Wayne Flask

Author Translator Music Writer Public Annoyance

Niki Gravino

| 4 Comments

Meta kien ma’ SKyN kont naħsbu xi tikka stramb. Kien jaf il-Bibbja, lil Nietzsche, Baudrilliard, Eco u biżibilju bestsellers li ma jaqgħux fi ħdan il-klassifika tal-fiction. Jekk tidħol Sapienza aktarx li ssibhom fis-sular ta’ fuq jew fl-ixkafef li hemm fit-taraġ int u tiela’.

Kellu xagħru twil iswed u li kultant kien iqaxxar mad-dawra, ipejjep il-Lucky Strike li jintnu iżżejjed, kien iffissat “fiż-ż**b ta’ Nine Inch Nails” kif kien jgħid xi ħadd. In-number plate tal-karozza l-antika kienet biċċa ironija fina fuq il-memorja pjuttost fallibbli tiegħu. Darba biex ma jinsiex iċ-ċwievet jew il-kartiera x’imkien kien qabad id-drawwa li jġorrhom miegħu f’basket. Imbagħad kien jinsa l-basket warajh.

Kien tajjeb ħafna bil-gitarra. Nerġa ngħidha, tajjeb ħafna. Kien hemm mument fejn kien kapaċi jagħmel li jrid biha f’idejh, għalkemm tista’ tgħid li anke l-keyboards ta’ Josef kien jaf idoqqu sew. Kemmxejn kiesaħ, kien ipejpilna fuq l-istage minkejja d-dagħa tax-xiħadd ta’ l-ewwel.

Ferm qabel ma spiċċaw SKyN, Niki Gravino, l-artist tal-grupp, kien diġa fehem li waħdu, flimkien mal-kapaċitajiet tiegħu u ma’ l-illużjonijiet li seta jħoll f’kunċetti, seta’ jagħmel xi ħaġa li hawn Malta qatt ma rajna bħalha.

Il-mistħija malajr warrabha, m’hemmx lokha fil-proġett ta’ Niki Gravino. Il-kantunieri tiegħu jagħmilhom hu stess, u ebda ħadd ieħor; jikteb dak li jħoss u jiċċaqlaq fuq palk b’awtorita’ ta’ kantant stabbilit. Tliet snin ilu kiseb suċċess moderat permezz ta’ Fingers u Like Feathers,li għamlu xogħolhom li jpoġġuh fuq il-mappa ċkejkna iżda mneħirha mxammar tal-mużika Maltija.

U x-xniegħa li n-Niki ser jagħmel xi oħra malajr bdiet tiġri. Ma baqax jiġi futbol it-Tnejn filgħaxija u kważi ħassejt in-nuqqas tat-tackles iebsin u preciżi tiegħu (fuq it-tqassim nitkellmu darb’oħra, jekk tridu).

* * *

Għadu ma qalibx Diċembru iżda x-xahar ta’ Novembru kien kiefer biżżejjed. Bard u riħ u xi ftit seqi, xi żewġ avvenimenti li tħassru minħabba x-xita u moral ftit jew wisq aħjar minn dak ta’ Ottubru.

U stennija għal launch ta’ l-album il-ġdid. Sentejn ilu kien ħadem biċċa xogħol tajba ħafna fl-MITP, il-Belt, f’lejla oħra mudlama fejn wera ftit traċċi minn dak li kien kapaċi jikteb kont mort id-dar impressjonat bil-livell mhux biss ta’ Vitamins and Eyecream iżda wkoll ta’ l-ispettaklu, u tal-mod kif ħoloq il-kunċett artistiku tiegħu.

Baqa’ jissemma dak il-launch, u issa, fix-xita ta’ Novembru li ma ssibilhiex irkaptu, miexi b’ċertu ħerqa lejn il-ftuħ ta’ The Politics of Double Beds.

* * *

Taħsbux li kantant liebes nuċċali tax-xemx fil-ħdax ta’ bil-lejl u jkanta f’sakra ma jarax art huwa artist. Taħsbux li jeans imqatta’ u erbgħa twerżiqiet se jdaħħlu lil xi Ġanni Borg kwalsiasi fl-ixkaffa tal-biografiji fid-dar ta’ Andy Warhol. Morru araw lil Gravino u terġgħu taħsbuha.

Dress Code: any kind of elegance, kien jgħid l-invit. Taħtha, l-ewwel ħjiel ta’ kif kienet ser tkun is-serata: Forget Your Certainties. Dħalna fi Sky, il-klabb il-ġdid li probabbli għadu mhux lest u li probabbli mhux ser ikisser il-kompetizzjoni kollha kif inhu mistenni. Enormi, madanakollu, u hawn Malta jekk ikollok wieħed kbir kulħadd isemmik.

Ma domniex nistennew. Żewġ kelmiet mal-Bugi u xi żewġ karattri oħra, xi wħud liebsin għall-okkażjoni, u ftit minuti wara beda l-ispettaklu.

U spettaklu tassew kien.

