Wayne Flask

Author Translator Music Writer Public Annoyance

Minkejja li Spiċċat il-Ballottra…

| 2 Comments

Bil-Latin ser insejħilha l-annus horribilis tiegħi, u bit-Taljan, un annata di merda. Ħlief għal xi żewġ trofej tal-Milan, ma tantx kelli biex nitbissem matul din is-sena. Il-bqija, is-sena 2007 ser tinżel fil-kotba ta’ l-istorja tiegħi (kontra qalbi għax lanqas biss ħaqqha post) għall-funerali u għad-diżappunti li ġabitli. Nittama li intom, għeżież qarrejja ta’ dan il-blogg, ikollkom snin ferm aktar ferriħija mill-2007 tiegħi.

Fadal ftit siegħat biex tintemm is-sena. Għadni d-dar bil-piġama l-ġdida u b’nuqqas ta’ aptit li niċċelebra l-wasla tas-sena l-ġdida. Anke t-temp ġie jitnejjek minn kullħadd u għamel ħiltu sabiex iħassar il-festi lil ħaddieħor. B’xorti tajba waslet telefonata f’waqtha mingħand sieħbi Jonny (x’nagħmel mingħajrek?) u l-problema ta’ x’ser nagħmel fl-aħħar tas-sena malajr solviet ruħha.

Il-programm favorit tiegħi: ħamsa minn nies u daqsxejn inbid, rassa ta’ xejn, problemi ħfief ta’ parkeġġ f’Buġibba, u nistgħu saħansitra ngħidu erba’ kelmiet bejnietna mingħajr ma ngħollu leħenna.

Tmiem is-sena 2007 wassal għall-għeluq ta’ siparju ieħor. Saħħiet u grazzi, lira Maltija, inti li qattajt ħinijiet twal fil-bwiet tagħna u partatnik ma’ xi ħobża mid-DeLippo jew xi Rothmans aħmar. U min jaf kemm-il birra, kemm-il xirja minn supermarket, u ikliet fejn xorta waħda ma jtikx li tħallas bil-card. Xi ftit ser inħossha l-mankanza tal-pitirross u tal-ballottra, il-granċ u d-denfil. U l-iktar li ser nibki hija l-munita tal-25 ċenteżmu.

* * *

Għall-wasla ta’ l-Ewro, ġimgħa qabel is-slaten Maġi, għamlu tħejjijiet kbar.

Anke l-gvern qam fuq tiegħu. U l-NECC – immexxija minn ex-paracul ta’ Gonzi, Alan Camilleri – bdiet il-kampanja medjatika. U allaħares tinqabad tfotti fil-prezzijiet.

Ħadu ħafna xogħol, kollha kemm huma. Nasal inneħħilhom il-kappell għaliex biex tbiddel il-munita ta’ pajjiż sħiħ (speċjalment gżiritna, bit-tlajjiet u l-inżul tagħha) m’hix ħaġa ħafifa. Sfortunatament, avvenimenti bħal dawn jagħtu lok għall-aktar marda li ttini ġewwa, dik tal-lagħqiżmu sfrenat, u tal-ħela ta’ flus.

Il-banek mexxew battalja sfrenata bejniethom permezz ta’ riklamar u aktar riklamar. U jekk ma jirriklamawx, jagħmlu xi konferenza jew xi seminar dwar kif ser tolqotna l-munita l-ġdida. Sa ma wasal żmien il-Milied, iż-żewġ banek kienu diġa għaxxqu waħda kbira kull wieħed: Holdup fuq l-HSBC, ftit jiem biss wara li bdiet tiġri l-aħbar (korretta) li parti mhux ħażin mill-Euro converters li tqassmu f’kull dar mill-BOV kienu qed juru figuri mhux korretti.

Għaxxaqtuha, ħuti.

U għas-serata l-kbira organizzaw il-kbira nett: il-Prim Ministru ser jiġbed l-ewwel Ewro minn ATM li saret apposta għall-okkażjoni.

Murtali u bombi biex jimmarkaw nofs il-lejl, u d-dawl aħdar ikrah bil-logo ta’ l-Ewro mdawwar fuq Sant’Anġlu. Kollox kien lest.

In-nofs Malta l-Laburista li kienet quddiem it-televiżjoni probabbli bdiet titlob li jseħħ xi ħaġa (kif jgħidu t-Taljani, gufava). U xi ftit Nazzjonalisti li għandhom għal Gonzi żammew magħhom.

