, biċċa xogħol tal-fotografu Anton Corbijn dwar il-ħajja ta’ Ian Curtis, il-kantant tal-Joy Division, li miet meta kellu 23 sena. Sar leġġenda fl-Ingilterra ftit wara mewtu. Fil-film 24 Hour Party People, li kien jitkellem dwar tliet figuri ċentrali fil-mużika u fil-kultura ta’ Manchester f’dawk iż-żminijiet, il-karattru prinċipali, Tony Wilson (magħruf bħala Mr Manchester) iħares lejn Curtis, fit-tebut tiegħu, u jgħid, Dan huwa l-ekwivalenti ta’ Che Guevara fil-mużika.

Iżda Control huwa film maqtugħ xort’ oħra minn 24 Hour Party People. Tony Wilson huwa karattru aktar serju minn dak li ħadem Steve Coogan. Ian Curtis (Sam Riley), il-karattru prinċipali, jitkellem ftit. Martin Hannett, li terz minn 24 Hour jitkellem dwaru, jitfaċċa biss xi ftit drabi, u biex joffendi lil xi ħadd waqt xi recording.

Iżda Control huwa kapulavur rari. Corbijn ħadem kollox black & white biex jagħti dak id-daqsxejn aktar atmosfera lill-Manchester ta’ dak iż-żmien. Sam Riley daħal fir-rwol ta’ Curtis wara li qatta ħinijiet twal jara l-videos ta’ Curtis, u mal-familja tiegħu, mal-membri ta’ Joy Division (li wara saru New Order), u fil-postijiet li għex fihom il-kantant.

Waqt Control ma tidħakx darba. Din mhux kummiedja, din hija storja.

Morru arawh. Anke għax, jekk għadkom taħsbu li Cobain, Kurt, ta’ Seattle fl-Amerka huwa aktar prezzjuż, jista’ ikun li terġgħu taħsbuha.

Ħasra li Tony Wilson miet ġimgħa qabel ma ħareġ dan il-film. Naħseb li Mr Manchester kien jieħu gost bih ukoll.

8 Comments

  1. Pingejt xena tajba hafna hemmhekk Wayne. Sfortunatament films Inglizi hawn Malta ghadhom ma dahlux fix-xena u anke il-muzika tal-Joy Division u bands mill-istess generu kwazi ma tisma xejn bihom hawnhekk. Niftakar mmur nara ’24 Hour Party People’ u mhux zfur konna sebgha fis-sala.

    Nselli ghalik min-naha l-ohra tad-dinja.

  2. Pingejt xena tajba hafna hemmhekk Wayne. Sfortunatament films Inglizi hawn Malta ghadhom ma dahlux fix-xena u anke il-muzika tal-Joy Division u bands mill-istess generu kwazi ma tisma xejn bihom hawnhekk. Niftakar mmur nara ’24 Hour Party People’ u mhux zfur konna sebgha fis-sala.Nselli ghalik min-naha l-ohra tad-dinja.

  3. Hehe I remember when I went to the cinema to watch 24 hour Party People. There were ten attending in total and none of them would shut up during the WHOLE film. The only time they stayed silent was the scene when Wilson gets a blow job from a prostitute. I was so pissed off that I stayed and bought a ticket for the next screening. Thankfully I was alone.

    Control will be out on DVD in 3 weeks time. You can preorder your copy from play.

  4. Hehe I remember when I went to the cinema to watch 24 hour Party People. There were ten attending in total and none of them would shut up during the WHOLE film. The only time they stayed silent was the scene when Wilson gets a blow job from a prostitute. I was so pissed off that I stayed and bought a ticket for the next screening. Thankfully I was alone.Control will be out on DVD in 3 weeks time. You can preorder your copy from play.

  5. Grazzi Jean Paul u Bob

    S’issa ghaddejna sbatax-il ruh li marru jaraw 24 hour Party People – tmintax ghax Bob mar darbtejn. Jekk tafu b’aktar nies nistghu niltaqghu d-dar tieghi u naghmlu screening bis-subtitles.

    Sahhiet huti!

  6. Grazzi Jean Paul u BobS’issa ghaddejna sbatax-il ruh li marru jaraw 24 hour Party People – tmintax ghax Bob mar darbtejn. Jekk tafu b’aktar nies nistghu niltaqghu d-dar tieghi u naghmlu screening bis-subtitles.Sahhiet huti!

  7. Qegħdin nitkellmu fuq ix-xena ta’ Manchester. Il-Ħamis li għadda kont miexi mit-toroq ta’ Melbourne u ġbart magażin li jingħata b’xejn, fih daqs kważi A3 u fih x’qed jiġri mużikalment f’Melbourne.

    Ndawwar tlett paġni u nitgħallem li Ian Brown se jkun hawn fil-bidu ta’ Marzu, ftit qabel nitlaq lura.

    Qabel ħriġt kont qiegħed nisma’ ‘I Wanna Be Adored’ tiegħu waħdu flok ma’ The Stone Roses.

    Il-biljett diġa maqtugħ.

  8. Qegħdin nitkellmu fuq ix-xena ta’ Manchester. Il-Ħamis li għadda kont miexi mit-toroq ta’ Melbourne u ġbart magażin li jingħata b’xejn, fih daqs kważi A3 u fih x’qed jiġri mużikalment f’Melbourne.Ndawwar tlett paġni u nitgħallem li Ian Brown se jkun hawn fil-bidu ta’ Marzu, ftit qabel nitlaq lura.Qabel ħriġt kont qiegħed nisma’ ‘I Wanna Be Adored’ tiegħu waħdu flok ma’ The Stone Roses.Il-biljett diġa maqtugħ.

Leave a Reply

Required fields are marked *.