Ħassejtni qiegħed fin-naħa l-mgħottija tal-munita li ħafna snin ilu tefgħu l-U2 fil-Berlin ta’ Achtung Baby, 1991. Il-gotiku u l-arti mudlama, b’koreografiji ta’ żeffiena b’għajn waħda li jitmasħnu u jwarrbu iż-żeffiena ta’ Mysterious Ways.

Il-ħoss tal-mużika hija industrijali, qawwija, tbiddel il-pass skond kif ifettillu l-kittieb, tiżżeffen mill-pass mgħaġġel għal dak kajman li jidħol fl-orkestri u l-vjolini. Il-lirika ta’ Gravino tqaċċat u ma tħares f’għajnejn ħadd, ħlief forsi biex titnejjek bik f’wiċċek u titolbok sess fqajjar mingħajr irbit (Force me to Love You). Minn Vitamins and Eyecream, tliet traċċi separati marbutin flimkien biss mill-istil, il-ħidma iebsa ta’ Gravino welldet proġett komplut li huwa The Politics of Double Beds. U ma tistax, ma jaqbillikx tisma’ traċċa minn dan l-album għal rasha; dan huwa album li trid tisma’ kull sekonda mis-siegħa u għaxar minuti tiegħu.

Liebes qalziet u sidrija suwed fuq ġilda bajda karti aktar muskoluża minn qabel, Gravino qed iwerżaqlek is-subkonxju tiegħu u jinbxek bih. Jekk tieħu għalik problema tiegħek. U jekk taf tifhmu ser tapprezza l-mużika tiegħu, is-sinfoniji li jitfaċċaw minn bejn is-samplers u l-gitarra u d-drums imħaxxen.

Xebbaħtu ma’ l-eleganza ta’ Prince u vagament mal-mossi ta’ Iggy Pop, leħen li jxaqleb minn falsetto mqit għall-poetiku awsteri ta’ Dave Gahan. Il-mużiċisti tiegħu ta’ min jinżalhom il-kappell, għoġobni ħafna Francesco, il-bassist, b’fiżiku twil u rqiq u bil-baxx mgħaġġel u konsistenti marbut sa kważi nofs sidru. Franco Tartaglia fuq il-gitarri kien, bħas-soltu, garanzija, mużiċist li ried jitgħallem it-triq l-iebsa fil-mużika u li nittama li jkompli jitjieb.

Ma tantx iparla, Gravino, għax hemm kollox fid-diski tiegħu. Is-serata bdiet permezz ta’ lezzjoni fil-Franċiż ta’ Madame Marie, li reġgħet tfaċċat f’nofs is-serata għall-monologu kemmxejn twil b’erbgħa ilsna (fosthom espressjoni kkulurita bil-Malti, li daħku biha biss dawk li ma fehmux il-bqija tal-versi). Illejla, tħalltu flimkien mużika u arti; tiġri ta’ spiss iżda ftit huma d-drabi fejn dan il-proċess ma jaqax għar-ridikolu. Aktar u aktar meta hija l-mużika industrial tant immaqdra u normalment xejn sofistikata, li tingħaqad ma’ arti klassika u joħolqu ċirku sewdieni, mqit, kważi sarkastiku. Sampler u saxophone, filmati mill-espressjoniżmu Ġermaniż u ħafna dawl baxx.

Ma naqasx li jagħmel tribut żgħir lejn Trent Reznor, b’verżjoni ta’ Hurt li kważi ġabitli d-dmugħ. U dan l-album qisu ċelebrazzjoni ta’ l-influwenzi ta’ Gravino, li sawru dak kollu li sar dan il-bniedem kemmxejn stramb li qatta ljieli twal imqajjem jew ma’ mixer jew ma’ Umberto Eco. Hemm in-Nine Inch Nails, Prince, Depeche Mode, xi ftit Pink Floyd, u ħafna Niki Gravino.

Prosit tassew.

Morru ixtruh.

* * *

Sagħtejn wara ninsab f’bar popolari f’Malta fejn għall-elfejn u tliet mitt darba d-DJ reġa daqq My Sherona. Il-qaħbeċ, x’anti-climax.

4 Comments

  1. Bloggata tajba ħafna Wayne, prosit, qajjimtli kurżita kbira ufuq dan l-album, hemm imnejn jinxtara online?

  2. Bloggata tajba ħafna Wayne, prosit, qajjimtli kurżita kbira ufuq dan l-album, hemm imnejn jinxtara online?

  3. Jaffaxinani wisq jiena niki gravino
    andu l muzika wisq sabiha u il lirika bellezzaa..
    sijat inqatta nisma il muzika tijew u ma ixebbani qatt!!!
    Prosett!!

    u proset int wayne blog tjb al ahhar.. daqxej aktar fuq gravino pls! :)

  4. Jaffaxinani wisq jiena niki gravinoandu l muzika wisq sabiha u il lirika bellezzaa..sijat inqatta nisma il muzika tijew u ma ixebbani qatt!!!Prosett!!u proset int wayne blog tjb al ahhar.. daqxej aktar fuq gravino pls! :)

Leave a Reply

Required fields are marked *.