Gonzi, bid-daħk imwaħħla fuq wiċċu, resaq minn fost il-folla sabiex tibda ċ-ċerimonja. Tawh platinum ta’ l-okkażjoni. Probabbli tawh xi PIN ħafif, bħal 1111 jew 0000 biex ma jmurx jinsieh fil-fixla. Josef Bonello kien lest bil-mikrofonu f’idejh. Il-BOV ħasbulha wkoll, għalihom din kienet l-okkażjoni tad-deheb sabiex itellgħu żewġt iswaba’ ħoxnin u jleqqu f’wiċċ il-kompetizzjoni. Ġabu magħhom saħansitra lil dik it-tfajla l-bjonda tar-riklami, dik li qatt ma daħket f’ħajjitha, u probabbli mlewha botolina sabiex tagħmel l-istess espressjoni tar-riklam u ma tmurx turi xi emozzjoni malli jitfaċċa quddiemha Gonzi.

Bil-card f’idejh, il-Prim Ministru li daħħal lil Malta fl-Ewrozona, resaq lejn din l-ATM b’xi flash jew tnejn ifaqqgħu f’għajnejh.

Iżda f’daqqa waħda, proċess bażiku li jseħħ kuljum, dak li niġbdu l-flus mill-magna, inbidel f’traġedja medjatika. Ewrotraġedja, anzi.

Flok il-karti bl-Ewro, tfaċċat il-kitba This ATM is temporary unable to dispense money. We Apologise for the Inconvenience. Gonzi żamm id-daħka fuq wiċċu, għalkemm kienet inqas wiesa minn dik li kellu qabel. Reġa pprova. Lasta għal darb’oħra. It-tbissima nbidlet f’imbarazz.

Nofs Malta li kienet qed tara din ix-xena nfaqgħet tidħak. In-nofs l-ieħor ma riditx temmen dak li qed tara. Anke Fredu Sant, mitfugħ f’kamartu l-Mater Dei, tbissem waħda. Aktar minn waħda. Sorsi interni (għax anke jien ikolli, tafux) qaluli li kellhom iżommuh in-nurses għax beda jqajjem pazjenti oħra bid-daħk u x-xehir tiegħu.

U min jaf liema ħsibijiet ġrew f’moħħ Gonzi dak il-ħin. Kieku hawn Austin diġa niżżilha bid-dagħa t-tinda. Kieku ġie jiġbed Fenech Adami kienet ittih iżżejjed. Ara jien ukoll. Madwaru kien hemm fixla totali. Ħarist lejn il-ġobnijiet li kellna quddiema fuq il-mejda u erġajt tfajt ħarsti lejn it-TV, fejn Alan Camilleri kien qed jibjad mad-daqqa t’għajn. L-istess xi żewġ mustaċċuni tal-Bank. Tonio Fenech donnu xagħru tilfet is-saħħa u lanqas kien jaf fejn jaqbad iħares. It-tfajla tar-riklam tal-BOV ma dehritx iżjed. Nissuspetta li tfewha u żarmawha dak il-ħin. Dik il-qaħbeċ ATM baqgħet ma ħadmitx.

* * *

Il-medja Maltija baqgħet ma qalet xejn dwar dak li ġara. Is-CNN stħaw ftit anqas.

Iddispjaċieni ftit għal Gonzi, tafux. Mhux tort tiegħu. Wara kollox min jaf kemm-il darba ġrat lili li ATM tal-BOV tirrifjuta li taħdem. U tista’ mhux ittiha bis-sieq u toffendi lil R.E.D. u lil Depasquale. Jekk ma tridx taf, ma tridx taf. Lanqas jekk kunjomok Gonzi.

Lanqas ħaqq, jaħasra, il-ħela ta’ riklami u billboards u x’naf jien li vvintat il-BOV. U lanqas ħaqq l-overtimes. Skond is-sorsi nfurmati tajjeb li dejjem ikolli jien ukoll, wiċċ il-membri tal-bord inbidel fil-burgundy li jużaw tal-BOV.

Ma ntikomx tort jekk tgħaddu minn ħdejn xi riklam enormi bit-tfajla li ma tafx tidħak stampata fuqu u tiżolqilkom xi tbissima.

Smile, this is 2008.

2 Comments

  1. Ghadni kif qrajt il blog tieghek dwar ir-rigali li tajt lin-nies li taf! mma hafna minnhom vera originali hehe….miskin ta faccata tieghek! nice blog

    keep it up

  2. Ghadni kif qrajt il blog tieghek dwar ir-rigali li tajt lin-nies li taf! mma hafna minnhom vera originali hehe….miskin ta faccata tieghek! nice blogkeep it up

Leave a Reply

Required fields are marked *.