Wayne Flask

Author Translator Music Writer Public Annoyance

Areola Treat/Mathematikal 14/12/07

| 4 Comments

Għadhom id-disgħa u nofs. Diġa qiegħed Poxxbar. Hemm Jon u Jay qed ilissnu xi ftit dagħwiet irqaq minn taħt ilsienhom. Is-sound mhux qed joħroġ kif suppost, hemm il-bass mitfi u hekk ma naħdmux. Qalbi għamlet tikk ħafif u dak il-ħin għedt bejni u bejn ruħi, hawn aħna, ġejja xi waħda.

Wasal Bob, id-DJ l-ieħor li kellu jdoqq qabli f’dik il-lejla. Ġie mleflef f’kowt twil sa saqajh, liebes nuċċali tal-vista bil-frejm iswed. X’ħin rajtu fakkarni ftit f’Jamie Decesare (fiż-żmien kitarrist tal-band Tiara li kienet tkanta fih Ira) u fakkarni ħafna f’Graham Coxon (fiż-żmien kitarrist tal-band Blur, li kien ikanta fiha Damon Albarn). Dan Bob qtajtu raġel kwiet, għandu pouch tac-CD’s iżgħar minn tiegħi iżda l-materjal li jġorr fih huwa impressjonanti. Ħadt gost nisimgħu u minn lat indunajt għalfejn ta’ l-Alternative Malta jaħilfu bih daqshekk.

Bob kellu jdur minn naħa għall-oħra tas-sala sakemm sabu s-sors tal-problemi fl-awdjo. Ma rajtux jitniffes. Kieku kont jien floku kont indaħħan nofs pakkett u nikkunsidra nagħmel xi xenata kif darba kont għamilt l-Alley meta ma ried jaħdem xejn.

Iżda x-xorti riedet li kollox jitranġa. U bil-mod il-mod dan il-post li mhux familjari miegħi bdejt narah jisbieħ. Tfaċċa sieħbi l-Fesu, DJ ieħor li bħali laqtitu x-xena indie u minn hemmhekk addio mużika għall-massa. U mal-Fesu, bejn JB u ieħor sakemm bdew l-Areola Treat (Aljoli Trid?), qbadt id-diskursata fuq dawk iż-żminijiet u kemm kien idoqq għo**ati Edward. U tħadditna, s’intendi, fuq mużika, għax ma nafux nagħmlu aħjar. Tfajna xi kumment fuq xi tfajla li kienet preżenti, xejn tqil iżżejjed għal dan il-blog, iżda xejn partikolari lanqas.

Mal-ħdax u nofs ta’ bil-lejl beda l-kunċert ta’ l-Areola Treat. Il-kantanta, Lisa, kienet l-universita fl-istess kors miegħi, dak iż-żmien lanqas kienet tiftaħ ħalqha. Iżda llejla fetħitu beraħ u bis-saħħa tal-garġi tagħha mexxiet tliet mużiċisti veloċi u b’saħħithom, bqajt impressjonat li f’serata sħiħa ma nstemax żball wieħed. Fakkritni ftit f’mixxela daqsxejn iebsa, dik ta’ Iggy Pop fl-aqwa tiegħu u Juliette & The Licks, band oħra li qegħda fil-moda. Speċjalment f’dik tal-Fesu.

Kunċert ta’ madwar siegħa fejn ma ħlewx ħin, ma parlawx żejjed, u biex nitfgħuha kif tisimgħuha fit-toroq, faqgħu kull m’hemm.

Il-Mathematikal naqra aktar ikkumplikati. Jon u Jay jafu lil xulxin minn żmien Hiddensun, fejn wieħed kien (u għadu) idoqq il-bass, u l-ieħor kellu t-turntables, synths, effects, u dak kollox li fih wajers, buttuni, u elettronika.

Kenneth, ex-gitarrist tal-Hiddensun, kellu Mac ċkejken bl-animations għaddejjin wara dahar il-band. Daħlu perfettament ma’ l-elettronika funky tal-Mathematikal, show li kien maħsub fuq il-linja tal-kunċerti tad-Daft Punk u tal-Chemical Brothers (jien u Jon konna rajna lil dawn ta’ l-aħħar flimkien, kont ħriġt imbellaħ b’li rajt iktar milli b’li smajt). U għal wieħed mill-ftit mumenti ta’ din is-sena, stajt ngħid li ħadt buzz.

Ħsibt li ser ikun hemm anqas nies. Dawk li ġew, ħadu gost u għaddew siegħa żmien minkejja li ġej il-Milied, hawn anqas flus fil-bwiet, u biex tidħol kellek tħallas Lm2.50. Li, biex ngħidu kollox, tagħmel sens għax biex tarma dak kollu hija spiża mhux ħażin.

Gran finale? Jien.

Siegħa w nofs indoqq kif dejjem xtaqt jien, mużika naqra aktar friska, naqra aktar Londoner u Parisien. Sibt ħin saħansitra għal Mirwais.

* * *

Fit-tlieta ta’ filgħodu qed nimxi lura frisk bħal ħassa lejn il-karozza tiegħi. Kont liebes in-nuċċali ta’ King Monkey u naħseb daħħakt lil xi erba’ Ġappuniżi li rawni fit-triq. Ma tajtx wisq każ. Għad għandi tbissima wiesa’ fuq xoffti. Issa nibdew underground.

Xi ftit ritratti tista’ tarahom billi tagħfas hawn.

4 Comments

  1. Hey there

    Yeah it was a good night – Both bands were amazing – Pity I had to miss your set cause of work. I will try to attend one in the future though.

    and thanks for the comment! lol Graham Coxon rules! and Jamie is a friend of mine as well haha

  2. Hey thereYeah it was a good night – Both bands were amazing – Pity I had to miss your set cause of work. I will try to attend one in the future though.and thanks for the comment! lol Graham Coxon rules! and Jamie is a friend of mine as well haha

  3. Cheers dude – look forward to the next one. hope you dont end up having your pic on the side of milk cartons like Cox… take care!!

  4. Cheers dude – look forward to the next one. hope you dont end up having your pic on the side of milk cartons like Cox… take care!!

Leave a Reply

Required fields are marked *.