Wayne Flask

Author Translator Music Writer Public Annoyance

Nawsja

| 0 comments

nausea n. dardir, nawsja, ħass ta’ diżgust jew dardir. – Concise Maltese English English Maltese Dictionary, Joseph Aquilina, Midsea Books Ltd

* * *

Għandi n-nawsja għax qed jistaqsuni ħafna mistoqsijiet li m’għandix tweġiba għalihom, mhux ser ikolli, u jekk ikolli tant ninsab imdardar li jekk niftaħ ħalqi ma jkunx biex toħroġ it-tweġiba.

Għandi n-nawsja u qed nirremetti ftit ħsibijiet hawnhekk.

Għandi n-nawsja għax ħafna, wisq, nies jaħsbu li dak li nikteb f’dan il-blogg huwa kollu minnu. Taħsbu li ser niftaħ l-ixkejjer ta’ qalbi daqshekk malajr quddiem kulħadd? Dan il-blogg huwa rokna ċkejkna fejn nista’ inżejjen ftit minn ħajti bil-kitba, imqar fittizja. Ħaddieħor jaf ipinġi, ikanta, jistona, idoqq jew ixandar. Jien ħriġt b’idejja kbar wsiq biex inpitter. Iżda pinna d-daqs tagħhom sibt.

Għandi n-nawsja għax min hu ċajtier dejjem għoġobni iżda min hu buffu qatt ma laqatni.

Għandi n-nawsja għax min hu buffu qatt ma laqatni iżda min hu giddieb liebes ta’ ċajtier xi darba jinqabad.

Għandi n-nawsja minħabba l-messaġġ ta’ La Barokka u għal darba, irrid u ma rridx, spiċċajt naqbel mal-Boċċa.

Għax, ngħid jien, biex twieġeb persuna waħda ma tridx iddaħħal kategorija sħiħa ta’ nies u tibgħatilhom email mingħajr ma qatt għamlulek xejn. Taf int, jekk qed tipprova turi kemm inti superjuri, m’għandikx għalfejn tiddeffes fil-posta elettronika tagħna. U prosit tal-messaġġ. Qisu taħlita bejn Goebbels u l-Apokalissi.

Għandi wkoll xi ftit nawsja għax La Barokka setgħet użat isimha ta’ veru. Tgħodd għal I.M. Beck ukoll, hux. Allura kieku jien insir Il Postmoderno jew Il Fiore di Pietra. Jew Il Nauseato.

Għandi n-nawsja għax Fredu Sant ma jistax jagħmel operazzjoni fil-kwiet mingħajr ma jinqala’ dak kollu li jieħdu prekawzjoni sabiex ma jinqalax. Ma jinteressanix inkun naf x’kellu, u lanqas jinteressani x’kellu Fenech Adami xi ftit snin ilu anqas. U jinteressawni, marġinalment, l-artikli kollha li qed jitfaċċaw dwar id-differenza bejn Right to Know, Need to Know u Want to Know, u fejn għandek taqta’ l-linja.

Għandi n-nawsja għax ġejja elezzjoni u qed nitħajjar nitla’ xahar Taormina, biex nevita l-kampanja elettorali. Jew inkella nista’ dejjem nordna sensiela DVD’s ta’ Alan Partridge u nidħak daħka.

Għandi n-nawsja għax qed niftakar fl-Underground ta’ Londra u ġejja nostalġija ta’ kollox, fosthom il-ħoss tal-ferrovija u il-Mind the Gap (il-mara li tat leħenha għal dik il-Mind the Gap tkeċċiet minn xogħolha għax fuq is-sit tagħha stess tellgħet xi parodiji ta’ dawn il-messaġġi).

Għandi n-nawsja għax is-sena l-ġdida ftit li xejn ġabet melħ f’moħħ in-nies. Ratzinger maqdar lil Galilei fis-sena 2008. Bush għadu jgħid li l-Iraq hija rebħa Amerikana fl-2008. Għad hawn min hu razzist fis-sena 2008. Għad hawn min m’għandux id-dritt bażiku li jgħix ħajja ħienja. Fis-sena 2008.

Għandi n-nawsja.

Għandkom xi ħaġa għalija?

Leave a Reply

Required fields are marked *.